SOLENNITÀ TAT-TNISSIL BLA TEBGĦA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA
ATT TA’ QIMA LILL-IMMAKULATA FI PIAZZA DI SPAGNA
TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LIL MARIJA IMMAKULATA
Piazza di Spagna
Il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2024
Verġni Immakulata,
Omm, Omm Immakulata,
illum hija l-festa tiegħek u aħna ninġabru madwarek.
Il-fjuri li qed noffrulek iridu jesprimu
l-imħabba tagħna u l-gratitudni tagħna;
imma int tara u jogħġbuk fuq kollox dawk il-fjuri moħbija
li huma t-talb, it-tpespis, anki d-dmugħ,
speċjalment id-dmugħ taċ-ċkejknin u tal-foqra.
Arahom, Omm tagħna, arahom.
Omm tagħna, Ruma qed tħejji għal Ġublew ġdid,
li se jkun messaġġ ta’ tama għall-umanità
mġarrba mill-kriżijiet u mill-gwerer.
Għalhekk fil-belt tara kullimkien postijiet tal-kostruzzjoni:
dan – inti tafu – jipprovoka ħafna skumditajiet
u safrattant hu sinjal li Ruma hi ħajja,
li Ruma qed tiġġedded, li Ruma qed tfittex kif tadatta ruħha għall-esiġenzi,
biex tkun iżjed akkoljenti u tiffunzjona aħjar.
Imma l-ħarsa tiegħek ta’ Omm tilħaq lil hemm minn hekk.
U jidhirli li qed nisma’ leħnek
li bl-għerf kollu qed jgħidilna: “Uliedi,
sejrin sew dawn ix-xogħlijiet, imma attenti:
tinsewx il-bini tar-ruħ!
Il-veru Ġublew jinsab ġewwa:
ġewwa, ġewwa l-qlub tagħkom – tgħidilna int –,
ġewwa r-relazzjonijiet familjari u soċjali.
Huwa ġewwa li tridu taħdmu biex tħejju
t-triq għall-Mulej li ġej”.
U hija opportunità tajba
biex nagħmlu Qrara tajba
u nitolbu l-maħfra minn dnubietna kollha.
Alla jaħfer kollox, Alla jaħfer dejjem, dejjem.
Omm Immakulata, irroddulek ħajr!
Din ir-rakkomandazzjoni tiegħek tagħmlilna tajjeb,
għandna bżonn wisq tagħha, għax, bla ma rridu,
qed nirriskjaw li ninħakmu għalkollox
mill-organizzazzjoni, minn x’għandna x’nagħmlu,
u allura l-grazzja tas-Sena Mqaddsa,
li hi żmien ta’ twelid spiritwali ġdid,
li hi żmien ta’ maħfra u ta’ ħelsien soċjali,
din il-grazzja ġubilari tista’ ma tiġix sew,
tisfa xi ftit fgata.
Imma hawn is-Sindku qed iħejji kollox biex f’din it-tifkira,
f’din is-Sena Mqaddsa, ikun sew.
Nitolbu għas-Sindku li għandu ħafna xogħol.
Żgur, Marija, int kont preżenti
fis-sinagoga ta’ Nazaret,
dakinhar li Ġesù għall-ewwel darba
pprietka lin-nies tar-raħal tiegħu.
Qara mir-romblu tal-profeta Iżaija:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani,
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
nrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej” (Lq 4:18-19).
Imbagħad qagħad bilqiegħda u qal: “Din il-kitba seħħet illum,
intom u tisimgħu” (v. 21).
U int, ja Omm, int kont hemm, qalb in-nies mistagħġba.
Kont imkabbra bih, b’Ibnek,
u fl-istess waqt stajt tobsor id-dramma
tal-għeluq u tal-għira, li ġġib il-vjolenza.
Din id-dramma int ġarrabtha
u dejjem iġġarrabha, fil-qalb bla tebgħa tiegħek
mimlija bl-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù.
Omm tagħna, eħlisna mill-għira:
ħa nkunu lkoll aħwa, li rridu l-ġid ta’ xulxin.
Ebda għira. L-għira, dak il-vizzju ikrah,
li jeqred minn ġewwa.
U llum ukoll, ja Omm, int ittennilna:
“Isimgħu minn Ġesù, isimgħu minnu!
Agħtuh widen, u agħmlu dak li jgħidilkom hu” (ara Ġw 2:5).
Grazzi, Omm Qaddisa! Grazzi għax mill-ġdid,
f’dan iż-żmien xott mit-tama,
tagħtina lil Ġesù, it-Tama tagħna. Grazzi, Omm tagħna.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard