Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAD-LIX JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

 

Aqsmu bil-ħlewwa t-tama li għandkom fi qlubkom (ara 1 Piet 3:15-16)

 

Għeżież ħuti!

 

F’dan iż-żmien immarkat mid-diżinformazzjoni u mill-polarizzazzjoni, fejn ftit ċentri tal-poter jikkontrollaw massa ta’ informazzjonijiet mingħajr preċedent, indur lejkom bl-għarfien ta’ kemm hemm bżonn – illum iżjed minn qatt qabel – tal-ħidma tagħkom ta’ ġurnalisti u komunikaturi. Hemm bżonn tal-impenn kuraġġjuż tagħkom biex inqiegħdu fiċ-ċentru tal-komunikazzjoni r-responsabbiltà personali u kollettiva lejn il-proxxmu.

 

Jiena u naħseb fil-Ġublew li qed niċċelebraw din is-sena bħala perjodu ta’ grazzja fi żmien daqshekk imqalleb, nixtieq b’dan il-Messaġġ tiegħi nistedinkom tkunu komunikaturi tat-tama, ibda minn tiġdid tax-xogħol tagħkom u tal-missjoni tagħkom skont l-ispirtu tal-Vanġelu.

 

Inżarmaw il-komunikazzjoni

Wisq drabi llum il-komunikazzjoni ma twassalx tama, imma biża’ u qtigħ il-qalb, preġudizzju u korla, fanatiżmu u saħansitra mibegħda. Wisq drabi hi tissimplifika r-realtà biex tqanqal reazzjonijiet istintivi; tuża l-kelma bħala xafra; tinqeda saħansitra b’informazzjoni qarrieqa u mgħawġa bħala arti biex twassal messaġġi maħsuba biex jeċċitaw l-erwieħ, biex jipprovokaw, biex ifieru. Tennejt diġà kemm-il darba l-ħtieġa li “nżarmaw” il-komunikazzjoni, li nsaffuha mill-aggressività. Qatt ma jħalli frott tajjeb li nirriduċu r-realtà għal slogan. Ilkoll naraw kif – mit-talk shows televiżivi għall-gwerer verbali fuq il-media soċjali – qed nirriskjaw li nħallu tieħu r-riedni f’idejha l-paradigma tal-kompetizzjoni, tal-kontrappożizzjoni, tar-rieda tal-ħakma u tal-pussess, tal-manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika.

 

Hemm ukoll fenomenu ieħor preokkupanti: dak li nistgħu nsejħulu tad-“dispersjoni pprogrammata tal-attenzjoni” permezz tas-sistemi diġitali, li, huma u jgħarbluna skont il-loġika tas-suq, jimmodifikaw il-perċezzjoni tagħna tar-realtà. Jiġri għalhekk li qed nassistu, spiss bla ma nistgħu nagħmlu xejn, għal xorta ta’ atomizzazzjoni tal-interessi, u dan jispiċċa biex jhedded il-qafas ta’ kif inkunu komunità, il-ħila li naħdmu flimkien għal ġid komuni, li nisimgħu lil xulxin, li nifhmu r-raġunijiet tal-oħrajn. Allura donnu jidher illi biex nindividwaw “għadu” li kontrih nistgħu nduru verbalment, hu indispensabbli li naffermaw lilna nfusna. U meta l-ieħor isir “għadu”, meta nixħtu dell fuq wiċċu u fuq id-dinjità tiegħu biex niżżuffjettaw bih u nwaqqgħuh għaċ-ċajt, tonqos ukoll il-possibbiltà li nnisslu t-tama. Kif għallimna Dun Tonino Bello, il-kunflitti kollha “jsibu l-għeruq tagħhom fit-tixjin tal-uċuħ”.[1] Ma nistgħux inċedu għal din il-loġika.

 

Li nittamaw, fil-verità, mhu xejn faċli. George Bernanos kien jgħid li “jittamaw biss dawk li kellhom il-kuraġġ li jiddispraw minħabba l-illużjonijiet u l-gideb, li fihom kienu jsibu ċertezza u li, imqarrqin, kienu jifxluhom mat-tama. […] It-tama hi riskju li rridu ngħaddu minnu. Hija r-riskju tar-riskji”.[2] It-tama hija virtù moħbija, determinata u paċenzjuża. Madankollu, għall-Insara, li jittamaw mhijiex għażla li jistgħu ma jagħmlux, imma kundizzjoni li ma jistgħux jgħaddu mingħajrha. Kif fakkarna Benedittu XVI fl-Enċilika Spe salvi, it-tama mhijiex ottimiżmu passiv, imma, bil-maqlub, virtù “performattiva”, jiġifieri li kapaċi tibdel il-ħajja: “Min jittama, jgħix b’mod differenti; irċieva ħajja ġdida” (n. 2).

 

Nagħtu raġuni bil-ħlewwa għat-tama li hemm fina

Fl-Ewwel Ittra ta’ Pietru (3:15-16) nsibu sintesi mill-isbaħ li fiha t-tama narawha f’rabta max-xhieda u mal-komunikazzjoni Nisranija: “Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett”. Nixtieq nieqaf fuq tliet messaġġi li nistgħu nisiltu minn dawn il-kelmiet.

 

“Lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom”: it-tama tal-Insara għandha wiċċ, il-wiċċ ta’ Kristu Rxoxt. Il-wegħda tiegħu li sa jibqa’ dejjem magħna permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu tippermettilna nittamaw anki kontra kull tama u li nilmħu l-frak tat-tajjeb moħbi anki meta kollox jidher mitluf.

 

It-tieni messaġġ jitlobna nkunu lesti nagħtu raġuni għat-tama li hemm fina. Interessanti ninnotaw li l-Appostlu jistedinna nagħtu raġuni tat-tama “lil kull min jitlobkom”. L-Insara mhumiex qabelxejn dawk li “jitkellmu” fuq Alla, imma dawk li jirriflettu l-ġmiel ta’ mħabbtu, mod ġdid ta’ kif ngħixu kull ħaġa. Huwa meta ngħixu l-imħabba li din tqanqal fl-oħrajn il-mistoqsija u tesiġi t-tweġiba: Għaliex tgħixu hekk? Għaliex intom hekk?

 

Fl-espressjoni ta’ San Pietru, fl-aħħar nett, insibu t-tielet messaġġ: it-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata “bil-ħlewwa u bir-rispett”. Il-komunikazzjoni tal-Insara – imma jien ngħid anki l-komunikazzjoni b’mod ġenerali – għandha tkun minsuġa mill-ħlewwa, mill-qrubija: l-istil tas-sieħba fit-triq, li jimxu wara l-ikbar Komunikatur ta’ kull żmien, Ġesù ta’ Nazaret, li matul it-triq iddjaloga maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws u kebbes il-qalb tagħhom bil-mod kif interpreta l-ġrajjiet fid-dawl tal-Iskrittura.

 

Għalhekk jiena noħlom komunikazzjoni li tagħraf tagħmilna sieħba fit-triq ta’ tant ħutna, biex fi żmien hekk imqalleb nerġgħu nkebbsu fihom it-tama. Komunikazzjoni li tkun kapaċi tkellem lill-qalb, mhux reazzjonijiet passjonali ta’ għeluq u rabja tqanqal, imma atteġġjamenti ta’ ftuħ u ħbiberija; kapaċi tibni fuq il-ġmiel u fuq it-tama anki qalb is-sitwazzjonijiet appartentement iktar iddisprati; li tiġġenera impenn, empatija, interess fl-oħrajn. Komunikazzjoni li tgħinna “nagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem u nieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna” (Ittra enċiklika Dilexit nos, 217).

 

Noħlom komunikazzjoni li ma tbigħx illużjonijiet jew biżgħat, imma tkun kapaċi tagħti raġunijiet għat-tama. Martin Luther King qal: “Jekk nista’ ngħin lil xi ħadd jiena u miexi ’l quddiem, jekk nista’ nferraħ lil xi ħadd b’kelma jew kanzunetta… allura ħajti ma nkunx għextha għalxejn”.[3] Biex nagħmlu dan irridu nfiqu mill-“mardiet” tal-protagoniżmu u mill-awtoreferenzjalità, nevitaw ir-riskju li npaċpċu l-ħin kollu fuqna: il-komunikatur tajjeb jagħmel mod li min qed jisma’, jaqra jew jara, jista’ jħossu parteċipi, jista’ jħossu qrib, jista’ jerġa’ jsib l-aħjar parti tiegħu nnifsu u jidħol b’dawn l-atteġġjamenti fl-istejjer irrakkontati. Hekk, meta nikkomunikaw, dan jgħinna nsiru “pellegrini tat-tama”, kif jgħid il-motto tal-Ġublew.

 

Nittamaw flimkien

It-tama dejjem hi proġett komunitarju. Ejjew għal waqt wieħed naħsbu fil-kobor tal-messaġġ ta’ din is-sena ta’ grazzja: aħna lkoll mistednin – tassew ilkoll! – biex nerġgħu nibdew, biex inħallu lil Alla jerfagħna, biex inħalluh iħaddanna u jfawwarna bil-ħniena tiegħu. F’dan kollu jixxebilku flimkien id-dimensjoni personali u dik komunitarja. Nivvjaġġaw flimkien, nagħmlu l-pellegrinaġġ flimkien ma’ tant aħwa, ngħaddu flimkien mill-Bieb Imqaddes.

 

Il-Ġublew għandu ħafna implikazzjonijiet soċjali. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, fil-messaġġ tal-ħniena u t-tama għal min jgħix fil-ħabsijiet, jew fis-sejħa għall-qrubija u għall-ħlewwa ma’ min qed ibati jew qiegħed fit-truf.

 

Il-Ġublew ifakkarna li dawk li jaħdmu għall-paċi “jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). U hekk jiftħilna qalbna għat-tama, jurina l-esiġenza ta’ komunikazzjoni attenta, umli, riflessiva, li kapaċi turi toroq ta’ djalogu. Għalhekk inħeġġiġkom tiskopru u tirrakkontaw il-ħafna stejjer ta’ tjieba moħbija qalb it-tinjiet tal-kronaka; timitaw lil dawk li joħorġu jfittxu d-deheb, li jqallbu bla ma jegħjew qalb ir-ramel ifittxu sa l-iċken ċagħka. Kemm hu sabiħ li nsibu din iż-żerriegħa ta’ tama u ngħarrfu lill-oħrajn biha. Għin lid-dinja tkun xi ftit inqas truxa għall-karba tal-oħrajn, xi ftit inqas indifferenti, xi ftit inqas magħluqa. Kunu afu dejjem kif tikxfu x-xrariet ta’ tajjeb li bihom nistgħu nittamaw. Din il-komunikazzjoni tista’ tgħinna ninsġu l-komunjoni, biex inħossuna inqas waħidna, biex niskopru mill-ġdid l-importanza li nimxu flimkien.

 

Tinsewx il-qalb

Għeżież ħuti, quddiem il-kisbiet frenetiċi tat-teknoloġija, nistedinkom tieħdu ħsieb tal-qalb tagħkom, jiġifieri tal-ħajja interjuri tagħkom. Xi jfisser dan? Inħallilkom xi ħjiel.

 

Kunu umli u tinsew qatt il-wiċċ tal-ieħor; kellmu lill-qalb tal-bnedmin li għall-qadi tagħhom qed twettqu l-ħidma tagħkom.

 

Tħallux li r-reazzjonijiet istintivi jiggwidaw il-komunikazzjoni tagħkom. Iżirgħu dejjem it-tama, anki meta hu diffiċli, anki meta dan jiswa prezz, anki meta jidher li mhux jagħmel frott.

 

Fittxu li tħaddmu komunikazzjoni li taf tfejjaq il-ġrieħi tal-umanità tagħna.

 

Agħtu spazju lill-fiduċja tal-qalb li, bħal fjura dgħajfa imma reżistenti, ma ċċedix għat-tempesti tal-ħajja imma twarrad u tikber fil-postijiet l-iktar impossibbli: fit-tama tal-ommijiet li ta’ kuljum jitolbu li għad jerġgħu jaraw lil uliedhom ġejjin lura mit-trunċieri tal-kunflitt; fit-tama tal-missirijiet li jemigraw qalb elf riskju u avventura biex ifittxu futur aħjar; fit-tama tat-tfal li jirnexxilhom jilagħbu, jitbissmu u jemmnu fil-ħajja mqar qalb it-tifrik tal-gwerer u fit-toroq foqra tal-favelas.

 

Kunu xhieda u promuturi ta’ komunikazzjoni li mhix ostili, li xxerred kultura tal-kura, tibni pontijiet u tinfed qalb il-ħitan viżibbli u inviżibbli ta’ żmienna.

 

Irrakkontaw stejjer mgħaddsa fit-tama, u ħa jkollkom għal qalbkom id-destin komuni tagħna u iktbu flimkien l-istorja tal-futur tagħna.

 

Dan kollu tistgħu u nistgħu nagħmluh bil-grazzja ta’ Alla, li l-Ġublew jgħinna nirċievu bil-kortra. Għal dan nitlob u nbierek lil kull wieħed u waħda minnkom u l-ħidma tagħkom.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 24 ta’ Jannar 2025, Tifkira ta’ San Franġisk ta’ Sales.


FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


 

[1] “La pace come ricerca del volto”, f’Omelie e scritti quaresimali, Molfetta 1994, 317.

[2] Georges Bernanos, La liberté, pour quoi faire?, Paris 1995, trad. Tal. “A che serve questa libertà”, f’Lo spirito europeo e il mondo delle macchine, Milano 1972, 255-256.

[3] Prietka “The Drum Major Instinct”, 4 ta’ Frar 1968.