Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-25 KUNGRESS MARJOLOĠIKU

MARJAN INTERNAZZJONALI

[8-11 ta’ Settembru 2021]

 

Għeżież ħuti,

 

Mill-qalb nipparteċipa jiena wkoll fil-ferħ tagħkom intom u tiċċelebraw, imqar jekk b’mod differenti mis-soltu, dan il-25 Kungress Marjoloġiku Marjan Internazzjonali, bit-tema Marija bejn teoloġiji u kulturi llum. Mudelli, komunikazzjonijiet, perspettivi. Il-ferħ tagħna ma jistax jinsa l-karba siekta ta’ tant minn ħutna li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ diffikultà kbira, aggravati mill-pandemija. Il-veru ferħ li jiġi mill-Mulej jagħti dejjem wisa’ għall-ilħna tal-minsijin, biex flimkien magħhom nistgħu nibnu futur aħjar. Marija, fil-ġmiel tat-triq tal-Vanġelu u fil-qadi tal-ġid komuni tal-umanità u tal-pjaneta, tedukana dejjem biex nisimgħu dawn l-ilħna u hi stess issir leħen għal min m’għandux, biex “tiled dinja ġdida, fejn inkunu lkoll aħwa, fejn hemm post għal kull mormi tas-soċjetajiet tagħna” (Ittra enċiklika Fratelli tutti, 278).

 

F’aktar minn sittin sena ta’ ħidma tagħha, l-Akkademja Pontifiċja Marjana Internazzjonali, hija u tikkordina u tlaqqa’ flimkien lill-entużjasti tal-Marjoloġija mid-dinja kollha, speċjalment permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Kungressi Marjoloġiċi Internazzjonali, offriet spunti, intuwizzjonijiet, ideat u approfondimenti qalb il-bidliet ta’ żmien li jittrasformaw “b’ħeffa l-mod kif ngħixu, nirrelataw ma’ xulxin, nikkomunikaw u nelaboraw il-ħsieb, kif il-ġenerazzjonijiet umani jirrelataw ma’ xulxin, u kif nifhmu u ngħixu l-fidi” (il-Papa Franġisku, Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2019). Dawn il-Kungressi “huma xhieda ċara ta’ kif il-Marjoloġija hija preżenza meħtieġa ta’ djalogu bejn il-kulturi, li kapaċi sseddaq il-fraternità u l-paċi” (Messaġġ lill-Akkademji Pontifiċji, 4 ta’ Diċembru 2019).

 

Fil-fatt aħna nafu li “t-teoloġija u l-kultura ta’ ispirazzjoni Nisranija laħqu l-aqwa tal-missjoni tagħhom meta għarfu jgħixu b’riskju u b’fedeltà fuq il-fruntiera” (Kostituzzjoni appostolika Vertitatis gaudium, 5). U fuq il-fruntieri l-Omm tal-Mulej għandha preżenza speċifika: hija Omm kulħadd, indipendentement mill-etniċità jew min-nazzjonalità. Hekk il-figura ta’ Marija ssir punt ta’ riferiment għal kultura li kapaċi tegħleb il-ħitan li jistgħu jġibu firda. Għalhekk, fit-triq ta’ din il-kultura ta’ fraternità, l-Ispirtu qed isejħilna nilqgħu mill-ġdid is-sinjal ta’ faraġ u ta’ tama żgura li għandu l-isem, il-wiċċ, il-qalb ta’ Marija, mara, dixxiplu, omm u sieħba. Hu tul din it-triq li l-Ispirtu jissokta jgħidilna “li ż-żmiijiet li qed ngħixu huma ż-żminijiet ta’ Marija” (Diskors lill-Fakultà Pontifiċja Teoloġika “Marianum”, 24 ta’ Ottubru 2020). L-Akkademja Pontifiċja Marjana Internazzjonali, hija u tippreserva l-impenn tagħha ta’ tiġdid, tfittex li taqra s-sinjali ta’ dawn iż-żminijiet, għall-ġid tal-Knisja u ta’ kull raġel u mara ta’ rieda tajba.

 

Il-misteru li l-persuna ta’ Marija tiġbor fiha huwa l-istess misteru tal-Kelma ta’ Alla inkarnata. Minn hawn telaq it-tħeġġiġ tal-Papa Benedittu: “Inħeġġeġ […] lill-istudjużi biex jinżlu iktar fil-fond tar-relazzjoni bejn il-Marjoloġija u t-Teoloġija tal-Kelma. […] Marija tidher kemm tassew kienet midħla tal-Kelma ta’ Alla, toħroġ u tidħol fiha bil-ħeffa. Hija titkellem u taħseb bil-Kelma ta’ Alla; il-Kelma ta’ Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma ta’ Alla. Barra dan, jidher li ħsibijietha jixbhu l-ħsibijiet ta’ Alla, ir-rieda tagħha hija ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla. Billi hija kienet mimlija għalkollox bil-Kelma ta’ Alla, hija tista’ ssir Omm il-Kelma li saret bniedem” (Eżortazzjoni appostolika Verbum Domini,  27-28).

 

Ma ninsewx li hi sewwasew din l-istess Kelma li sseddaq il-pjetà popolari, li tixrob b’naturalezza mill-Madonna, billi tesprimi u tittrasmetti “l-ħajja teologali preżenti fil-pjetà tal-popli Nsara, speċjalment fil-foqra […]; ħajja teologali mixgħula bl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li ssawwab fi qlubna […], frott tal-Vanġelu inkulturat” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 125-126).

 

Nirringrazzja lill-Akkademja Pontifiċja Marjana Internazzjonali li ħejjiet u organizzat dan il-Kungress, li huwa mument importanti fis-servizz ta’ kordinament tat-teoloġija Marjana fdat lill-Akkademja. Waqt li nfakkar kif San Franġisk ta’ Assisi kellu għall-Verġni Marija “mħabba ma titfissirx bil-kliem għax kienet hi li lill-Mulej tal-glorja għamlitu ħuna” (Bonaventura ta’ Bagnoregio, Legenda maior, IX, 3), nibgħat minn qalbi lil kull wieħed minnkom il-Barka Appostolika.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 22 ta’ Awwissu 2021, Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija Reġina

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard