Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-OKKAŻJONI TAL- 109 JUM DINJI TAL-MIGRANTI U R-RIFUĠJATI 2023

(24 Settembru 2023)

Ħielsa li nagħżlu nimigrawx jew le

Għeżież ħuti!

Il-flussi migratorji ta’ żminijietna huma l-espressjoni ta’ fenomenu kumpless u varjat li, biex jiftiehem sew, jeħtieġ analiżi bir-reqqa ta’ kull aspett tal-istadji differenti tiegħu, mit-tluq sal-wasla, inkluża l-possibbiltà ta’ ritorn. Bħala kontribut għal dan l-isforz, għażilt li niddedika l-Messaġġ għall-109 Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati dwar il-libertà li dejjem għandu jkun hemm meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi li jħalli art twelidu.

“Ħieles li titlaq, ħielsa li tibqa’” kien it-titlu ta’ inizjattiva ta’ solidarjetà imnedija  bosta snin ilu mill-Konferenza Episkopali Taljana bħala tweġiba konkreta għall-isfidi li jġibu magħhom il-movimenti migratorji ta’ żmienna. Meta smajt b’attenzjoni diversi Knejjes Partikolari, sirt konxju li hemm tħassib pastorali komuni biex ikun assigurat li teżisti din il-libertà tal-għażla.

“Anġlu tal-Mulej deher lil Ġużeppi f’ħolma u qallu: ‘Qum, ħu miegħek lit-tifel u lil ommu, u aħrab lejn l-Eġittu, u ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien; għax Erodi qed ifittex it-tifel biex joqtlu” (Mt 2:13). Il-ħarba tal-Familja Mqaddsa lejn l-Eġittu ma kinitx riżultat ta’ deċiżjoni ħielsa, kif lanqas ma kien il-ħruġ mill-Eġittu li mmarka l-istorja tal-poplu ta’ Iżrael. Id-deċiżjoni li wieħed jitlaq minn pajjiżu għandha dejjem tkun deċiżjoni ħielsa, iżda f’ħafna każijiet, anke fi żmienna, ma tkunx hekk. Il-kunflitti, id-diżastri naturali, jew saħansitra li wieħed isibha impossibbli li jibqa’ jgħix ħajja dinjituża u prospera f’art twelidu qed iġġiegħel lil miljuni ta’ persuni jitilqu minn pajjiżhom. Diġà fl-2003, San Ġwanni Pawlu II stqarr li “f’dak li għandu x’jaqsam mal-migranti u r-rifuġjati, il-bini ta’ kundizzjonijiet ta’ paċi jfisser fil-prattika li jkun hem impenn bis-serjetà biex l-ewwelett jitħares id-dritt li wieħed ma jkollux għalfejn jitlaq minn art twelidu, jiġifieri d-dritt li wieħed jgħix fil-paċi u fid-dinjità ġo art twelidu stess” (Messaġġ għad-90 Jum Dinji tal-Migranti u r-Rifuġjati, 3).

 “U ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid li rnexxielhom iħasslu fl-art ta’ Kangħan, u waslu l-Eġittu, Ġakobb u nislu kollu miegħu” (Ġen 46:6). Ġuħ gravi ġiegħel lil Ġakobb u lill- familja kollha tiegħu jfittxu kenn fl-Eġittu, fejn ibnu Ġużeppi assigura li jibqgħu ħajjin. Il-persekuzzjonijiet, il-gwerer, il-fenomeni atmosferiċi u l-faqar kbir huma fost l-aktar kawżi li jidhru tal-migrazzjoni sfurzata llum. Il-migranti jaħarbu minħabba l-faqar, il-biża’ jew id-disperazzjoni. L-eliminazzjoni ta’ dawn il-kawżi u b’hekk it-tmiem tal-migrazzjoni sfurzata titlob impenn min-naħa ta’ kulħadd, skont ir-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed. Dan l-impenn jibda billi nistaqsu x’nistgħu nagħmlu, imma wkoll x’għandna nieqfu nagħmlu. Irridu nagħmlu kull sforz biex inwaqqfu t-tellieqa għall-armi, il-kolonjaliżmu ekonomiku, is-serq tar-riżorsi ta’ popli oħra u l-qerda tad-dar komuni tagħna.

 “Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda u kienu jaqsmu kollox bejniethom,  kienu jbigħu ġidhom u kulma kellhom u jaqsmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed” (Atti 2:44-45). L-idejal tal-ewwel komunità Nisranija jidher daqshekk imbiegħed mir-realtà tal-lum! Biex il-migrazzjoni ssir għażla tassew ħielsa, jeħtieġ li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu sehem indaqs fil-ġid komuni, rispett għad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha, u aċċess għal żvilupp uman integrali. B’hekk biss inkunu nistgħu noffru lil kull persuna l-possibbiltà ta’ ħajja dinjituża, kemm individwalment kif ukoll bħala familja. Jidher ċar li r-responsabbiltà ewlenija taqa’ f’idejn il-pajjiż minn fejn wieħed ikun ġej u l-mexxejja tiegħu, li huma msejħa biex jipprattikaw politika tajba – waħda li tkun trasparenti, onesta, li tħares ʼil  quddiem u li tkun għas-servizz ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Fl-istess ħin, dawn irid ikollhom il-possibiltà li jagħmlu dan, mingħajr ma jsibu lil pajjiżhom misruq mir-riżorsi naturali u umani, u mingħajr ma jkun hemm indħil minn barra bl-uniku skop li jinqdew l-interessi tal-ftit. U meta ċ-ċirkustanzi jagħmluha possibbli li wieħed jiddeċiedi jimmigrax jew le, hemm bżonn li jiġi żgurat li d-deċiżjoni tkun infurmata sew u kkunsidrata bir-reqqa, sabiex jiġi evitat li għadd kbir ta’ nies: irġiel, nisa u tfal jisfaw vittmi ta’ illużjonijiet perikolużi jew ta’ traffikanti bla skrupli.

“F’din is-sena tal-ġublew kulħadd jerġa’ lura għal dak li kellu” (Lev 25:13). Għall-poplu ta’ Iżrael, iċ-ċelebrazzjoni tas-sena tal-ġublew kienet tirrappreżenta att ta’ ġustizzja kollettiva: “kulħadd tħalla jerġa’ lura għall-qagħda li kien fiha qabel, jinħafrulu d-djun kollha, tingħatalu lura artu, u hekk ikollu opportunità biex għal darb’oħra igawdi l-libertà tal-membri tal-Poplu ta’ Alla” (Katekeżi, 10 ta’ Frar 2016). Hekk kif qed noqorbu lejn is-Sena Mqaddsa tal-2025, nagħmlu tajjeb li niftakru dan l-aspett taċ-ċelebrazzjonijiet tal-ġublew. Jinħtieġu sforzi kollettivi minn pajjiżi individwali u l-komunità internazzjonali biex jiġi żgurat li kulħadd igawdi d-dritt li ma jiġix sfurzat jitlaq art twelidu, fi kliem ieħor, li jkollu ċ-ċans li jgħix fil-paċi u b’dinjità f’pajjiżu stess. Dan id-dritt għad irid jiġi kkodifikat, iżda huwa wieħed ta’ importanza fundamentali, u l-ħarsien tiegħu irid titqies bħala responsabbiltà kollettiva min-naħa tal-pajjiżi kollha fir-rigward ta’ dak il-ġid komuni li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Tabilħaqq, peress li hemm limitu għar-riżorsi tad-dinja, l-iżvilupp tal-pajjiżi li huma ekonomikament ifqar, jiddependi fuq il-kapaċità ta’ qsim li jirnexxielna nagħmlu bejn il-pajjiżi kollha. Sakemm dan id-dritt ikun garantit – u hawn qed nitkellmu dwar proċess twil – ħafna nies xorta waħda se jkollhom jitilqu art twelidhom sabiex ifittxu ħajja aħjar.

 “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għarwien u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont il-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Dan il-kliem huwa twissija kontinwa biex naraw fil-migrant mhux sempliċiment lil ħuna jew oħtna f’diffikultà, imma lil Kristu nnifsu, li jħabbtilna l-bieb. Għaldaqstant, anke waqt li naħdmu biex nassiguraw li f’kull każ il-migrazzjoni tkun frott ta’ deċiżjoni ħielsa, aħna msejħin nuru rispett kbir għad-dinjità ta’ kull migrant; dan jinvolvi l-akkumpanjament u li namministraw il-mewġiet migratorji bl-aħjar mod possibbli, li nibnu pontijiet u mhux ħitan, li nwessgħu l-kanali biex ikun hemm migrazzjoni b’mod sigur u regolari. Kull fejn niddeċiedu li nibnu l-futur tagħna, f’art twelidna jew inkella f’xi pajjiż ieħor, l-importanti hu li dejjem ikun hemm komunità lesta li tilqa’, tipproteġi, tippromwovi u tintegra lil kulħadd, mingħajr distinzjonijiet u mingħajr ma teskludi lil ħadd.

Il-mixja sinodali li niedejna bħala Knisja twassalna biex naraw f’dawk li huma l-aktar vulnerabbli – fosthom ħafna migranti u rifuġjati – ħbieb speċjali fi triqitna, li għandhom ikunu maħbuba u mħarsa bħala aħwa. Huwa biss meta nimxu flimkien li jirnexxielna naslu ʼl bogħod u nilħqu l-għan komuni tal-vjaġġ tagħna.

 

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, il-11 ta’ Mejju 2023

 

FRANĠISKU

 

TALBA

O Alla, Missier li tista’ kollox,

agħtina l-grazzja li naħdmu bla heda

għall-ġustizzja, għas-solidarjetà u għall-paċi,

sabiex uliedek kollha jkunu jistgħu jgawdu

l-ħelsien li jagħżlu jekk jimigrawx jew le.

 

Agħtina l-kuraġġ li nirrappurtaw

l-orruri kollha tad-dinja tagħna,

u biex niġġieldu kull inġustizzja

li tħassar is-sbuħija ta’ wliedek

u l-armonija tad-dar komuni tagħna.

 

Sostnina bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek,

sabiex inkunu nistgħu nirriflettu l-imħabba tenera tiegħek

lil kull migrant li inti tqiegħed fi triqitna,

u li tinfirex fil-qlub u f’kull sitwazzjoni

il-kultura tal-flimkien, u li nieħdu ħsieb xulxin.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes