MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-FORUM “EUROPEAN HOUSE – AMBROSETTI

Villa d’Este, Cernobbio, 4-5 ta’ Settembru 2020

Belt tal-ġejjieni u mudell ta’ żvilupp

Sinjuri,

Insellem bil-qalb lilkom ilkoll li qegħdin tieħdu sehem fil-Forum tal- European House – Ambrosetti. Din is-sena d-diskussjoni hi dwar kwistjonijiet importanti li għandhom x’jaqsmu mas-soċjetà, mal-ekonomija u t-tiġdid, u din titlob impenn straordinarju, biex twieġeb għall-isfidi kkawżati mill-emerġenza tas-saħħa, dik ekonomika u dik soċjali.

Ilkoll kemm aħna qed nitgħallmu mill-esperjenza tal-pandemija, li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Ilkoll kemm aħna missejna b’idejna d-dgħufija li timmarkana u li tgħaqqadna flimkien. Fhimna aħjar li kull għażla personali li nagħmlu tħalli effett fuq l-oħrajn, kemm dawk li jinsabu fiżikament maġembna, kif ukoll dawk li jinsabu n-naħa l-oħra tad-dinja. Dak li ġara ġagħlna nirrejalizzaw li aħna nappartjenu lil xulxin, u li aħna aħwa li ngħixu fl-istess dar. Minħabba li ma wrejniex solidarjetà bejnietna fit-tajjeb u fil-qsim tal-ġid, allura għexna s-solidarjetà fit-tbatija.

Din il-prova għallmitna wkoll ħafna iktar fuq livell kulturali in ġenerali. Fil-fatt urietna kemm hi kbira x-xjenza, imma wkoll kemm hi limitata! Tefgħat fi kriżi l-iskala tal-valuri li tpoġġi fl-ewwel post il-flus u l-poter. U minħabba li konna magħluqin fid-dar flimkien – ġenituri u wlied, żgħażagħ u anzjani -  erġajna ftakarna fit-tbatijiet u l-ferħ li jġibu magħhom ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, u ġagħlitna nindunaw li nistgħu ngħaddu mingħajr ħafna affarijiet li huma żejda u mmorru biss għal dak li hu essenzjali. Din il-prova heżżet ċertu mudell ta’ żvilupp. Quddiem ġejjieni diffiċli u mimli sfidi, l-iktar fuq livell soċjali u ekonomiku, aħna msejħin ngħixu l-mument preżenti billi nagħrblu bejn dak li jibqa’ u dak li jgħaddi, bejn dak li hu meħtieġ u dak li mhuwiex.

F’din is-sitwazzjoni, l-ekonomija fil-veru sens tagħha bħala “it-tmexxija tad-dar li hija d-dinja” , hija kamp privileġġjat minħabba r-rabta kbira li hemm mas-siitwazzjonijiet konkreti u veri ta’ kull raġel u mara. L-ekonomija għandha tkun l-espressjoni tal-“kura” li ma tħalli lil ħadd barra,  ma toqtolx anzi tagħti l-ħajja, ma tissagrifikax id-dinjità tal-bniedem minħabba l-idolu tal-flus, ma ġġibx vjolenza u nuqqas ta’ ugwaljanza, ma tużax il-flus biex tiddomina imma biex taqdi (cfr Eżort. App. Evangelii gaudium, 53-60). Il-profitt veru, fil-fatt, jikkonsisti f’ġid li kulħadd jista’ jkollu aċċess għalih.  «Dak li hu vera tiegħi huwa dak li nista’ nagħti» (cfr Udjenza Ġeneralei, 7 Nov. 2018).

F’din it-traġedja li għadha taħkem id-dinja kollha, ix-xjenza u t-teknoloġija ma kienux biżżejjed. Dak li ħalla l-ikbar effett kien is-surplus ta’ ġenerożità u ta’ kuraġġ li kien ġej minn tant nies. Dan għena biex nindunaw li t-teknoloġija mhix l-unika soluzzjoni għall-problemi. Hemm il-mentalità imnaqqxa fil-bniedem li jrid jaħkem fuq kollox, u jaħseb li “teżisti kwantità bla limitu ta’ enerġija u ta’ mezzi li jista’ juża bla ma jinħlew, u li l-effetti negattivi tat-tbagħbis man-natura jistgħu jiġu faċilment newtralizzati”  (Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u Paċi, Kompendju għad-duttrina soċjali tal-Knisja, 462; cfr Enċ. Laudato si’, 106). Fir-rigward kemm tan-natura, kif ukoll u iżjed u iżjed tan-nies, hu meħtieġ li jkun hemm bdil fil-mentalità biex titwessa’ l-ħarsa u biex it-teknoloġija tkun iżjed iffukata u tkun għas-servizz ta’ mudell ieħor ta’ żvilupp, żvilupp, aktar b’saħħtu, aktar uman, iktar soċjali u integrali.

Dan  iż-żmien hu żmien ta’ dixxerniment, fid-dawl tal-prinċipji tal-etika u tal-ġid komuni, biex kif jixtieq kulħadd, nerġgħu nibdew mill-ġdid. San Injazju ta’ Loyola, il-fundatur tal-Kumpanija ta’ Ġesù, juża spiss il-kelma “dixxerniment” fil-kitba tiegħu, ispirat mit-tradizzjoni kbira tal-għerf bibliku, imma l-iktar mill-kliem ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Kristu kien jistieden lis-semmiegħa tiegħu, u llum lilna lkoll, biex ma nieqfux biss fuq kif jidhru l-affarijiet minn barra, imma li b’għerf niddixxdernu s-sinjali taż-żminijiet. Għal dan l-iskop hemm żewġ affarijiet li wieħed irid jikkonsidra: il-konverżjoni u l-krejattività.

Min-naħa l-waħda hu meħtieġ li ngħixu konverżjoni ekoloġika biex nistgħu nnaqqsu l-pass  tal-konsum bla sens u tal-produzzjoni, u nitgħallmu nifhmu u nikkontemplaw in-natura, u nerġgħu nagħmlu l-kuntatt mal-ambjent veru tagħna. Nimmiraw li jkollna konverżjoni ekoloġika tal-ekonomija tagħna, bla ma nċedu għall-ġirja sfrenata taż-żmien tal-lum, imma mmorru lura għal relazzjonijiet li ngħixuhom minflok naħluhom.

Min-naħa l-oħra aħna msejħin biex inkunu krejattivi, bħall-artisti, billi nfasslu toroq ġodda u oriġinali għall-ġid komuni. U aħna nistgħu nkunu krejattivi biss jekk inkunu kapaċi nilqgħu n-nifs tal-Ispirtu, li jimbuttana biex nazzardaw  nagħmlu għażliet maturi u ġodda, għażliet li jitolbu minna kuraġġ, u li jagħmluna irġiel u nisa li kapaċi nimxu lejn żvilupp uman u integru li nkxtiequ lkoll kemm aħna. Din hija l-krejattività tal-imħabba biex nistgħu nagħtu mill-ġdid sens lill-preżent, u hekk niftħuh għal ġejjieni aħjar.

Biex ikollna din il-konverżjoni u din il-krejattività hu meħtieġ li niffurmaw u nsostnu l-ġenerazzjonijiet il-ġodda ta’ ekonomisti u nies fin-negozju. Għaldaqstant, jiena stedinthom biex mid-19 sal-21 ta’ Novembru li ġej, jiġu Assisi il-belt taż-żagħżugħ Franġisku li, imneżża’ minn kollox «biex jagħżel lil Alla bħala l-kewkba li tmexxi lil ħajtu, għamel lilu nnifsu fqir mal-fqar u għex il-fratellanza universali. Mill-għażla tiegħu tal-faqar, nibtet ukoll viżjoni ta’ ekonomija li għadha attwali anke llum.» (Ittra tal-okkażjoni “Economy of Francesco”, lill-ekonomisti żgħażagħ, negozjanti mid-dinja kollha, 1 ta’ Mejju 2019). Huwa importanti ħafna li ninvestu fil-ġenerazzjonijiet il-ġodda li huma l-protagonisti tal-ekonomija ta’ għada, li niffurmaw persuni disposti li jkunu għas-servizz tal-komunità, tal-kultura tal-flimkien. L-ekonomija tal-lum, iż-żgħażagħ, il-fqar, għax huma għandhom bżonn l-ewwelnett tal-umanità tagħkom, li tkunu qrib tagħhom b’mod rispettuż u umli, u mhux biss il-flus tagħkom. (cfr Enċ. Laudato si’, 129; Diskors lill-parteċipanti dwar “L-Ekonomija tal-Qsim tal-Ġid”, 4 ta’ Frar 2017).

Fil-Forum tagħkom qed tinħadem ukoll aġenda għall-Ewropa. Issa għaddew sebgħin sena mid-dikjarazzjoni Schuman, tad-9 ta’ Mejju 1950, li kienet l-ewwel ċellola ta’ dik li llum hi l-Unjoni Ewropeja. Illum iktar minn qatt qabel l-Ewropa hi msejħa biex tkun fuq quddiemnett ta’ dan l-isforz biex ninqalgħu mll-fatt li huma l-esperti tekniċi li għandhom kontroll tas-soċjeta u tal-industrija, xi ħaġa li estendiet ruħha għall-politika u għall-ekonomija. Dan l-isforz huwa dak tas-solidarjetà, l-uniku vaċċin għall-virus tal-egoiżmu, li hu iktar b’saħħtu mill-Covid-19. Jekk qabel konna nuru s-solidarjetà fil-produzzjoni, illum din is-solidarjetà twessgħet għal ġid iktar prezzjuż: il-persuna tal-bniedem. Il-bniedem għandu jkollu l-post li jixraqlu, jiġifieri fiċ-ċentru tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tal-politika soċjali u tal-ekonomija. Il-persuni għandhom ikunu milqugħa, imħarsa, akkumpanjati u nintegrawhom meta jiġu jħabbtu l-bibien ta’ djarna ifittxu futur ta’ tama.

Il-belt tal-ġejjieni  se tkun fiċ-ċentru tar-riflessjonijiet tagħkom. Mhux kumbinazzjoni li, fil-Bibbja, id-destin tal-umanità isib il-milja tiegħu f’belt, Ġerusalemm tas-sema kif inhi mfissra fil-Ktieb tal-Apokalissi (cc. 21-22). Belt tas-sliem, kif juri isimha, li l-bibien tagħha huma dejjem miftuħin għall-ġnus kollha; belt mibnija għan-nies, sabiħa u tal-għaġeb; belt li għandha ħafna għejjun ta’ ilma u siġar, belt li tilqgħek, fejn il-mard u l-mewt ingħelbu. Din il-viżjoni għolja tista’ tqanqal l-aħjar enerġija fin-nies biex nibnu dinja aħjar. Nistedinkom, għalhekk, biex tgħolllu ħarsitkom biex ikollkom idejali għoljin u aspirazzjonijiet kbar.

Nawgura li dawn il-jiem tal-laqgħat tagħkom iħallu l-frott: jgħinuna biex nimxu flimkien, u nieħdu direzzjoni fost il-konfużjoni ta’ tant ilħna u messaġġi, u noqogħdu attenti biex ħadd ma jintilef matul it-triq. Inħeġġiġkom biex tistinkaw ħalli tinbena mod ġdid kif nifhmu l-ekonomija u l-progress, niġġieldu kontra kull emarġinazzjoni, nipproponu stili ġodda ta’ ħajja u nagħtu vuċi lil min m’għandux.

Nagħlaq billi nawguralkom, u dan nagħmlu permezz tal-kliem tas-Salm Bibliku: «Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!  Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna, wettaq, iva, xogħol idejna.» (90, 17).

Ruma, San Ġwann Lateran, 27 ta’ Awwissu 2020

 

Franġisku

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes