Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA FRANĠISKU

GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-

JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-GĦOŻŻA TAL-ĦOLQIEN

1 ta’ Settembru 2022

 

Għeżież ħuti!

 

“Isma’ leħen il-ħolqien” hija t-tema u l-istedina taż-Żmien tal-Ħolqien din is-sena. Il-perjodu ekumeniku jibda fl-1 ta’ Settembru bil-Jum Dinji ta’ Talb għall-Għożża tal-Ħolqien u jagħlaq fl-4 ta’ Ottubru bil-Festa ta’ San Franġisk. Huwa mument speċjali għall-Insara kollha biex jitolbu u jieħdu ħsieb flimkien tad-dar komuni tagħna. Oriġinarjament imnebbaħ mill-Patrijarkat Ekumeniku ta’ Kostantinopli, dan iż-żmien hu opportunità biex inrawmu l-“konverżjoni ekoloġika” tagħna, konverżjoni li tant ħeġġeġ għaliha San Ġwanni Pawlu II bħala tweġiba għall-“katastrofi ekoloġika” ġa mħabbra minn San Pawlu VI fl-1970.[1]

 

Jekk nitgħallmu nisimgħuh, fil-leħen tal-ħolqien ninnutaw xorta ta’ stonatura. Minn naħa, hija għanja ħelwa li tfaħħar lill-Ħallieq maħbub tagħna; mill-oħra, hija karba kiebja li tilmenta fuq kif aħna l-bnedmin qed nittrattawh ħażin.

 

L-għanja ħelwa tal-ħolqien tistedinna nipprattikaw “spiritwalità ekoloġika” (Ittra enċiklika Laudato si’, 216), attenta għall-preżenza ta’ Alla fid-dinja naturali. Hija stedina biex l-ispirtwalità tagħna nibnuha fuq “l-għarfien kollu mħabba li aħna m’aħniex maqtugħin mill-ħlejjaq l-oħra, imma flimkien mal-ħlejjaq l-oħra tal-univers insawru komunjoni universali mill-aqwa” (ibid., 220). Għad-dixxipli ta’ Kristu, b’mod partikulari, din l-esperjenza kollha dawl issaħħaħ l-għarfien li “kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru” (Ġw 1:3). F’dan iż-Żmien tal-Ħolqien, ejjew nerġgħu nibdew nitolbu fil-katidral kbir tal-ħolqien, u ngawdu mill-“kor universali grandjuż”[2] ta’ għadd bla tarf ta’ ħlejjaq li jgħannu l-ġieħ ta’ Alla. Ningħaqdu ma’ San Franġisk ta’ Assisi biex inkantaw: “Mulejja, tkun imfaħħar mal-ħlejjaq kollha tiegħek” (ara Għanja tal-ħlejjaq). Ningħaqdu mas-Salmista u nkantaw: “Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!” (Salm 150:6).

 

B’xorti ħażina, dik l-għanja ħelwa hi msieħba minn karba kiebja. Jew aħjar, minn kor ta’ karbiet kiebja. L-ewwel nett, hi oħtna u ommna l-art li qed tokrob. Vittma tal-eċċessi konsumistiċi tagħna, hi tokrob l-uġigħ u tittallbilna nieqfu mill-abbużi tagħna u l-qerda tagħha. Imbagħad, huma d-diversi ħlejjaq li jokorbu. Vittmi ta’ “antropoċentriżmu despotiku” (Laudato si’, 68), il-maqlub eżatt taċ-ċentralità ta’ Kristu fl-opra tal-ħolqien, għadd bla tarf ta’ speċi qed jintemmu, u hekk jisktu darba għal dejjem l-innijiet tagħhom ta’ tifħir lil Alla. Imma huma wkoll l-iżjed foqra fostna li qed jokorbu. Esposti għall-kriżi fil-klima, il-foqra jbatu iżjed l-impatt tan-nixfa, l-għargħar, l-urugani u l-mewġiet ta’ sħana li qed ikomplu jsiru dejjem iżjed intensi u spissi. Mill-ġdid, jokorbu ħutna tal-popli nativi. Minħabba l-interessi ekonomiċi li jfittxu l-profitt minn fuq daharhom, it-territorji ta’ missirijiethom qed jiġu invaduti u meqruda minn kull naħa, u minnhom “karba titla’ sas-sema” (Eżortazzjoni appostolika postsinodali Querida Amazonia, 9). Fl-aħħar nett, jokorbu wliedna. Mhedda minn egoiżmu li jara biss sa mnieħru, l-adolexxenti jitolbu anzjużi lilna l-adulti biex nagħmlu kulma hu possibbli biex nipprevenu jew tal-inqas nillimitaw il-kollass tal-ekosistemi tal-pjaneta tagħna.

 

Aħna u nisimgħu dan il-krib kiebi, jeħtieġ nindmu u nibdlu l-istili ta’ ħajjitna u s-sistemi li qed jagħmlu l-ħsara. Sa mill-bidu, l-appell tal-Vanġelu: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet!” (Mt 3:2), li jistieden għal relazzjoni ġdida ma’ Alla, jimplika wkoll relazzjoni differenti mal-oħrajn u mal-ħolqien. L-istat ta’ tiġrif tad-dar komuni tagħna jixraqlu l-istess attenzjoni ta’ sfidi globali oħra bħall-kriżijiet serji tas-saħħa u l-gwerer. “Li ngħixu l-vokazzjoni tagħna li nkunu ħarriesa tal-opra ta’ Alla hi parti essenzjali minn ħajja magħġuna bil-virtujiet, mhix għażla u lanqas xi aspett sekondarju tal-esperjenza Nisranija” (Laudato si’, 217).

 

Bħala persuni ta’ fidi, inħossuna wkoll responsabbli li naġixxu, fl-oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, skont din l-esiġenza ta’ konverżjoni. Imma din mhijiex biss individwali: “Il-konverżjoni ekoloġika li neħtieġu biex noħolqu dinamiżmu ta’ bidla li tħalli effetti fit-tul hi wkoll konverżjoni komunitarja” (ibid., 219). F’din il-perspettiva, anki l-komunità tan-nazzjonijiet hi msejħa tħabrek, speċjalment fil-laqgħat tal-Ġnus Magħquda ddedikati għall-kwistjoni ambjentali, bi spirtu tal-ikbar koperazzjoni.

 

Il-laqgħa COP27 fuq il-klima, li sa tinżamm fl-Eġittu f’Novembru 2022, tirrapprżenta l-opportunità li jmiss biex ilkoll flimkien naħdmu b’risq twettiq effikaċi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Huwa għal din ir-raġuni wkoll li dan l-aħħar rajt li s-Santa Sede, f’isem l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, toqgħod għall-Konvenzjoni-Qafas tal-Ġnus Magħquda dwar il-Bidliet fil-Klima u għall-Ftehim ta’ Pariġi, bit-tama li l-umanità tas-seklu 21 “tista’ tibqa’ mfakkra li refgħet b’ġenerożità r-responsabbiltajiet tagħha” (ibid., 165). Li nilħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi li nillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1.50oC hu pjuttost impenjattiv u jitlob il-kollaborazzjoni responsabbli bejn in-nazzjonijiet kollha biex jippreżentaw pjanijiet klimatiċi, jew Kontributi Determinati fuq livell Nazzjonali, iżjed ambizzjużi, biex inaqqsu għal xejn l-emissjonijiet netti ta’ gass serra malajr kemm jista’ jkun. Dan ifisser li “nikkonvertu” l-mudelli ta’ konsum u ta’ produzzjoni, kif ukoll l-istili ta’ ħajja, f’direzzjoni iżjed rispettuża fil-konfront tal-ħolqien u tal-iżvilupp uman integrali tal-popli kollha tal-preżent u tal-futur, żvilupp imsejjes fuq ir-responsabbiltà, fuq il-prudenza/prekawzjoni, fuq is-solidarjetà u fuq l-attenzjoni għall-foqra u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur. Fil-bażi ta’ dan kollu għandu jkun hemm il-patt bejn il-bniedem u l-ambjent li, għalina li nemmnu, hu mera tal-“imħabba ħallieqa ta’ Alla, li minnu ġejjin u lejh mexjin”.[3] It-tranżizzjoni li twettaq din il-konverżjoni ma tistax tittraskura l-esiġenzi tal-ġustizzja, speċjalment għall-ħaddiema li l-aktar jintlaqtu mill-impatt tal-bidla fil-klima.

 

Min-naħa tagħha, il-laqgħa COP15 fuq il-bijodiversità, li se tinżamm il-Kanada f’Diċembru, se toffri lir-rieda tajba tal-gvernijiet l-opportunità importanti li jaddottaw ftehim multilaterali ġdid biex iwaqqfu l-qerda tal-ekosistemi u l-estinzjoni tal-ispeċi. Skont l-għerf antik tal-Ġublewijiet, għandna bżonn “infakkru, nerġgħu lura, nistrieħu u nġeddu”.[4] Biex inwaqqfu milli jkompli l-kollass tax-“xibka tal-ħajja” – il-bijodiversità – li tana Alla, nitolbu u nistiednu lin-nazzjonijiet biex jaqblu fuq erba’ prinċipji-muftieħ: 1. jibnu etika bażika ċara għat-trasformazzjoni li għandna bżonn biex nistgħu nsalvaw il-bijodiversità; 2. jiġġieldu kontra t-telfien ta’ bijodiversità, iwieżnu l-konservazzjoni u l-irkupru u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’mod sostenibbli; 3. jippromovu s-solidarjetà globali, fid-dawl tal-fatt li l-bijodiversità hija ġid komuni globali li jitlob impenn maqsum bejn kulħadd; 4. iqiegħdu fiċ-ċentru l-persuni f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, inklużi dawk l-iżjed milquta mit-telfien tal-bijodiversità, bħalma huma l-popli indiġeni, l-anzjani u ż-żgħażagħ.

 

Intenni: “Nixtieq nitlob, f’isem Alla, lill-kumpaniji kbar ta’ estrazzjoni – minjieri, tal-pitrolju, tal-qtugħ tas-siġar, tal-bini, tal-agrikultura – biex jieqfu jeqirdu l-boskijiet, l-artijiet umdużi u l-muntanji, biex jieqfu jniġġsu x-xmajjar u l-ibħra, biex jieqfu javvelenaw il-popli u l-ikel”.[5]

 

Ma nistgħux ma nirrikonoxxux li hemm “dejn ekoloġiku” (Laudato si’, 51) tan-nazzjonijiet ekonomikament iżjed għonja, li niġġsu iżjed fl-aħħar żewġ sekli; dan jitlob minnhom li jmiddu passi iżjed ambizzjużi kemm fil-COP27 u kemm fil-COP15. Minbarra azzjoni determinata fi ħdan il-konfini tagħhom, dan jitlob li huma jżommu l-wegħdiet tagħhom ta’ għajnuna finanzjarja u teknika lin-nazzjonijiet ekonomikament ifqar, li diġà qed jerfgħu l-ikbar piż tal-kriżi fil-klima. Barra minn dan, ikun opportun li jaħsbu urġentement anki f’għajnuna finanzjarja oħra għall-konservazzjoni tal-bijodiversità. Anki l-pajjiżi inqas għonja ekonomikament għandhom responsabbiltajiet sinifikattivi imma “diversifikati” (ara ibid., 52); għax l-oħrajn idumu ma jieħdu azzjoni, dan ma jiġġustifikax li huma ma jagħmlu xejn. Hemm bżonn naġixxu, ilkoll, b’determinazzjoni. Wasalna għal “mument kritiku” (ara ibid., 61).

 

Matul dan iż-Żmien tal-Ħolqien, ejjew nitolbu biex il-laqgħat COP27 u COP15 jistgħu jgħaqqdu l-familja umana (ara ibid., 13) biex taffronta b’determinazzjoni l-kriżi doppja tal-klima u tat-tnaqqis tal-bijodiversità. Niftakru fl-eżortazzjoni ta’ San Pawl biex nifirħu ma’ min jifraħ u nibku ma’ min jibki (ara Rum 12:15), u hekk nibku mal-karba kiebja tal-ħolqien, nisimgħuha u nwieġbu għaliha bil-fatti, biex aħna u l-ġenerazzjonijiet futuri nistgħu mill-ġdid nifirħu mal-għana ħelu ta’ ħajja u ta’ tama tal-ħlejjaq kollha.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 16 ta’ Lulju 2022,

Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Karmelu

 

FRANĠISKU

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


 

[1] Ara Diskors lill-F.A.O., 16 ta’ Novembru 1970.

[2] S. Ġwanni Pawlu II, Udjenza ġenerali, 10 ta’ Lulju 2002.

[3] Diskors fil-Laqgħa Fidi u Xjenza lejn il-COP26”, 4 ta’ Ottubru 2021.

[4] Messaġġ għall-Jum Dinji ta’ talb għall-għożża tal-ħolqien, 1 ta’ Settembru 2020.

[5] Vidjomessaġġ lill-movimenti popolari, 16 ta’ Ottubru 2021.