Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

GĦAT-30 JUM DINJI TAL-MARID

11 TA’ FRAR 2022

 

“Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36)
Inpoġġu f'mixja ta' karità qrib min qed ibati

 

Għeżież ħuti,

 

Tletin sena ilu San Ġwanni Pawlu II waqqaf il-Jum Dinji tal-Marid biex jissensibilizza l-poplu ta’ Alla, l-istituzzjonijiet tas-saħħa Kattoliċi u s-soċjetà ċivili għall-attenzjoni lejn il-morda u lejn dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.[1]

 

Aħna grati lejn il-Mulej għall-mixja li twettqet f’dawn is-snin fil-Knejjes partikolari tad-dinja kollha. Saru ħafna passi ’l quddiem, iżda għad fadal xi jsir biex niżguraw li l-morda kollha, anki f’dawk il-postijiet u f’dawk is-sitwazzjonijiet ta’ faqar ikbar u ta’ emarġinazzjoni, ikollhom il-kura tas-saħħa li għandhom bżonn; kif ukoll l-akkumpanjament pastorali, biex ikunu jistgħu jgħixu dan iż-żmien ta’ mard f’għaqda ma’ Kristu msallab u rxoxtat. It-30 Jum Dinji tal-Marid, li ċ-ċelebrazzjoni tiegħu fil-qofol tagħha, minħabba l-pandemija, ma tistax issir f’Arequipa fil-Perù, iżda ser issir fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, jista’ jgħinna biex nikbru fil-viċinanza u fis-servizz lejn il-persuni morda u lejn il-familji tagħhom.

 

1. Ħennu bħal Missierkom

Is-suġġett magħżul għal dan it-30 Jum, Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36), qabel kollox iwassalna biex nitfgħu ħarsitna fuq Alla “għani fil-ħniena” (Efes 2:4), li dejjem iħares fuq uliedu bi mħabba ta’ missier, anki meta dawn jitbiegħdu minnu. Fil-fatt il-ħniena hija l-isem ta’ Alla per eċċellenza, li jesprimi n-natura tiegħu mhux bħala xi sentiment okkażjonali, iżda bħala qawwa preżenti f’dak kollu li jagħmel. Hija qawwa u ħlewwa flimkien. Għalhekk aħna nistgħu ngħidu, bi stagħġib u rikonoxxenza, li l-ħniena ta’ Alla għandha fiha kemm id-dimensjoni tal-parternità u kemm dik tal-maternità (ara Iż 49:15), għaliex hu jieħu ħsiebna bil-qawwa ta’ missier u bil-ħlewwa ta’ omm, dejjem ħerqan li jagħtina mill-ġdid il-ħajja fl-Ispirtu s-Santu.

 

2. Ġesù, il-ħniena tal-Missier

L-ogħla xhud tal-imħabba ħanina tal-Missier lejn il-morda huwa Ibnu l-waħdieni. Kemm-il darba l-Vanġeli jirrakkontawlna laqgħat ta’ Ġesù ma’ persuni milquta minn bosta mard! Huwa “dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu” (Mt 4:23). Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: għaliex din l-attenzjoni partikolari ta’ Ġesù lejn il-morda, li saħansitra ssir il-ħidma prinċipali fil-missjoni tal-Appostli, mibgħuta mill-Imgħallem biex iħabbru l-Vanġelu u jfejqu l-morda (ara Lq 9:2)?

 

Ħassieb tas-seklu 20 jissuġġerilna motivazzjoni: “Id-dulur jiżola l-bniedem b’mod assolut u hu minn dan l-iżolament assolut li tinbet is-sejħa għall-ieħor, sejħa lill-ieħor”.[2] Meta persuna tesperimenta proprju f’ġisimha l-fraġilità u t-tbatija minħabba l-mard, anki qalbha titqal, jikber il-biża’, il-mistoqsijiet jimmultiplikaw ruħhom, il-mistoqsija dwar x’sens fih dak kollu li qiegħed iġarrab issir iktar urġenti. Rigward dan, kif nistgħu ma niftakrux fil-ħafna morda li, matul dan iż-żmien ta’ pandemija, għexu fis-solitudni fit-taqsima tat-terapija intensiva l-aħħar mument tal-eżistenza tagħhom, ċertament ikkurati minn ħaddiema ġenerużi tas-saħħa, iżda mbegħdin mill-affetti l-iktar għeżież tagħhom u mill-persuni l-iktar importanti ta’ ħajjithom fuq din l-art? Minn dan, l-importanza li jkollok qribek xhieda tal-imħabba ta’ Alla li, fuq l-eżempju ta’ Ġesù, ħniena tal-Missier, jitfgħu fuq il-feriti tal-morda ż-żejt u l-inbid tat-tama.[3]

 

3. Tmiss il-laħam sofferenti ta’ Kristu

L-istedina ta’ Ġesù biex inħennu bħal Missierna takkwista tifsira partikolari għall-ħaddiema tas-saħħa. Niftakar fit-tobba, fl-infermiera, fit-tekniċi tal-laboratorju, fil-ħaddiema li jassistu u jikkuraw il-morda, kif ukoll fil-ħafna voluntiera li jagħtu ħin prezzjuż lil min qed ibati. Għeżież ħaddiema tas-saħħa, is-servizz tagħkom qrib il-marid, imwettaq bi mħabba u b’kompetenza, jogħla ’l fuq mil-limiti tal-professjoni biex isir missjoni. Idejkom li jmissu l-laħam sofferenti ta’ Kristu jistgħu jkunu sinjal tal-idejn ħanina tal-Missier. Kunu konxji mid-dinjità kbira tal-ħidma tagħkom, kif ukoll mir-responsabbiltà li ġġib magħha.

 

Inbierku l-Mulej għall-progress li x-xjenza medika għamlet b’mod partikolari fl-aħħar żminijiet; it-teknoloġiji l-ġodda għamluha possibbli li jittieħdu toroq terapewtiċi li huma ta’ għajnuna kbira għall-morda; it-tfittxija qed tkompli tagħti l-kontribut prezzjuż tagħha biex tirbaħ patoloġiji antiki u ġodda; il-mediċina ta’ riabilitazzjoni żviluppat b’mod konsistenti l-għarfien u l-kompetenza tagħha. Dan kollu, imma, m’għandux inessina s-singularità ta’ kull marid, bid-dinjità u l-fraġilità tiegħu.[4] Il-marid huwa dejjem iktar importanti mill-marda tiegħu, u għalhekk kull att terapewtiku ma jistax jeskludi li jisma’ lill-pazjent, l-istorja, l-ansjetà u l-biżgħat tiegħu. Anki meta mhux possibbli l-fejqan, huwa dejjem possibbli li wieħed jikkura, huwa dejjem possibbli li wieħed ifarraġ, huwa dejjem possibbli li wieħed juri li hu qrib u li juri interess fil-persuna qabel il-marda tagħha. Għalhekk nixtieq li l-formazzjoni tal-ħaddiema tas-saħħa tkun tista’ tifforma l-kapaċità għas-smigħ u għad-dimensjoni relazzjonali.

 

4. Il-postijiet ta’ kura, djar tal-ħniena

Il-Jum Dinji tal-Marid huwa okkażjoni f’waqtha wkoll biex nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq il-postijiet ta’ kura. Il-ħniena lejn il-morda, matul is-sekli, wasslet biex fil-komunità Kristjana jinfetħu numru bla għadd ta’ “lukandi tas-Samaritan it-Tajjeb”, li fihom ikunu jistgħu jiġu milqugħa u kkurati morda ta’ kull għamla, fuq kollox dawk li ma jsibux tweġiba għall-mistoqsija tas-saħħa, jew għall-faqar, jew għall-esklużjoni soċjali, jew għad-diffikultà ta’ kura ta’ ċertu mard. F’dawn is-sitwazzjonijiet l-iktar li jintlaqtu huma t-tfal u l-persuni l-iktar fraġli. Ħafna missjunarji, li jħennu bħall-Missier, sieħbu t-tħabbir tal-Vanġelu ma’ bini ta’ sptarijiet, dispensarji u postijiet oħra ta’ kura. Huma opri prezzjużi li fihom il-karità Kristjana ħadet il-forma u l-imħabba ta’ Kristu, u b’xhieda mogħtija mid-dixxipli tiegħu, saret iktar kredibbli. Naħseb fuq kollox fil-popolazzjonijiet taż-żoni l-iktar foqra tad-dinja, fejn xi drabi wieħed jeħtieġlu jagħmel distanzi twal biex isib ċentri ta’ kura li, anki jekk b’riżorsi limitati, joffru dak li huwa disponibbli. Għad fadal triq twila x’nimxu u f’ċerti pajjiżi li tirċievi kura adegwata għadu lussu. Dan jixhduh bħala eżempju n-nuqqas ta’ disponibbiltà, fil-pajjiżi l-foqra, ta’ vaċċini kontra l-Covid-19; iżda iktar minn hekk, in-nuqqas ta’ kura għall-mard li jeħtieġ mediċini ferm iktar sempliċi.  

 

F’dan il-kuntest nixtieq nafferma għal darba oħra l-importanza tal-istituzzjonijiet tas-saħħa Kattoliċi: huma teżor prezzjuż li jeħtieġ li jkun imħares u megħjun; il-preżenza tagħhom ikkaratterizzat l-istorja tal-Knisja għax bihom kienet qrib il-morda l-iktar foqra u f’sitwazzjonijiet l-iktar minsija.[5] Kemm fundaturi ta’ familji reliġjużi kienu kapaċi jisimgħu l-għajta tal-aħwa li ma kellhomx aċċess għall-kura jew li kienu kkurati ħażin u għamlu l-almu tagħhom biex ikunu ta’ servizz għalihom! Sal-lum, anki fil-pajjiżi żviluppati, il-preżenza ta’ dawn ir-reliġjużi titqies bħala barka, għaliex dejjem jistgħu joffru, barra l-kura tal-ġisem bil-kompetenza kollha meħtieġa, l-imħabba li permezz tagħha l-marid u l-familjari tiegħu huma fil-qalba tal-attenzjoni. Fi żmien li fih hija mifruxa l-kultura tal-iskart u l-ħajja mhix dejjem meqjusa li jistħoqqilha li tkun rikonoxxuta u milqugħa, dawn l-istrutturi, bħal djar tal-ħniena, jistgħu jkunu ta’ eżempju filli jħarsu u jikkuraw kull eżistenza, anki dik l-iktar fraġli, mill-bidu tagħha sat-tmiem naturali tagħha.

 

5. Il-ħniena pastorali: preżenza u viċinanza

Fil-mixja ta’ dawn l-aħħar tletin sena, anki l-pastorali tas-saħħa rat li qiegħed jiġi rikonoxxut dejjem iktar is-servizz indipensabbli tagħha. Jekk l-agħar diskriminazzjoni li jistgħu jsofru l-foqra – u l-morda huma foqra – hija n-nuqqas ta’ attenzjoni spiritwali, ma jistax jonqos li noffrulhom li jkunu qrib Alla, il-barka tiegħu, Kelmtu, iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u l-proposta ta’ mixja li fiha jistgħu jikbru u jimmaturaw fil-fidi.[6] Dwar dan, nixtieq infakkar illi li nkunu qrib il-batuti u l-kura pastorali tagħhom mhuwiex biss dmir ta’ xi ministri li huma speċifikament iddedikati għal dan ix-xogħol; li nżuru l-batuti hija stedina ta’ Kristu lid-dixxipli kollha tiegħu. Kemm morda u kemm persuni anzjani jgħixu fid-dar u jistennew xi żjara! Il-ministeru tal-faraġ huwa xogħol ta’ kull mgħammed, konxju mill-kelma ta’ Ġesù: “Kont marid u ġejtu żżuruni” (Mt 25:36).

 

Għeżież aħwa, għall-interċessjoni ta’ Marija, Saħħa tal-morda, nafda l-morda kollha u l-familji tagħhom. Magħqudin ma’ Kristu, li jġorr fuqu t-tbatija tad-dinja, ikunu jistgħu jsibu sens, faraġ u fiduċja. Nitlob għall-ħaddiema kollha tas-saħħa sabiex, għonja fil-ħniena, joffru lill-pazjenti, flimkien mal-kura adegwata, il-viċinanza fraterna tagħhom.  

 

Minn qalbi nagħti lil kulħadd il-Barka Appostolika.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 10 ta’ Diċembru 2021,

Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Loreto

 

Franġisku

 

miġjuba għall-Malti minn Mons. Renato Borg

 


 

[2] E. Lévinas, Une éthique de la souffrance, f’Souffrances. Corps et âme, épreuves partagées, a cura di J.-M. von Kaenel, Autrement, Paris 1994, pp. 133-135.

[3] Ara Missal Ruman, Prefazju Komuni VIII, Ġesù s-Samaritan it-tajjeb.

[4] Ara Diskors lill-Federazzjoni Nazzjonali tal-Ordni tat-Tobba Kirurġiċi u d-Dentristija, 20 ta’ Settembru 2019.

[6] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 200.