Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIS-SIMPOSJU “LEJN NARRATTIVA TA’ TAMA:

SIMPOSJU INTERNAZZJONALI BEJN IR-RELIĠJONIJIET DWAR IL-KURA PALJATTIVA”

 

[Toronto, 21-23 ta’ Mejju 2024]

 

Minn qalbi nsellem u nifraħ lil dawk kollha li qed jieħdu sehem fl-ewwel Simposju Internazzjonali bejn ir-Reliġjonijiet dwar il-Kura Paljattiva, sponsorjat mill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja flimkien mal-Konferenza Kanadiża tal-Isqfijiet Kattoliċi, u nirringrazzja lill-Presidenti rispettivi tagħhom, l-Arċisqof Vincenzo Paglia u l-Isqof William McGrattan. Ninsab daqstant ieħor grat lejn il-kelliema fis-Simposju u dawk kollha li ħadmu biex jagħmlu din il-laqgħa possibbli.

 

It-tema li għażiltu, Lejn Narrattiva ta’ Tama, hi f’waqtha kif ukoll meħtieġa. Illum il-ġurnata, aħna u nixhdu għall-effetti traġiċi tal-gwerra, il-vjolenza u l-inġustizzja ta’ bosta xejriet, faċli ħafna li nċedu għad-diqa u anki għall-qtigħ il-qalb. Imma bħala membri tal-familja tal-bnedmin u speċjalment bħala nies ta’ fidi, aħna msejħin nakkumpanjaw, bi mħabba u mogħdrija, lil dawk li qed jissieltu u qed ibatu biex isibu raġunijiet għat-tama (ara 1 Piet 3:15). Tabilħaqq, it-tama hi dik li tagħtina l-qawwa f’wiċċ il-mistoqsijiet imqanqla mill-isfidi, id-diffikultajiet u l-ansjetajiet tal-ħajja.

 

Dan hu iktar minnu meta nkunu naffaċċjaw mard serju jew it-tmiem tal-ħajja. Dawk kollha li jġarrbu l-inċertezzi li spiss iġibu magħhom il-mard u l-mewt għandhom bżonn ix-xhieda ta’ tama li jagħtu dawk li jieħdu ħsiebhom u li jibqgħu qrib tagħhom. F’dan ir-rigward, il-kura paljattiva, waqt li tipprova ttaffi kemm hu possibbli t-toqol tal-uġigħ, hija fuq kollox sinjal konkret ta’ qrubija u solidarjetà ma’ ħutna li qed ibatu. Fl-istess waqt, din l-għamla ta’ kura tista’ tgħin il-pazjenti u l-għeżież tagħhom jaċċettaw il-vulnerabbiltà, il-fraġilità u l-limitazzjonijiet li jimmarkaw il-ħajja tal-bniedem fuq din l-art.

 

Hawn, irrid insemmi li kura paljattiva awtentika hi radikalment differenti mill-ewtanasja, li qatt ma hi għajn ta’ tama jew attenzjoni ġenwina għal min hu marid u min qed imut. Minflok, din hi falliment tal-imħabba, mera ta’ “kultura tal-iskart” li fiha “l-persuna m’għadniex inħossuha bħala valur primarju li għandna nirrispettawh u nieħdu ħsiebu” (Fratelli tutti, 18). Tabilħaqq, l-ewtanasja hi spiss ippreżentata b’mod qarrieq bħala għamla ta’ kompassjoni. Imma l-“kompassjoni”, kelma li tfisser “tbati ma’”, ma tinvolvix it-temma intenzjonata ta’ ħajja, imma pjuttost ir-rieda li wieħed jaqsam fit-toqol ta’ dawk li qed jaffaċċjaw l-aħħar stadji tal-pellegrinaġġ tagħna fuq din l-art. Il-kura paljattiva, allura, hi għamla ġenwina ta’ kompassjoni, għax twieġeb għat-tbatija, sew jekk fiżika, emozzjonali, psikoloġika jew spiritwali, billi tafferma d-dinjità fundamentali u invjolabbli ta’ kull persuna, speċjalment min qed imut, u tgħinhom jaċċettaw il-mument inevitabbli tal-passaġġ minn din il-ħajja għall-ħajja eterna.

 

F’din il-perspettiva, il-konvinzjonijiet reliġjużi tagħna joffru għarfien iktar profond tal-mard, it-tbatija u l-mewt, u jħarsu lejhom bħala parti mill-misteru tal-providenza divina u, għat-tradizzjoni Nisranija, bħala mezz ta’ tqaddis. Fl-istess waqt, l-għemejjel ta’ ħniena u rispett li juru l-istaff mediku u dawk li joffru l-kura spiss ħolqu l-possibbiltà għal dawk li jkunu f’xifer il-ħajja tagħhom li jsibu faraġ spiritwali, tama u rikonċiljazzjoni ma’ Alla, mal-membri tal-familja u l-ħbieb. Tabilħaqq, is-servizz tagħkom hu importanti – jien ngħid essenzjali wkoll – biex jgħin lill-morda u l-agonizzanti jintebħu li huma mhumiex iżolati jew waħidhom, li l-ħajja tagħhom ma hix piż, imma li huma jibqgħu dejjem fihom infushom ta’ valur f’għajnejn Alla (ara Salm 116:15) u magħqudin magħna bir-rabtiet tal-komunjoni.

 

Għeżież ħbieb, inħeġġeġ lilkom ilkoll fl-isforzi tagħkom li ttejbu l-kura paljattiva għall-iktar vulnerabbli fost ħutna. Jalla d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet tagħkom f’dawn il-ġranet jgħinukom tipperseveraw fl-imħabba, tagħtu t-tama lil dawk fi tmiem ħajjithom u sseddqu l-bini ta’ soċjetà iktar ġusta u fraterna. Fuqkom u fuq l-għeżież tagħkom, insejjaħ il-barkiet divini tal-għerf, is-saħħa u s-sliem.

 

Ruma, min San Ġwann Lateran, 26 ta’ April 2024

 

FRANĠISKU