QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-IMQADDSA MARIJA OMM ALLA

IT-LVIII JUM DINJI TAL-PAĊI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

L-Erbgħa 1 ta’ Jannar 2025

 

Fil-bidu ta’ sena ġdida li l-Mulej qed jagħtina fil-ħajja tagħna, hi ħaġa sabiħa li nistgħu nerfgħu l-ħarsa tal-qalb tagħna lejn Marija. Fil-fatt hi, għax hi Omm, tressaqna għar-relazzjoni ma’ Binha: twassalna għand Ġesù, tkellimna fuq Ġesù, teħodna għand Ġesù. Hekk, is-Solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla tgħaddasna mill-ġdid fil-Misteru tal-Milied: Alla sar wieħed minna fil-ġuf ta’ Marija u aħna, li ftaħna l-Bieb Imqaddes biex nagħtu bidu għall-Ġublew, qed niġu mfakkra li “allura Marija hija l-bieb li minnu daħal Kristu f’din id-dinja” (San Ambroġ, Epistola 42, 4: PL, VII).

 

L-Appostlu Pawlu jiġbor dan il-Misteru billi jistqarr li “Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara” (Gal 4:4). Dawn il-kelmiet – “imwieled minn mara” – jidwu llum fil-qalb tagħna u jfakkruna li Ġesù, il-Feddej tagħna, sar bniedem u jidher fid-dgħufija tal-ġisem.

 

Imwieled minn mara. Din l-espressjoni qabelxejn teħodna lura għall-Milied: il-Verb sar bniedem. L-Appostlu Pawlu jispeċifika li twieled minn mara, kważi jħoss il-bżonn li jfakkarna li Alla sar tassew bniedem fil-ġuf uman. Hemm tentazzjoni, li llum issaħħar lil tant nies imma li tista’ tħajjar ukoll lil tant Insara: dik li nistħajlu jew nivvintaw Alla “astratt”, marbut ma’ idea reliġjuża vaga, ma’ xi emozzjoni tajba li tgħaddi. Imma huwa konkret, hu uman: twieled minn mara, għandu wiċċ u isem, u jsejħilna biex nidħlu f’relazzjoni miegħu. Kristu Ġesù, il-Feddej tagħna, twieled minn mara; hu tad-demm u l-laħam; ġej minn ħdan il-Missier, imma jinkarna fil-ġuf tal-Verġni Marija; ġej mill-għoli tas-smewwiet, imma jgħammar fil-qigħan tal-art; huwa l-Iben ta’ Alla, imma sar Bin il-bniedem. Hu, xbieha tal-Missier li jista’ kollox, ġie fid-dgħufija; u mqar jekk hu bla tebgħa, “Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21). Twieled minn mara u hu wieħed minna. Proprju għalhekk hu jista’ jsalvana.

 

Imwieled minn mara. Din l-espressjoni tkellimna wkoll fuq l-umanità ta’ Kristu, biex tgħidilna li hu juri ruħu fid-dgħufija tal-ġisem. Niżel fil-ġuf ta’ mara, twieled bħall-ħlejjaq l-oħra kollha, araw kif hu juri ruħu fid-dgħufija ta’ Tarbija. Għalhekk ir-ragħajja meta marru biex jaraw b’għajnejhom dak li l-Anġlu kien ħabbrilhom, ma sabu ebda sinjal straordinarju jew manifestazzjoni grandjuża, imma “sabu lil Marija u ’l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura” (Lq 2:16). Sabu tarbija tat-twelid bla xejn x’jiddefendiha, dgħajfa, fil-bżonn tal-kura ta’ ommha, fil-bżonn tal-fisqija u tal-ħalib, tat-tmellisa u tal-imħabba. San Lwiġi Marija Grignon de Montfort jgħid li l-Għerf divin “ma riedx, imqar jekk seta’, jingħata direttament lill-bnedmin, imma pprefera li jingħata permezz tal-Verġni Mqaddsa. Ma riedx jiġi fid-dinja fl-età ta’ bniedem perfett, indipendenti mill-oħrajn, imma bħala tarbija fqajra u ċkejkna, fil-bżonn tal-kura u tas-sosteniment tal-Omm” (Trattat tad-devozzjoni vera lejn il-Verġni Mqaddsa, 139). U hekk fil-ħajja kollha ta’ Ġesù nistgħu naraw din l-għażla ta’ Alla, l-għażla taċ-ċokon u tas-satra; hu qatt ma jċedi għas-seħer tal-poter divin biex iwettaq sinjali kbar u jimponi ruħu fuq l-oħrajn kif kien issuġġerielu x-xitan, imma jiżvela l-imħabba ta’ Alla fil-ġmiel tal-umanità tiegħu, billi jgħammar fostna, u jaqsam fil-ħajja ta’ kuljum magħmula minn taħbit u minn ħolm, u jagħder it-tbatijiet tal-ġisem u tar-ruħ, jiftaħ għajnejn l-għomja u jserraħ il-qalb ta’ dawk li jħossuhom mitlufa. Mogħdrija. It-tliet atteġġjamenti ta’ Alla huma ħniena, qrubija u mogħdrija. Alla jersaq qrib tagħna, hu ħanin u juri mogħdrija. Ma ninsewhx dan. Ġesù jurina lil Alla permezz tal-umanità dgħajfa tiegħu, li tieħu ħsieb tad-dgħajfin.

 

Ħuti, sabiħ naħsbu li Marija, ix-xebba ta’ Nazaret, teħodna dejjem mill-ġdid lejn il-Misteru ta’ Binha, Ġesù. Hi tfakkarna li Ġesù jiġi fil-ġisem u, għalhekk, il-post ipprivileġġjat fejn nistgħu niltaqgħu miegħu huwa qabelxejn il-ħajja tagħna, l-umanità dgħajfa tagħna, dik ta’ min ta’ kuljum jgħaddi minn maġenbna. U meta nsejħulha bħala Omm Alla, inkunu naffermaw li Kristu ġie mnissel mill-Missier, imma twieled tabilħaqq mill-ġuf ta’ mara. Naffermaw li hu s-Sid taż-żmien, imma jgħammar f’dan iż-żmien tagħna, anki f’din is-sena l-ġdida, bil-preżenza tiegħu ta’ mħabba. Naffermaw li hu l-Feddej tad-dinja, imma nistgħu niltaqgħu miegħu u għandna nfittxuh fil-wiċċ ta’ kull bniedem. U jekk hu, li hu l-Iben ta’ Alla, iċċekken biex ikun jista’ joqgħod f’dirgħajn omm, biex jiġi kkurat u mradda’, allura dan ifisser li llum ukoll hu jiġi f’dawk kollha li għandhom bżonn tal-istess kura: f’kull wieħed u waħda minn ħutna li magħhom niltaqgħu u li għandu bżonn tal-attenzjoni, tas-smigħ, tal-ħlewwa tagħna.

 

Din is-sena l-ġdida li qed tiftaħ, ejjew nafdawha lil Marija, Omm Alla, biex aħna wkoll nitgħallmu bħalha nsibu l-kobor ta’ Alla fiċ-ċokon tal-ħajja; biex nitgħallmu nieħdu ħsieb ta’ kull ħlejqa mwielda minn mara, qabelxejn billi nħarsu d-don prezzjuż tal-ħajja, kif tagħmel Marija: il-ħajja fil-ġuf tal-omm, dik tat-tfal, dik ta’ min qed ibati, il-ħajja tal-foqra, il-ħajja tal-anzjani, ta’ min hu waħdu, ta’ min qed imut. U llum, Jum Dinji tal-Paċi, din l-istedina ħierġa mill-qalb materna ta’ Marija aħna msejħin nilqgħuha lkoll: inħarsu l-ħajja, nieħdu ħsieb tal-ħajja midruba – tant ħajjiet midruba, tant –; li rroddu dinjità lill-ħajja ta’ kull “imwieled minn mara” hi l-bażi fundamentali biex nistgħu nibnu ċiviltà tal-paċi. Għalhekk, “nitlob impenn sħiħ biex nippromovu r-rispett tad-dinjità tal-ħajja umana, mit-tnissil sal-mewt naturali, biex kull persuna tista’ tħobb il-ħajja tagħha u tħares bit-tama lejn il-futur” (Messaġġ għat-LVIII Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2025).

 

Marija, Omm Alla u Omm tagħna, qed tistenniena proprju hemm fil-presepju. Lilna wkoll hi turina, kif għamlet mar-ragħajja, lil Alla li jissorprendina dejjem, li ma jiġix fl-għeġubijiet tas-smewwiet, imma fiċ-ċokon ta’ maxtura. Nafdaw lilha din is-sena ġdida tal-Ġublew, inressqu quddiemha l-mistoqsijiet, it-tħassib, it-tbatijiet, il-ferħ u dak kollu li għandna f’qalbna. Hija mamà, hija omm! Nafdawlha d-dinja kollha, biex titwieled mill-ġdid it-tama, biex sa fl-aħħar twarrad il-paċi għall-popli kollha ta’ din l-Art.

 

L-istorja tirrakkontalna li f’Efesu, malli l-isqfijiet daħlu fil-knisja, il-poplu fidil, bil-bsaten f’idu, beda jgħajjat: “Omm Alla!”. U żgur li l-bsaten kienu l-wegħda ta’ dak li seta’ jseħħ kieku ma ddikjarawx id-domma ta’ “Omm Alla”. Illum aħna ma għandniex bsaten, imma għandna qlub u ilħna ta’ wlied. Għalhekk, ilkoll flimkien, ejjew insejħu lill-Omm Qaddisa ta’ Alla. Ilkoll flimkien, bis-saħħa: “Omm Qaddisa ta’ Alla!”, għal tliet darbiet. Flimkien: “Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla! Omm Qaddisa ta’ Alla!”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard