VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FIL-LUSSEMBURGU U FIL-BELĠJU
(26-29 ta’ Settmebru, 2024)

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U MAL- KORP DIPLOMATIKU

Diskors tal-Qdusija Tiegħu

“Cercle Cité” (Lussemburgu)
Il-Ħamis, 26 ta’ Settembru, 2024

Alteżżi Rjali,
Sur Prim Ministru,
distinti Rappreżentanti tas-soċjetà ċivili,
illustri Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,
Eminenzi!

Inħossni ferħan li qed nagħmel diż-żjara fil-Grandukat tal-Lussemburgu; irrodd ħajr minn qiegħ qalbi lilek Altezza Rjali u lill-Prim Ministru għall-kliem kordjali li ndirizzajtuli.  u wkoll għall-merħba tant familjari mal-familja Grandukali, grazzi!

Minħabba l-pożizzjoni ġjografika partikolari tiegħu, li tmiss ma’ żoni lingwistiċi u kulturali differenti, il-Lussemburgu spiss kien f’salib it-toroq tal-ġrajjiet storiċi l-aktar rilevanti tal-Ewropa; għal darbtejn, fl-ewwel nofs tas-seklu li għadda, sofra invażjoni u kien imċaħħad mil-Libertà u l-indipendenza.

Imħarreġ mill-istorja tiegħu – l-istorja hi l-għalliema tal-ħajja – ibda mit-tmiem tat-tieni gwerra dinjija, pajjiżkom iddistingwa ruħu għall-impenn biex tinbena Ewropa magħquda u solidali, li fiha, kull pajjiż, kbir jew żgħir, ikollu r-rwol tiegħu, billi sa fl-aħħar kulħadd jitfa’ wara spallejh il-firdiet, it-tilwim u l-gwerer imkebbsin minn nazzjonaliżmi eżasperati u ideoloġiji qerrieda.  L-ideoloġiji dejjem huma l-għadu tad-demokrazija.

Ta’ min jagħraf ukoll li meta l-loġika tat-tilwim u tal-kontrappożizzjoni vjolenti terfa’ rasha, il-postijiet li jkunu jmissu mal-konfini tal-qawwiet  f’kunflitt, jispiċċaw – mhux tort tagħhom – imdaħħlin fl-istorja bil-kbir.  Meta fl-aħħar l-ispirtu jerġa’ jsib it-toroq tal-għaqal, u minflok il-kunflitt tidħol il-koperazzjoni, dawn il-postijiet ikunu f’qagħda li juru, mhux simbolikament biss, x’titlob l-epoka l-ġdida tal-paċi u t-toroq li jkun hemm bżonn jitterqu.

Il-Lussemburgu mhux eċċezzjoni għal dir-regola.  Hu wieħed mill-fundaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-komunitajiet li ġew qabilha, hu sede ta’ għadd ta’ istituzzjonijiet ewropej, fosthom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, il-Qorti Finanzjarja u l-Bank tal-Investimenti.  Dan kollu jsir dment li ssaltan il-paċi, ma ninsewx li l-gwerra hi dejjem telfa.  Il-paċi – il-Lussemburgu għandu storja ta’ kostruzzjoni u ta’ paċi – dejjem hi meħtieġa.  Hu ta’ swied il-qalb kbir li llum f’pajjiż tal-Ewropa l-investimenti li l-aktar jirrendu huma dawk tal-fabbriki tal-armamenti.  Hu ta’ niket kbir.

Minnha nfisha l-istruttura demokratika solida ta’ pajjiżkom, li għandu għal qalbu d-dinjità tal-persuna umana u d-difiża tal-libertajiet fundamentali tiegħu, hi premessa indispensabbli għal rwol ta’ tant tifsir fil-kuntest kontinentali.  Fill-fatt mhux il-firxa tat-territorju jew l-għadd tal-abitanti huma kundizzjonijiet indispensabbli biex Stat ikollu sehem importanti  fuq livell internazzjonali, jew biex isir ċentru nevralġiku ta’ istituzzjonijiet u  liġijiet għaqlin  fuq livell ekonomiku u finanzjarju.  Iżda hu l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet u liġijiet għaqlin, li jiddixxiplinaw liċ-ċittadini skont kriterji ta’ ekwità u rispett lejn l-istat tad-dritt, iqiegħdu fiċ-ċentru lill-persuna u l-ġid komuni billi jipprevedu u jopponu l-perikli tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni.  Il-Lussemburgu hu pajjiż bil-bibien miftuħa, testimonjanza sabiża ta’ non-diskriminazzjoni u non-esklużjoni.

Dwar dan għadhom jgħoddu kliem San Ġwanni Pawlu II meta fl-1985 kien żar il-Lussemburgu: “Pajjiżkom – kien qal – jibqa fidil għall-vokazzjoni tiegħu ta’ salib it-toroq bejn iċ-ċiviltajiet, imkien ta’ skambji u koperazzjoni kbira bejn għadd dejjem jiżdied ta’ pajjiżi.  Nawgura minn qiegħ qalbi li dir-rieda ta’ solidarjetà tgħaqqad dejjem aktar il-komunitajiet nazzjonali u tinfirex man-nazzjonijiet tad-dinja, partikolarment in-nazzjonijiet foqra” (Diskors waqt iċ-ċerimonja ta’ merħba, 15 ta’ Mejju, 1985).  Jien u nagħmel tiegħi dawn l-affermazzjonijiet, inġedded b’mod partikolari l-appell biex jitwaqqfu relazzjonijiet solidali bejn il-popli, b’mod li kollha jagħtu sehemhom u jkunu protagonisti ta’ żvilupp ordnat u integrali.

Id-duttrina soċjali tal-Knisja tindika l-karatteristiċi ta’ dan it-tip ta’ progress u t-toroq biex jintlaħaq.  Jien ukoll qed inkompli dan il-maġisteru u qed nidħol aktar fil-fond ta’ żewġ temi kbar: il-kura tal-ħolqien u l-fraternità.  Infatti, biex l-iżvilupp ikun awtentiku u integrali, m’għandux jissakkeġġja u jiddegrada d-dar komuni tagħna u lanas għandu jagħti l-ġenb lill-popli jew lill-gruppi soċjali: ilkoll, ilkoll aħwa.  Il-ġid – ma ninsewhx dan – hu responsabbiltà.  Għalhekk nitlob li tingħata dejjem attenzjoni sħiħa biex in-nazzjonijiet l-aktar svantaġġjati ma nittraskutawhomx, anzi ngħinuhom biex iqumu fuq saqajhom u joħorġu mill-kundizzjoni ta’ faqar li jinsabu fiha.  Dan hu l-metodu ewlieni biex naraw li l-għadd ta’ dawk li jkollhom jemigraw bilfors, spiss f’kundizzjinijiet diżumani u perikolużi, jitnaqqas.  Bl-istorja unika tiegħu u bil-pożizzjoni ġjografika partikolari tiegħu, fejn ftit anqas min-nofs il-popolazzjoni ġejja minn inħawi oħra tal-Ewropa u tad-dinja, il-Lussemburgu għandu jkun ta’ eżempju biex juri t-triq li hemm bżonn titterraq biex il-migranti u r-rifuġjati jintegraw ruħhom.  U intom mudell ta’ dan.

Sfortunatament ikollna nammettu li anki fil-kontinent ewropew reġgħu refgħu rashom il-firda u l-ostilità illi, minflok jissolvew bir-rieda tajba reċiproka, bin-negozjati u l-ħidma diplomatika, jispiċċaw isiru gwerer li jġibu magħhom qerda u mewt.  Donnu jidher li l-qalb tal-bniedem m’għadhiex tgħożż il-memorja u xi kultant tintilef u terġa’ ddur lejn it-toroq traġiċi tal-gwerra.  Biex dil-marda perikoluża titfejjaq, marda li lin-nazzjonijiet tmarradhom gravement, tkattar il-kunflitti bir-riskju li titfaħhom f’avventura li l-prezz uman tagħha ma jitkejjilx, u tmur lura mill-ġdid għal straġi inutli, hemm bżonn nerfgħu għajnejna ‘l fuq, hemm bżonn li l-ħajja ta’ kuljum tal-popli u tal-gvernijiet tagħhom ikunu mnebbħin minn valuri spiritwali għolja u profondi.  Dawn għandhom ikunu l-valuri li ma jħallux ir-raġuni tilef għaqalha u irresponsabbilment terġa tagħmel l-istess żbalji tal-imgħoddi, li, biex tagħqad, saru aktar gravi minħabba l-qawwa teknika li jista’ jisfrutta l-bniedem tal-lum.  Il-Lussemburhu hu propju fiċ-ċentru tal-ħila li jseddaq il-ħbiberija u jevita dawn it-toroq.  Ngħid li din hi waħda mill-vokazzjonijiet tagħkom.

Bħala suċċessur tal-Appostlu Pietru, f’isem il-Knisja illi – kif kien jgħid Pawlu VI – hi esperta tal-umanità, jien intbagħatt hawnhekk ukoll biex nagħti xhieda li l-ilma tal-ħajja, din il-forza dejjem ġdida ta’ tiġdid personali u soċjali, hija l-Evanġelju.  L-Evanġelju inissel is-simpatija bejn in-nazzjonijiet kollha, bejn il-popli kollha: simpatija, inħossu l-istess, inbatu flimkien.  L-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, li hu biss jista’ jittrasforma fil-fond il-qalb tal-bniedem, jagħtih il-ħila li jaħdem għall-ġid anki fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli, jitfi l-mibegħda u jirrikonċilja l-partijiet li jkunu f’kunflitt.  Jalla kulħadd, kull raġel, kull mara, b’libertà sħiħa jagħraf l-Evanġelju ta’ Ġesù, li fil-persuna tiegħu irrikonċilja ‘l Alla u l-bniedem u għax jaf x’hemm fil-qalb tal-bniedem, jista’ jfejjaq il-feriti.  Pożittiv dejjem.

Altezza Rjali, Sinjuri,

il-Lussemburgu jista’ juri lil kulħadd liema huma l-vantaġġi tal-paċi vis-à-vis l-orruri tal-gwerra, tal-integrazzjoni u l-promozzjoni tal-migranti vis-à-vis is-segregazzjoni tagħhom – u dwar dan nirringrazzjakom ħafna: dak l-ispirtu ta’ akkoljenza tal-migranti u wkoll li ttuhom ċans jintegraw ruħhom fis-soċjetà tagħkom, dan jagħnikom -, il-benefiċċji tal-koperazzjoni bejn in-nazzjonijiet vis-à-vis l-konsegwenzi xellerati tal-ebusija fil-pożizzjonijiet u l-kilba egostika u mijopika jew saħansitra vjolenti  biex jitħarsu biss l-interessi personali.  U ppermettuli ngħid ħaġa oħra.  Rajt il-perċentwali tat-twelid: jekk jogħobkom, aktar tfal, aktar tfal!  Huma l-futur.  Ma ngħidx aktar tfal u anqas klieb – dan ngħidu fl-Italja -, imma aktar tfal.

Infatti, hemm bżonn urġenti li kull min għandu xi awtorità jimpenja ruħu bil-perseveranza u bil-paċenzja f’negozjati onesti biex tinstab soluzzjoni għat-tilwim, b’qalb disposta biex issib kompomessi onorevoli, li minflok jippreġudikaw, iservu biex jibnu s-sigurtà u l-paċi għal kulħadd.

Pour servir”, “Biex inservu”: ġejt fostkom b’dan il-motto.  Dan jirreferi direttament u fuq kollox għall-missjoni tal-Knisja, li Kristu, il-Mulej li sar qaddej, bagħat fid-dinja kif il-Missier kien bagħat lilu.  Imma ppermettuli nfakkarkom li dan, is-servizz, għal kull wieħed u waħda minnkom hżżżżżżżżu t-titlu għoli ta’ nobbiltà.  Għalikom is-servizz huwa wkoll il-kompitu prinċipali, l-istil li tgħixu bih kuljum.  Il-Mulej Alla, kollu tjubija, jtikom li dan tagħmluh b’qalb hienja u ġeneruża.  U dawk li m’għandhomx fidi jaraw  li jaħdmu għall-ħuthom, jaħdmu għall-patrija, jaħdmu għas-soċjetà.  Din hi triq għal kulħadd, dejjem għall-ġid komuni!

Maria Mutter Jesu, Consolatrix afflictorum, Patrona Civitatis et Patriae Luxemburgensis tħares il-Lussemburgu u d-dinja u mingħand Binha Ġesù ġġib il-paċi u kull ġid.

Alla jbierek il-Lussembrugu!  Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber