Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA FRANĠISKU

GĦALL-JUM DINJI TA’ TALB

GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN

1 ta’ Settembru 2024

 

Ittama u aġixxi mal-ħolqien

 

Għeżież ħuti!

 

“Ittama u aġixxi mal-ħolqien”: din hija t-tema tal-Jum ta’ talb għall-għożża tal-ħolqien, fl-1 ta’ Settembru li ġej. Tirriferi għall-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani 8:19-25: l-Appostlu qed jiċċara xi jfisser li tgħix skont l-Ispirtu u jikkonċentra fuq it-tama ċerta tas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi ħajja ġdida fi Kristu.

 

1. Ejjew mela nibdew b’mistoqsija sempliċi, imma li jista’ ma jkollhiex tweġiba ovvja: meta nemmnu tassew, kif nemmnu? Mhuwiex tant għax “aħna nemmnu” f’xi ħaġa traxxendentali li r-raġuni tagħna ma jirnexxilhiex tifhem, il-misteru li ma jintlaħaqx ta’ Alla maqtugħ u mbiegħed, li ma jidhirx u ma tistax tlissen ismu. Pjuttost, jgħid San Pawl, hu għaliex fina jgħammar l-Ispirtu s-Santu. Iva, aħna nemmenu għax l-Imħabba ta’ Alla nnifsu ġiet “imsawba fi qlubna” (Rum 5:5). Għalhekk l-Ispirtu huwa issa, tabilħaqq, “ir-rahan tal-wirt tagħna” (Efes 1:14), bħala provokazzjoni biex ngħixu dejjem miftuħa għall-ġid etern, skont il-mixja tal-umanità sabiħa u tajba ta’ Ġesù. L-Ispirtu lil dawk li jemmnu jagħmilhom kreattivi, pro-attivi fl-imħabba. Iqegħidhom f’mixja kbira ta’ ħelsien spiritwali, li xorta waħda ma hix nieqsa mit-taqbida bejn il-loġika tad-dinja u l-loġika tal-Ispirtu, li għandhom frott differenti minn ta’ xulxin (Gal 5:16-17). Dan nafuh: l-ewwel frott tal-Ispirtu, li jiġbor l-oħrajn kollha, hu l-imħabba. Mela, immexxijin mill-Ispirtu s-Santu, dawk li jemmnu huma wlied ta’ Alla u jistgħu jduru lejh u jsejħulu: “Abba, Missier” (Rum 8:15), proprju bħal Ġesù, fil-ħelsien ta’ min ma jerġax jaqa’ iżjed fil-biża’ tal-mewt, għax Ġesù qam mill-mewt. Din hija t-tama l-kbira: l-imħabba ta’ Alla rebħet, tirbaħ dejjem u għad terġa’ tirbaħ. Id-destin ta’ glorja huwa diġà ċert, minkejja l-perspettiva tal-mewt fiżika, għall-bniedem ġdid li jgħix fl-Ispirtu. Din it-tama ma tqarraqx, kif tfakkar anki l-Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew li jmiss.[1]

 

2. Il-ħajja tan-Nisrani hi ħajja ta’ fidi, ħabrieka fl-imħabba u mfawra bit-tama, fl-istennija tal-miġja tal-Mulej fil-glorja tiegħu. Il-problema mhix id-“dawrien” fiż-żmien tal-Parusia, tat-tieni miġja. Il-kwistjoni hi oħra: “Bin il-bniedem, meta jiġi, se jsib fidi fuq l-art?” (Lq 18:8). Iva, il-fidi hija don, frott tal-preżenza tal-Ispirtu fina, imma hija wkoll dmir, li nwettquh b’mod ħieles, fl-ubbidjenza tal-kmandament tal-imħabba ta’ Ġesù. Din hija t-tama hienja li rridu nagħtu xhieda tagħha: Fejn? Meta? Kif? Fil-ġrajjiet imqallba tal-ġisem uman li jbati. Imqar jekk noħolmu, issa rridu noħolmu b’għajnejna miftuħa, immexxija minn viżjonijiet ta’ mħabba, ta’ fraternità, ta’ ħbiberija u ta’ ġustizzja għal kulħadd. Is-salvazzjoni Nisranija tidħol fil-qalba tal-uġigħ tad-dinja, li tolqot mhux biss lill-bnedmin, imma l-univers kollu, l-istess natura, oikos tal-bniedem, l-ambjent li fih u bih jgħix; tmiss il-ħolqien bħala “ġenna tal-art”, ommna l-art, li għandha tkun post ta’ ferħ u wegħda ta’ hena għal kulħadd. L-ottimiżmu Nisrani jissejjes fuq tama ħajja: jaf li kollox miexi lejn il-glorja ta’ Alla, lejn il-konsumazzjoni finali fis-sliem tiegħu, lejn il-qawmien tal-ġisem fil-ġustizzja, “minn glorja għal glorja”. Imma, fiż-żmien li jgħaddi, naqsmu l-uġigħ u t-tbatija: il-ħolqien kollu qed jitniehed (ara Rum 8:19-22), l-Insara jitniehdu (ara vv. 23-25) u jitniehed l-istess Spirtu (ara vv. 26-27). It-tnehid bl-uġigħ juri t-tħassib u t-tbatija, flimkien ma’ ħerqa u xewqa. It-tnehid jesprimi fiduċja f’Alla u affidament għall-kumpanija kollha mħabba u esiġenti tiegħu, fid-dawl tat-twettiq tal-pjan tiegħu, li hu ferħ, imħabba u paċi fl-Ispirtu s-Santu.

 

3. Il-ħolqien kollu jagħmel parti minn dak il-proċess ta’ twelid ġdid u, waqt li jitniehed, jistenna l-ħelsien: hemm xi ħaġa li qed tikber fil-moħbi, kważi “żerriegħa tal-mustarda li ssir siġra kbira” jew “ħmira fl-għaġna” (ara Mt 13:31-33). Il-bidu hu żgħir, imma r-riżultati mistennija jistgħu jkunu ta’ ġmiel bla tarf. Bħala stennija ta’ twelid – ir-rivelazzjoni ta’ wlied Alla – it-tama hija l-possibbiltà li nibqgħu sodi qalb il-kuntrarju, li ma naqtgħux qalbna fiż-żmien tat-tiġrib jew quddiem il-qerda li jġib il-bniedem. It-tama Nisranija ma tqarraqx, imma lanqas hi illużjoni: jekk il-karba tal-ħolqien, tal-Insara u tal-Ispirtu s-Santu hi antiċipazzjoni u stennija tas-salvazzjoni li diġà qed isseħħ, bħalissa aħna mgħaddsa f’tant tbatijiet li San Pawl ifissirhom bħala “taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla” (ara Rum 8:35). Mela t-tama hija mod ieħor kif naqraw l-istorja u l-ġrajjiet umani: mhux illużorju, imma realista, bir-realiżmu tal-fidi li tara dak li ma jidhirx. Din it-tama hi l-istennija fis-sabar, bħal ta’ Abraham li mhux jara. Nieħu pjaċir niftakar f’dak il-viżjonarju kbir ta’ fidi li kien Ġwakkin minn Fiore, l-abbati Kalabriż “mogħni bi spirtu profetiku”, skont Dante Alighieri:[2] fi żmien ta’ taqbidiet imdemmija, ta’ kunflitti bejn Papat u Imperu, ta’ Kruċjati, ta’ ereżiji u ta’ mondanizzazzjoni tal-Knisja, għaraf juri l-ideal ta’ spirtu ġdid ta’ konvivenza bejn il-bnedmin, immarkata mill-fraternità universali u mill-paċi Nisranija, frott tal-ħajja tal-Vanġelu. Dan l-ispirtu ta’ ħbiberija soċjali u ta’ fraternità universali pproponejt jien fil-Fratelli tutti. U din l-armonija bejn il-bnedmin għandha titwessa’ wkoll għall-ħolqien, f’“antropċentriżmu pożizzjonat” (ara Laudate Deum, 67), fir-responsabbiltà għal ekoloġija umana u integrali, triq ta’ salvazzjoni tad-dar komuni tagħna u tagħna li ngħixu fiha.

 

4. Għaliex tant ħażen fid-dinja? Għaliex tant inġustizzja, tant gwerer bejn l-aħwa li joqtlu tfal, jeqirdu bliet, iniġġsu l-ambjent li bih jgħix il-bniedem, ommna l-art, ivvjolentata u mħarbta? Waqt li jirriferi b’mod impliċitu għad-dnub ta’ Adam, San Pawl jafferma: “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum 8:22). It-taqbida morali tal-Insara hi marbuta mat-“tnehid” tal-ħolqien, għax hu “jinsab taħt il-frugħa” (v. 20). Il-kożmu kollu u kull ħlejqa jitniehdu u jistennew “bla sabar”, biex tista’ tiġi megħluba l-qagħda preżenti u terġa’ tiġi stabbilita dik oriġinali: fil-fatt il-ħelsien tal-bniedem iġib miegħu wkoll dak tal-ħlejjaq l-oħra kollha li, solidali mal-qagħda tal-bniedem, tqiegħdu taħt il-madmad tal-jasar. Bħall-umanità, il-ħolqien – bla ħtija tiegħu – hu lsir, u jsib ruħu mhux kapaċi jagħmel dak li għalih ġie maħsub, jiġifieri li jkollu sinifikat u skop fit-tul; hu suġġett għall-qerda u għall-mewt, li jsiru aktar gravi bl-abbużi umani fuq in-natura. Imma, f’sens kuntrarju, is-salvazzjoni tal-bniedem fi Kristu hija tama żgura anki għall-ħolqien: fil-fatt “il-ħlejjaq […] ukoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla” (Rum 8:21). Għalhekk, fil-fidwa ta’ Kristu nistgħu nikkontemplaw bit-tama r-rabta ta’ solidarjetà bejn il-bnedmin u l-ħlejjaq l-oħra kollha.

 

5. Fl-istennija kollha tama u perseveranza tal-miġja glorjuża ta’ Ġesù, l-Ispirtu s-Santu jgħin lill-komunità tal-fidi biex tishar u jgħallimha kontinwament, isejħilha għall-konverżjoni fl-istili ta’ ħajja tagħha, biex tirreżisti l-qerda umana tal-ambjent u turi dik il-kritika soċjali li hi qabelxejn xhieda tal-possibbiltà ta’ bidla. Din il-konverżjoni tikkonsisti f’li ngħaddu mill-arroganza ta’ min irid jaħkem fuq l-oħrajn u fuq in-natura – imfaqqra għal oġġett biex jiġi mmanipulat –, għall-umiltà ta’ min jieħu ħsieb tal-oħrajn u tal-ħolqien. “Għax bniedem li jippretendi li jista’ jieħu post Alla jsir l-agħar periklu għalih innifsu” (Laudate Deum, 73), għax id-dnub ta’ Adam qered ir-relazzjonijiet fundamentali li bihom jgħix il-bniedem: dik ma’ Alla, miegħu nnifsu u mal-bnedmin l-oħra, u mal-univers. Dawn ir-relazzjonijiet kollha għandhom ikun, f’sinerġija, imwaqqfa mill-ġdid, salvati, “iġġustifikati”. L-ebda minnhom ma tista’ tkun nieqsa. Jekk tonqos waħda, ifalli kollox.

 

6. Nittamaw u naġixxu mal-ħolqien ifisser qabelxejn li ngħaqqdu l-forzi u, waqt li nimxu flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, nagħtu sehemna biex “nirrevedu l-kwistjoni tal-poter uman, it-tifsira tiegħu u l-limiti tiegħu. Fil-fatt, il-poter tagħna kiber b’mod frenetiku fi ftit għexieren ta’ snin. Għamilna progressi teknoloġiċi impressjonanti u sorprendenti, u m’aħniex nintebħu li fl-istess waqt sirna tassew perikolużi, kapaċi npoġġu f’riskju l-ħajja ta’ ħafna ħlejjaq u l-istess għajxien tagħna” (Laudate Deum, 28). Poter bla kontroll joħloq mostri u jispiċċa jdur kontrina stess. Għalhekk illum huwa urġenti li npoġġu limiti etiċi għall-iżvilupp tal-Intelliġenza artifiċjali, li bil-ħila tagħha ta’ kalkolu u ta’ simulazzjoni tista’ tintuża għall-ħakma fuq il-bniedem u fuq in-natura, pjuttost milli titqiegħed għas-servizz tal-paċi u tal-iżvilupp integrali (ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2024).

 

7. “L-Ispirtu s-Santu jseħibna fil-ħajja”: dan fehmuh tajjeb it-tfal li nġabru fi Pjazza San Pietru għall-ewwel Jum Dinji tagħhom, li ħabat fil-Ħadd tat-Trinità Qaddisa. Alla mhuwiex idea astratta ta’ infinit, imma hu Missier kollu mħabba, Iben ħabib u feddej ta’ kull bniedem, u Spirtu s-Santu li jmexxi l-passi tagħna fit-triq tal-imħabba. L-ubbidjenza għall-Ispirtu tal-imħabba tibdel mill-qiegħ l-atteġġjament tal-bniedem: minn “predatur” għal “kultivatur” tal-ġnien. L-art hi fdata lill-bniedem, imma tibqa’ ta’ Alla (ara Lev 25:23). Dan hu l-antropoċentriżmu teologali tat-tradizzjoni Lhudija-Nisranija. Għalhekk, li nippretendu li nippossedu u naħkmu fuq in-natura, u nimmanipulawha għall-pjaċir tagħna, din hi forma ta’ idolatrija. Huwa l-bniedem Prometejku, fis-sakra tal-poter teknokratiku tiegħu stess li b’arroganza jqiegħed l-art f’kundizzjoni “diż-grazzjata”, jiġifieri nieqsa mill-grazzja ta’ Alla. Issa, jekk il-grazzja ta’ Alla hija Ġesù, li miet u rxoxta, huwa minnu dak li afferma Benedittu XVI: “Mhijiex ix-xjenza dik li tifdi l-bniedem. Il-bniedem jinfeda bl-imħabba” (Ittra enċiklika Spe salvi, 26), l-imħabba ta’ Alla fi Kristu, li minnha ħadd u xejn ma jista’ qatt jifridna (ara Rum 8:38-39). Miġbud kontinwament lejn il-ġejjieni tiegħu, il-ħolqien mhuwiex statiku jew magħluq fih innifsu. Illum, anki grazzi għall-iskoperti tal-fiżika kontemporanja, ir-rabta bejn materja u spirtu tippreżenta ruħha b’mod dejjem iżjed affaxxinanti għall-għarfien tagħna.

 

8. Il-ħarsien tal-ħolqien huwa għalhekk kwistjoni, barra etika, eminentement teoloġika: fil-fatt, tolqot in-nisġa bejn il-misteru tal-bniedem u dak ta’ Alla. Din in-nisġa tista’ tissejjaħ “ġenerattiva”, għax ġejja mill-att ta’ mħabba li bih Alla joħloq lill-bniedem fi Kristu. Dan l-att tal-ħolqien min-naħa ta’ Alla jagħti u jsawwar l-għemil ħieles tal-bniedem u l-aspett etiku kollu tiegħu: ħieles proprju għax ġie maħluq xbieha ta’ Alla li hu Ġesù Kristu, u għalhekk “rappreżentant” tal-ħolqien fi Kristu nnifsu. Hemm motivazzjoni traxxendenti (teoloġika-etika) li timpenja lin-Nisrani biex jippromovi l-ġustizzja u l-paċi fid-dinja, anki permezz tad-destizzjoni universali tal-ġid: din hi r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla li l-ħolqien qed jistenna, jitniehed bħal fl-uġigħ tal-ħlas. Hawn m’għandniex biss il-ħajja fuq din l-art tal-bniedem f’din l-istorja, imma għandna fuq kollox id-destin tiegħu fl-eternità, l-eschaton tal-hena tagħna, il-Ġenna tal-paċi tagħna, fi Kristu s-Sid tal-univers, il-Mislub-Irxoxt għall-imħabba.

 

9. Nittamaw u naġixxu mal-ħolqien allura jfisser ngħixu fidi inkarnata, li taf tidħol fil-ġisem tal-persuni, li jbatu imma jittamaw, u taqsam fl-istennija tal-qawmien tal-ġisem li għalih dawk li jemmnu huma ppredestinati fi Kristu l-Mulej. F’Ġesù, l-Iben etern fil-ġisem uman, aħna tabilħaqq ulied il-Missier. Permezz tal-fidi u l-magħmudija tibda għal min jemmen il-ħajja skont l-Ispirtu (ara Rum 8:2), ħajja qaddisa, eżistenza ta’ wlied il-Missier, bħal Ġesù (ara Rum 8:14-17), ladarba, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, Kristu jgħix fina (ara Gal 2:20). Ħajja li ssir għanja ta’ mħabba lil Alla, permezz tal-umanità, mal-ħolqien u għalih, u li ssib il-milja tagħha fil-qdusija.[3]

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 27 ta’ Ġunju 2024


FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Spes non confundit, Bolla tal-indizzjoni tal-Ġublew Ordinarju tas-Sena 2025 (9 ta’ Mejju 2024).

[2] Divina CommediaParadiso, XII, 141.

[3] Dan esprimieh b’mod poetiku s-saċerdot Rosminjan Clement Rebora: “Waqt li l-ħolqien jitla’ fi Kristu lejn il-Missier, / f’xorti mistura / kollox jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas: / kemm hemm xi jmut biex il-ħajja tinbet! / Imqar minn Omm waħda, li hi divina, / għad-dawl niġu hienja: / ħajja li l-imħabba tnissel fid-dmugħ, / u, fix-xenqa, hawn isfel hi poeżija; / imma l-qdusija waħidha ttemm għalkollox l-għanja” (Curriculum vitæ, “Poeżija u qdusija”: Poesie, prose e traduzioni, Milano 2015, p. 297).