Laikos

 

MESSAĠĠ TAL‑QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANPISKU  GĦAT‑TMIEN JUM DINJI TAL‑FAQAR

It‑Tlieta u Tletin Ħadd taż‑Żmien ta’ Matul is‑Sena

Is‑17 ta’ Novembru 2024

“It‑talba tal‑fqir minn fommu għal widnejn
Alla”
(Bin Sirak 21:5)

Għeżież ħuti,

1. It‑talba tal‑fqir minn fommu għal widnejn Alla (ara Bin Sirak 21,5). F’din is‑sena ddedikata għat‑talb b’antiċipazzjoni tal‑Ġublew Ordinarju tal‑2025, din l‑espressjoni ta’ għerf bibliku toqgħod ħafna hekk kif inħejju għat‑Tmien Jum Dinji tal‑Foqra, li se jiġi osservat fis‑17 ta’ Novembru. It‑tama Nisranija tħaddan ukoll iċ‑ċertezza li t‑talb tagħna jasal quddiem Alla; mhux kull talb, imma pjuttost it‑talb tal‑foqra! Ejja nirriflettu fuq din il‑kelma u “naqrawha” fl‑uċuħ u fl‑istejjer tal‑foqra li niltaqgħu magħhom kuljum, biex it‑talb isir triq ta’ komunjoni magħhom u qsim fit‑tbatija tagħhom.

2. Il‑Ktieb ta’ Bin Sirak, li qed nirreferi għalih, mhuwiex magħruf biżżejjed, iżda jistħoqqlu li jiġi skopert għar‑rikkezza tat‑temi tiegħu, speċjalment dwar ir‑relazzjoni tal‑bniedem ma’ Alla u mad‑dinja. L‑awtur tiegħu, Bin Sirak, hu għalliem, skirba f’Ġerusalemm, li x’aktarx qed jikteb fit-tieni seklu Q.K. Hu raġel għaref, b’għeruq sodi fit‑tradizzjoni ta’ Iżrael, li jgħallem fuq diversi aspetti tal‑ħajja umana: ix‑xogħol, il‑familja, il‑ħajja soċjali u l‑edukazzjoni taż‑żgħażagħ, jagħti attenzjoni speċjali lil temi relatati mal‑fidi f’Alla u l‑osservanza tal‑Liġi. Huwa jindirizza problemi diffiċli tal‑libertà, il‑ħażen u l‑ġustizzja divina, li għadhom rilevanti ħafna għalina llum. Ispirat mill‑Ispirtu s‑Santu, Bin Sirak ifittex li jindika lil kulħadd it‑triq li għandu jimxi biex jgħix ħajja għaqlija u dinjituża f’għajnejn Alla u ħutu.

3. Waħda mit‑temi li għaliha dan l‑awtur sagru jiddedika attenzjoni sinifikanti hija t‑talb. Hu jagħmel dan b’fervur kbir għax jagħti vuċi lill‑esperjenza personali tiegħu. Tabilħaqq, l‑ebda kitba dwar it‑talb ma tista’ tkun effettiva u produttiva jekk ma toħroġx minn xi ħadd li joqgħod kuljum fil‑preżenza t’Alla u jisma’ l‑Kelma tiegħu. Bin Sirak jiddikjara li hu fittex l‑għerf sa minn żgħożitu: “Meta kont għadni żagħżugħ, qabel ma bdejt nivvjaġġa, fittixt l‑għerf bid‑dieher fit‑talb tiegħi” (Bin Sirak 51:13).

4. F’dan il‑vjaġġ tiegħu, hu skopra waħda mill‑veritajiet fundamentali tar‑rivelazzjoni, jiġifieri li l‑foqra għandhom post privileġġjat fil‑qalb ta’ Alla, sal‑punt li, quddiem it‑tbatija tagħhom, Alla huwa “bla paċenzja” sakemm jara għamel ġustizzja magħhom. “It‑talba tal‑umli tinfed is‑sħab, u ma toqgħodx bi kwieta sa ma tasal qrib, il‑Mulej; ma tiqafx qabel mal‑Għoli jagħti widen u jagħti raġun lill‑ġusti u jagħmel ħaqq. Il‑Mulej ma jittnikkirx” (Bin Sirak 35:17‑18). Alla jaf it‑tbatijiet ta’ wliedu għax hu missier attent u jagħti kas għal kulħadd. Bħala missier, ħa ħsieb lil dawk l‑aktar fil‑bżonn: il‑foqra, l‑emarġinati, dawk li qed ibatu u l‑minsija. Imma ħadd mhu eskluż minn imħabbtu, għax f’għajnejh, aħna lkoll foqra u fil‑bżonn. Aħna lkoll tallaba għax, mingħajr Alla, m’aħna xejn. Lanqas ma kien ikollna l‑ħajja li kieku Alla ma tahilniex. Madanakollu kemm‑il darba aħna ngħixu bħallikieku konna sidien ta’ ħajjitna jew bħallikieku kellna nirbħuha! Il‑mentalità tad‑dinja titlob li nsiru xi ħadd, li nagħmlu isem lilna nfusna akkost ta’ kollox, inkissru n‑normi soċjali sabiex nakkumulaw il‑ġid. X’ħasra ta’ illużjoni hi din! Il‑kuntentizza ma tistax tinkiseb billi nirfsu fuq id‑drittijiet u d‑dinjità tal‑oħrajn.

Il‑vjolenza kkawżata mill‑gwerer turi biċ‑ċar l‑arroganza ta’ dawk li jqisu lilhom infushom b’saħħithom quddiem irġiel u nisa, imma huma fqar f’għajnejn Alla. Kemm toħloq foqra oħra din il-politika kattiva magħmula mill-armi, kemm vittmi innoċenti! Ma nistgħux nagħtu daharna lil din ir‑realtà. Id‑dixxipli tal‑Mulej jafu li kull wieħed minn dawn “iċ‑ċkejknin” iġib ix‑xbieha tal‑Iben ta’ Alla u kull wieħed irid jirċievi l‑appoġġ tagħna u espressjonijiet ta’ karità Nisranija. “Kull Nisrani individwali u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn. Alla għall‑ħelsien u l‑promozzjoni tal‑foqra, u biex hekk dawn jistgħu jintegraw ruħhom għalkollox fis‑soċjetà. Dan jitlob li nkunu doċili u attenti biex nistgħu nisimgħu il‑karba tal‑fqir u nħaffu ngħinuh.” (Evangelii Gaudium, 187).

5. F’din is‑sena ddedikata lit‑talb, hemm bżonn li nagħmlu tagħna t‑talba tal‑foqra u nitolbu magħhom. Din hi sfida li rridu nħaddnu u azzjoni pastorali li rridu nħaddnu. Aktar minn hekk, l‑agħar diskriminazzjoni li jsofru l‑foqra hi n‑nuqqas ta’ kura spiritwali.  Il‑maġġoranza assoluta tal-foqra huma miftuħin ħafna għall‑fidi; għandhom bżonn lil Alla u aħna m’għandniex nonqsu milli noffrulhom il‑ħbiberija tiegħu, il‑barka, kliemu, iċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti u mixja biex jikbru u jimmaturaw fil‑fidi. L-għażla preferenzjali favur il-foqra għandha tissarraf prinċipalment f’attenzjoni reliġjuża privileġġjata, u din tiġi qabel kollox. (ibid., 200).

Dan kollu jeħtieġ qalb umli, li għandha l‑kuraġġ li ssir qalb tallaba. Qalb li lesta tagħraf lilha nnifisha bħala fqira u fil‑bżonn. Tabilħaqq, hemm xebħ bejn il‑faqar, l‑umiltà u l‑fiduċja. Il‑fqir tassew hu l‑umli, kif qal l‑Isqof Santu Wistin: “Il‑fqir m’għandu xejn biex jiftaħar: is‑sinjur irid jissielet mal‑kburija tiegħu. Għalhekk, ismagħni: kun fqir tassew, għix ħajja ta’ virtù, kun umli” (Priedki, 14, 4). L‑umli la jiftaħar u lanqas jippretendi, jaf li ma jistax joqgħod fuqu nnifsu imma jemmen bis‑sħiħ u jkun miftuħ quddiem l‑imħabba ħanina ta’ Alla, wieqaf quddiemu, bħall‑iben il‑ħali li jerġa’ lura d‑dar kollu niedem biex jilqa’ t‑tgħanniqa tal‑missier (ara Lq 15,11‑24). Il‑fqir, li m’għandu xejn fuq xiex iserraħ moħħu, jieħu s‑saħħa mingħand Alla u jpoġġu fih il‑fiduċja kollha tiegħu. Tabilħaqq, l‑umiltà ssaħħaħ l‑fiduċja li Alla qatt mhu se jabbandunana u qatt mhu se jħallina mingħajr il‑preżenza tiegħu.

6. Lill‑foqra li jgħammru fl‑ibliet tagħna u li jiffurmaw parti mill‑komunitajiet tagħna ngħidilhom: titilfux din iċ‑ċertezza! Alla huwa attent u viċin kull wieħed minnkom. M’ intix minsi minnu u qatt ma jista’ jagħmlu dan. Xi darba jew oħra għaddejna minn dik l‑esperjenza ta’ talb mhux mismugħ, talb ta’ ħelsien minn sofferenzi ta’ tbatija u umiljazjoni, u Alla donnu ma jismax l‑għajta tagħna. Madankollu, is‑silenzju ta’ Alla ma jfissirx li huwa aljenat mit‑tbatijiet tagħna; anzi, l‑istess silenzju jiġbor fih duwa milqugħa b’fiduċja, u abbandun totali tar‑rieda tagħna fir‑rieda tiegħu. Il‑ktieb ta’ Bin Sirak jafferma: “It‑talba tal‑fqir minn fommu għal widnejn Alla u l-ħaqq tiegħu jasal bil-ħeffa” (ara Sir 21,5). Għaldaqstant, minn fomm il‑fqir toħroġ l-għanja tat‑tama l‑aktar ġenwina. Ħa tkun ta’ tfakkira għalina li “meta l‑ħajja interjuri tingħalaq fl‑interessi tagħha, ma jifdalx wisa’ għall‑oħrajn, ma jkunx hemm fejn jidħlu l‑foqra, il‑leħen ta’ Alla ma tisimgħux iżjed, ma tgawdix aktar mill‑ferħ ħelu ta’ mħabbtu, qalbek ma tibqax tħabbat bil‑ħeġġa biex tagħmel il‑ġid.” (Evangelii Gaudium, 2). Din mhix il-ħajja vera fl-Ispirtu li toħroġ mill-qalb ta’ Kristu Rxoxt.

7. Il‑Jum Dinji tal‑Foqra issa sar mument integrali għal kull komunità ekkleżjali. Hija opportunità pastorali li m’għandhiex tiġi sottovalutata, għax tisfida lil kull min jemmen biex jisma’ t‑talb tal‑foqra u jsir konxju tal‑preżenza u l‑bżonnijiet tagħhom. Hija okkażjoni tajba biex jiġu implimentati inizjattivi li b’mod konkret jgħinu lill‑foqra biex jiġu rikonoxxuti u jiġu mwieżna tant voluntiera li jiddedikaw ruħhom b’passjoni għal dawk l‑aktar fil‑bżonn. Għandna għax inroddu ħajr lill‑Mulej għal bosta nies li joffru lilhom infushom biex jisimgħu u jappoġġjaw lill‑ifqar ta’ madwarna. Dan huma saċerdoti, persuni kkonsagrati, lajċi rġiel u nisa, li bix‑xhieda tagħhom, isiru l‑leħen ta’ Alla li jwieġeb lil kull min idur lejh. Għaldaqstant, l‑istess is‑skiet jinkiser kull darba li persuna fil‑bżonn tiġi milqugħa u mħaddna. Il‑foqra għad għandhom ħafna x’jgħallmuna għax f’kultura li poġġiet il‑ġid quddiem nett u ħafna drabi tissagrifika d‑dinjità tal‑bniedem fuq l‑altar tal‑ġid materjali, jaqdfu kontra l-kurrent, filwaqt li jenfasizzaw li l‑essenzjali għall‑ħajja huwa xi ħaġa li għandha sinifikat ferm ogħla.

Għalhekk it‑talb ipoġġi għad‑dawl l‑imħabba awtentika li tidher fil‑laqgħa mal‑persuna u mal‑proxxmu. Ikun kollu ta’ xejn jekk it‑talb ma jissarrafx f’azzjoni konkreta;  għax tabilħaqq, “il‑fidi waħedha, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta” (Ġak. 2:17). Madankollu, hemm riskju kbir li l‑karità mingħajr it‑talb issir filantropija li f’ħakka t’għajn iġġib fix‑xejn lilha nnifisha. “Mingħajr it‑talb ta’ kuljum, mgħajjex b’fedeltà, ħidmietna xxejnu, ruħhom ssir battala, u jirreduċu lilhom infushom f’sempliċiment attiviżmu.” (Benedittu XVI, Katekeżi, 25 ta’ April 2012). Quddiem din ir‑realtà rridu noqogħdu attenti minn din it‑tentazzjoni u nkunu dejjem miftuħa għad‑don tal‑Ispirtu s‑Santu, dak li jagħti l‑ħajja biex inkunu qawwija u perseveranti sal‑aħħar.

8. F’dan il‑kuntest, huwa sabiħ li niftakru fix‑xhieda li ħallitilna Madre Tereża ta’ Kalkutta, mara li tat ħajjitha għall‑foqra. Santa Tereża tenniet kontinwament li kien mit‑talb li sabet is‑saħħa u l‑fidi għall‑missjoni tagħha ta’ servizz lill‑iżgħar fostna. Meta tkellmet fl‑Assemblea Ġenerali tan‑Nazzjonijiet Uniti fis‑26 ta’ Ottubru 1985, u wriet lil kulħadd il‑kuruna tar‑rużarju li dejjem żammet f’idejha, ​​qalet: “Jiena biss soru fqira li nitlob. Meta nitlob, Ġesù jpoġġi l‑imħabba tiegħu f’qalbi, u jien immur nagħtiha lill‑foqra kollha li niltaqa’ magħhom fit‑triq. Itlob ukoll! Itlob, u tinduna bil‑foqra li hemm ħdejk. Forsi fl‑istess sular fil‑bini tal‑appartamenti tiegħek. Forsi ankè fid‑djar tagħkom, xi ħadd qed jistenna l‑imħabba tiegħek. Itlob, u għajnejk jinfetħu, u qalbek timtela bl‑imħabba”.

Kif ma nistgħux niftakru hawn fil‑belt ta’ Ruma, lil San Benedittu Ġużepp Labre (1748‑1783), li l‑ġisem tiegħu jistrieħ u huwa meqjum fil‑knisja parrokkjali ta’ Santa Maria ai Monti. Pellegrin minn Franza għal Ruma, miċħud minn ħafna monasteri, qatta’ l‑aħħar snin ta’ ħajtu fqir fost il‑foqra, iqatta’ sigħat fit‑talb quddiem Ġesù sagramentat, bir‑rużarju, jitlob l‑brevjar, jaqra t‑Testment il‑Ġdid u l‑Imitazzjoni ta’ Kristu. Billi ma kellux fejn joqgħod, hu normalment jorqod f’rokna tal‑fdalijiet tal‑Kolossew bħal “vagabond t’Alla,” u għamel minn ħajtu talba bla waqfien li titla’ lejn Alla.

9. Hekk kif nersqu lejn is‑Sena Mqaddsa, neżorta lil kulħadd biex isir pellegrin tat‑tama, u jistabbilixxi miri reali għal futur aħjar. Ma ninsewx li nżommu “id‑dettalji ċkejknin tal‑imħabba” (Gaudete et Exsultate, 145): nieqfu, nersqu qrib, nagħtu ftit attenzjoni, tbissima, żegħila, kelma ta’ faraġ... Dawn il‑ġesti mhumiex awtomatiċi; jeħtieġu impenn ta’ kuljum u ħafna drabi moħbija u siekta, imma msaħħa bit‑talb. F’dan iż‑żmien, meta l‑għanja tat‑tama tidher li tagħti spażju għall‑għajta tal‑armi, għall‑għajta ta’ ħafna midruba innoċenti, u s‑skiet ta’ vittmi bla għadd tal‑gwerer, induru  lejn Alla bit‑talba tagħna għall‑paċi. Aħna niftħu beraħ idejna biex nirċievu l‑paċi bħala rigal prezzjuż għax aħna “foqra” f’dan ir‑rigward, filwaqt li fl‑istess ħin nimpenjaw ruħna biex inpoġġuha mill-ġdid fil‑ħajja ta’ kuljum.

10. F’kull ċirkostanza aħna msejħin biex inkunu ħbieb tal‑foqra, nimitaw il‑passi ta’ Ġesù li dejjem beda billi juri solidarjetà meta jirrelata mal‑iżgħar fostna.

Ħa ssosstnina l‑omm t’Alla, l‑Imqaddsa Marija, li dehret f’Banneux u ħallitilna messaġġ li qatt m’għandu jintesa’: “Jien il‑Verġni tal‑foqra.”  Lil Marija, li Alla xeħet għajnejh fuq iċ‑ċokon tagħha u wettaq affarijiet kbar permezz tal‑ubbidjenza tagħha, nafdawlha t‑talb tagħna, konvinti li se jitla’ ’l fuq lejn is‑sema u jinstema’.

Ruma, San Giovanni Lateran, it‑13 ta’ Ġunju 2024, tifkira ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova, patrun tal‑foqra

Franġisku

 

Miġjub għall-Malti minn Dun Martin Micallef