ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA FRANĠISKU

DWAR L-EWROPA

LILL-EMINENZA TIEGĦU L-KARDINAL PIETRO PAROLIN,

SEGRETARJU TAL-ISTAT

22 ta' Ottubru, 2020

 

Din hija ittra li l-Qdusija Tiegħu bagħat lill-Eminentissmu Segretarju tal-Istat fl-okkażjoni tal-40 anniversarju tal-Kummissjoni tal-Episkopati tal-Unjoni Ewropea (COMECE), fil-50 anniversarju tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn is-Santa Sede u l-Unjoni Ewropea u l-50 anniversarju tal-preżenza tas-Santa Sede bħala Osservatur Permanenti fil-Kunsill tal-Ewropa.

B'rabta ma' dawn l-anniversarji kien hemm il-pjan li bejn it-28 u 30 ta' Ottubru l-Kardinal Parolin iżur Brussell, żjara li kellha titħassar minħabba li l-emerġenza sanitarja ħżienet.  Hemm il-ħsieb li l-laqgħat mal-Awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea u mal-membri tal-COMECE jistgħu jsiru b'kollegament bil-vidjow.

 

Eminenza Reverendissima,

matul din is-sena, is-Santa Sede u l-Knisja fl-Ewropa qed jiċċelebraw xi anniversarji importanti.  Infatti, ħamsin sena ilu daħlet fis-seħħ il-kollaborazzjoni bejn is-Santa Sede u l-Istituzzjonijiet Ewropej li nibtu wara t-tieni gwerra dinjija, permezz tat-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi ma' dik li kienet il-Komunità Ewropea u bil-preżenza tas-Santa Sede bħala Osservatur fil-Kunsill tal-Ewropa.  Fl-1980, imbagħad, ingħatat il-ħajja l-Kummissjoni tal-Episkopati tal-Komunità Ewropea (COMECE), li hi magħmula minn delegat tal-Konferenzi Episkopali tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea bl-għan li tiffavorixxi "kollaborazzjoni aktar sfiqa bejn l-imsemmija Episkopati, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet pastorali marbutin mal-iżvilupp tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Unjoni " (1).  Din is-sena kien iċċelebrat ukoll is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Schuman, avveniment ta' importanza kapitali li nebbaħ il-mixja twila tal-integrazzjoni tal-kontinent, u wassal biex tkun megħluba l-ostilità li ġabu magħhom iż-żewġ gwerer dinjija.

Fid-dawl ta' dawn l-avvenimenti, inti għandek ipprogrammat li f'qasir żmien tagħmel żjarat ta' tifsir kbir lill-Awtortitajiet tal-Unjoni Ewropea, lill-Assemblea Plenarja tal-COMECE u lill-Awtoritajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, li fid-dawl tagħhom inħossni fid-dmir li naqsam miegħek xi riflessjonijiet dwar il-ġejjieni ta' dal-kontinent, li hu partikolarment għal qalbi, mhux biss minħabba l-oriġini tal-famlija tiegħi imma wkoll minħabba l-irwol ċentrali li dan għandu u li jien insostni li għad għandu jkollu, minkejja li b'enfasi differenti, fl-istorja tal-umanità.

Dar-rwol isir aktar rilevanti fil-kuntest tal-pandemija li għaddejjin minnha bħalissa.  Infatti, il-proġett ewropew twieled mir-rieda li l-firdiet tal-imgħoddi jintemmu.  Twieled mill-għarfien li flimkien u magħqudin inkunu aktar b'saħħitna u li "l-għaqda tisboq il-kunflitt" (2) u li s-solidarjetà tista' tkun "stil tal-bini tal-istorja, ambitu vitali fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-kuntrarju jistgħu jsiru għaqda ta' għamliet differenti li jiġġeneraw ħajja ġdida" (3).  Fi żmienna fejn "qed jidhru sinjali li qed nerġgħu mmorru lura" (4) li fih dejjem aktar qed issaltan l-idea li kulħadd għal-rasu, il-pandemija hija punt ta' tibdil fil-kors tal-ġrajjiet li jġiegħel li ssir għażla: jew se nibqgħu mixjin fit-triq li nbdiet tul dawn l-aħħar għaxar snin, imqanqla mit-tentazzjoni tal-awtonomija, li qed tressaq lejn nuqqas ta' ftehim, kontrapożizzjonijiet u kunflitti; inkella nerġgħu nsibu mill-ġdid "it-triq tal-fraternità" li bla dubju ta' xejn kienet l-ispirazzjoni u t-tqanqil li ħeġġeġ il-Missirijiet fundaturi tal-Ewropa moderna, ibda propju minn Robrt Schuman.

Dawn l-aħħar xhur il-pandemija berrħet dan kollu kif juru r-rapporti mill-Ewropa: it-tentazzjoni li naqdfu għal rasna bit-tfittxija ta' soluzzjonijiet unilaterali għal problema li tmur 'l hinn mill-konfini tal-Istati, imma wkoll, grazzi għall-ispirtu qawwi tal-medjazzjoni karatteristiku tal-Istituzzjonijiet ewropej, (uriet ukoll) ix-xewqa li titterraq bil-konvinzjoni "t-triq tal-fraternità" li hi wkoll "triq ta' solidarjetà, billi timplimenta l-kreattività u inizjattivi ġodda.

Madankollu, il-passi li ttieħdu għandhom bżonn jissaħħu biex ikun evitat li l-imbuttaturi 'l ġewwa jerġgħu jiġbru s-saħħa.  Għadhom jidwu attwali llum daqs qatt qabel il-kliem li San Ġwanni Pawlu II kien qal fl-Att Ewropeistiku f'Santiago di Compostela: Ewropa "erġa'sib lilek innifsek, kun dak li int" (5).  Fi żmien ta' tibdil mgħaġġel hemm ir-riskju li l-identità propja tintilef speċjalment meta jiġu nieqsa l-valuri maqbula li fuqhom titwaqqaf is-soċjetà.

Nixtieq ngħid lill-Ewropa: int, li tul is-sekli kont forġa ta' ideali u issa donnok qed titlef l-entużjażmu, ieqaf tħares lejn l-imgħoddi tiegħek qiesu xi album ta' tifkiriet.  Biż-żmien anki t-tifkiriet l-aktar sbieħ jidbielu u jispiċċaw minsijin.  Xi ħin jew ieħor nindunaw li l-profil ta' wiċċna jiċċajpar, insibu li għejejna u nħossuna għajjenin biex ngħixu l-preżent u għandna fiduċja dgħajfa fil-ħarsa tagħna lejn il-ġejjieni.  Mingħajr entużjażmu ideali nindunaw bil-fraġilità tagħna u kemm hemm firda bejnietna u aktar inkunu moħħna biex nilmentaw u nħallu lil min jilmeta jiġbidna lejh filwaqt li l-firda ssir stil ta' ħajja personali, soċjali u politika.

Ewropa, sib lilek innifsek mill-ġdid!  Sib mill-ġdid l-ideali tiegħek li għandhom għeruq profondi.  Kun dak li int!  Tibżax mill-istorja millenarja li hi tieqa fuq il-ġejjieni aktar milli fuq l-imgħaoddi.  Tibżax mill-ħtieġa li għandek għall-verità li mill-Greċja l-antika ħaddnet id-dinja, u ħarġet għad-dawl il-mistoqsijiet l-aktar profondi ta' kull essri uman; mill-ħtieġa li għandek għall-ġustizzja li żviluppat mid-dritt ruman u maż-żmien saret rispett lejn kull bniedem u d-drittijiet tiegħu; mill-ħtieġa li għandek għall-eternità, mogħnija mil-laqgħa mat-tradizzjoni ġudeo-kristjana, li trrifletti ruħha fil-patrimonju tiegħek ta' fidi, arti u kultura.

Illum, filwaqt li fl-Ewropa bosta qed jagħmlu mistoqsijiet neqsin mill-fiduċja dwar il-ġejjieni, ħafna oħrajn iħarsu lejha bit-tama, konvinti li għad għandha aktar x'toffri lid-dinja u lill-umanità.  Hi l-istess fiduċja li nebbħet lil Robert Schuman, li għaraf "li l-kontribut ta' Ewropa organiżżata u vitali tista' tiġġenera ċ-ċiviltà u hija indispensabbli biex jinżammu r-relazzjonijiet paċifiċi" (6).  Hija l-istess fiduċja li jista' jkollna aħna wkoll, ibda mill-valuri maqbula u mħawlin fl-istorja u fil-kultura ta' din l-art.

Allura liema Ewropa qed noħolmu għall-ġejjieni?  Fiex jikkonsisti l-kontribut oriġinali?  Fid-dinja tal-lum, mhux il-każ li nirkupraw eġemonija politika jew "ċentralità ġjografika", lanqas li noħolqu soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi ekonomiċi u soċjali.  L-oriġinalità tal-Ewropa, qabel kollox, tinsab fil-kunċett li għandha tal-bniedem u tar-realtà; fil-ħila tagħha li tieħu l-inizjattiva u fis-solidarjetà li tħaddem.

Allura noħlom b'Ewropa ħabiba tal-persuna u tal-persuni.  Art li fiha d-dinjità ta' kull wieħed u waħda tkun rispettata, li fiha l-persuna tkun valur fih innifsu u mhux oġġett ta' kalkolu ekonomiku jew biċċa merċa.  Art li tħares il-ħajja f'kull waqt tagħha, minn mindu titfaċċa inviżibbli fil-ġuf matern sat-tmiem naturali tagħha, għax ebda ħlejqa umana mhi sid il-ħajja tagħha personali jew ta' ħaddieħor.  Art li tiffavorixxi x-xogħol bħala mezz privileġġjat għall-iżvilupp personali u għall-bini tal-ġid komuni, bil-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol speċjalment għaż-żgħażagħ.  Li tkun ħabiba tal-persuna jfisser li tiffavorilha t-tagħlim u l-iżvilupp kulturali.  Ifisser li tħares lil min hu l-aktar fraġli u dgħajjef, speċjalment l-anzjani, il-morda li għandhom bżonn kura li tiswa ħafna, u lid-diżabbli.  Li tkun ħabiba tal-persuna jfisser li tħarsilha d-drittijiet tagħha, imma wkoll li tfakkarha fi dmirijietha.  Ifisser li tiftakar li kulħadd hu msejjaħ biex jagħti l-kontribut tiegħu lis-soċjetà għax ħadd mhu dinja għalih innifsu u ħadd ma jista' jesiġi r-rispett dment li ma jirrispettax lill-oħrajn; ma tistax tirċievi jekk fl-istess waqt ma tkunx lest ukoll li tagħti.

Noħlom b'Ewropa li tkun familja u komunità.  Imkien li jagħraf jivvaloriżża l-karatteristiċi ta' kull persuna jew poplu, bla ma tinsa li huma marbutin flimkien b'responsabbiltajiet komuni.  Tkun familja jfisser li tgħix f'għaqda u tgħożż id-differenzi ibda minn dik fundamentali bejn ir-raġel u l-mara.  F'das-sens l-Ewropa hi familja ta' popli vera u propja, differenti bejniethom iżda marbutin flimkien bl-istorja u destin komuni.  Dawn l-aħħar snin, u aktar u aktar il-pandemija, urew li ħadd ma jista' jaqdef għal rasu u li ċertu mod individwalistiku kif nifhmu l-ħajja u s-soċjetà iġib biss imrar u solitudni.  Kull bniedem hu mxennaq li jkun jifforma parti minn komunità, jiġifieri minn realtà akbar li (tittraxxendih) tmur aktar lil hinn minnu u li tagħti sens lill-indiviwalità tiegħu.  Ewropa mifruda, iffurmata minn realtajiet individwali u indipendenti, malajr issib ruħha bla ħila biex tiffaċċja l-isfidi tal-futur.  Iżda "Ewropa  komunità", solidali u fraterna,  jkollha ħila tgħożż id-differenzi u l-kontribut ta' kulħadd biex flimkien taffronta d-diffikultajiet li għandha quddiemha, ibda mill-pandemija, imma wkoll l-isfida ekoloġika li mhijiex biss il-ħarsien tar-riżorsi naturali u l-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih.  Hija għażla bejn mudell ta' ħajja li jiskarta l-bnedmin u l-ħwejjeġ u ieħor inklussiv li jivvaloriżża l-maħluq u l-kreaturi.

Noħlom b'Ewropa solidali u ġeneruża.  Post akkoljenti u ospitali li fih, il-karità - li hi l-virtù kristjana l-aktar għolja - tegħleb kull għamla ta' indifferenza u egoiżmu.  Is-solidarjetà hi espressjoni fundamentali ta' kull komunità u tesiġi li wieħed jieħu ħsieb l-ieħor.  Ċertament hemm bżonn ta' "solidarjetà inteliġenti" li ma tkunx biss għajnuna kull meta jinqala' xi bżonn fundamentali.

Li tkun solidali jfisser li lil min hu dgħajjef tmexxih lejn tkabbir personali u soċjali b'mod li xi darba hu nnifsu jkun ta' għajnuna għall-oħrajn.  Jixbah lit-tabib tajjeb li xogħolu ma jieqafx meta jkun amministra l-mediċina, imma jibqa' jakkumpanja lill-pazjent sakemm dan ifiq għal kollox.

Li tkun solidali jfisser li ssir proxxmu.  Għall-Ewropa dan ifisser li tkun disponibbli, qrib u mimlija rieda biex twieżen lill-kontinenti l-oħra permezz tal-koperazzjoni internazzjonali, u qed naħseb speċjalment fl-Afrika, sabiex jitwittew il-kunfitti li għaddejjin bħalissa u jitnieda svilupp uman sostenibbli.

Is-solidarjetà titmantna mbagħad bil-gratwità u tiġġenera l-gratitudni.  U l-gratitudni twassalna biex lill-ieħor inħarsu lejh bl-imħabba, imma meta ninsew irroddu ħajr għall-benefiċċji li nkunu rċevejna, inkunu aktar disposti biex ningħalqu fina nfusna u ngħixu fil-biża' minn dak kollu li jkollna madwarna u li jkun differenti minna.

Naraw dan fil-ħafna biżgħat li jiżgħedu s-soċjetà tagħna daż-żmien, fosthom ma nistax ma nsemmix id-diffidenza fil-konfront tal-migranti.  Hi biss Ewropa li tkun "komunità solidali" li tista' tilqa' din l-isfida b'mod li jħalli l-frott, filwaqt li kull soluzzjoni parzjali diġà wriet kemm mhix effettiva.  Infatti hu evidenti li d-dmir tal-akkoljenza tal-migranti, ma jistax jillimita ruħu għal sempliċi operazzjoni ta' assistenza lil dawk li jaslu, li spiss ikunu qed jaħarbu mill-kunflitti, mill-karestiji jew mid-diżastri naturali, imma jeħtieġ li jtihom iċ-ċans li jintegraw biex b'hekk isiru "jafu, jirrispettaw u anki jassimilaw il-kultura u t-tradizzjonijiet tan-nazzjon li jkun qed jilqagħhom" (7).

Noħlom b'Ewropa lajkament b'saħħitha, li fiha Alla u Ċesari huma distinti minn xulxin imma mhumiex kontra xulxin.  Art miftuħa għat-traxxendenza, li fiha min jemmen ikun ħieles li jistqarr il-fidi tiegħu pubblikament u jkun jista' joffri l-opinjoni tiegħu lis-soċjetà.  Spiċċa ż-żmien tal-konfessjonaliżmi, imma -nittamaw - anki dak ta' ċertu lajċiżmu li jagħlaq il-bibien għall-oħrajn u speċjalment għal Alla (8),  għax hu ċar li kultura jew sistema politika li ma jirrispettawx il-ftuħ lejn it-traxxendenza, ma jkunux jirrispettaw kif jixraq il-persuna umana.

Illum l-insara għandhom responsabbiltà kbira: bħall-ħmira fl-għaġina, huma msejħin biex jerġgħu jqajjmu l-kuxjenza tal-Ewropa, biex janimaw proċessi li jiġġeneraw dinamiżmi ġodda fis-soċjetà  (9).  Għalhekk inħeġġiġhom biex jimpenjaw ruħhom bil-kuraġġ u d-determinazzjoni ħalli joffru l-kontribut tagħhom f'kull qasam li jgħixu u jaħdmu fih.

 

Sur Kardinal,

dal-ftit kliem fil-qosor jinbtu mill-attenzjoni li jiena għandi bħala Ragħaj u miċ-ċertezza li l-Ewropa għad għandha ħafna x'tagħti lid-dinja.  Għalhekk m'għandhom ebda pretensjoni oħra ħlief li jkunu ta' kontribut personali fir-riflessjoni dwar il-ġejjieni tagħha tant mixtieqa minn ħafna oqsma.  Inkunlek grat jekk int tista' taqsam dak li hawn miktub fit-taħdidiet li int se jkollok f'dawn il-ġranet mal-Awtoritajiet ewropej u mal-membri tal-COMECE illi jien inħeġġiġhom biex jikkollaboraw fi spirtu ta' komunjoni fraterna mal-Isqfijiet kollha tal-kontinent, imlaqqgħin flimkien fil-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali tal-Ewropa (CCEE).  Nitolbok twassal lil kulħadd it-tislima tiegħi u s-sinjal ta' qrubija tieegħi lejn il-popli li jirrappreżentaw.  Il-laqgħat li se jkollok żgur se jkunu okkażjoni propizja biex jissaħħu r-relazzjonijiet tas-Santa Sede mal-Unjoni Ewropea u mal-Kunsill tal-Ewropa, u biex jikkonfermaw il-Knisja fil-missjoni evanġeliżżatriċi tagħha u fis-servizz tagħha lejn il-ġid komuni.

Qatt ma tonqos imbagħad fuq l-Ewropa għażiża tagħna l-protezzjoni tal-qaddisin patruni tagħha: San Benedittu, il-Qaddisin Ċirillu u Metodju, Santa Briġida, Santa Katerina u Santa Benedetta tas-Salib (Edith Stein), irġiel u nisa li għall-imħabba tal-Mulej impenjaw ruħhom bla heda fl-iżvilupp uman, soċjali u kulturali tal-popli kollha tal-Ewropa.

Filwaqt li nirrikmandalek it-talb għalija u għal kull min se jkollok iċ-ċans li tiltaqa' miegħu matul il-vjaġġ tiegħek, jekk jogħġbok wassal lil kulħadd il-Barka tiegħi.

 

Mill-Vatikan, 22 ta' Ottubru, 2020

Tifkira ta' San Ġwanni Pawlu II

 

Franġisku

 

Miġjub għall-Malti mit-Tajna minn Joe Huber

 

[1] Statut tal-COMECE, art. 1.

[2] Ittra Enċiklika Il-Ferħ tal-Vanġelu, 24 ta' Novembru, 2013, n. 228.

[3] Ibid.

[4] Ittra Enċiklika Fratelli tutti, 3 ta' Ottubru, 2020, n. 11.

[5] Ġwanni Pawlu II, Att Ewropeistiku f'Santiago di Compostela 9 ta' Novembru, 1982, n. 4.

[6] Dikjarazzjoni Schuman, Pariġi, 9 ta' Mejju, 1950.

[7] Diskors lill-parteċipanti tal-Konferenza "(Re)Thinking Europe", 28 ta' Ottubru, 2017.

[8] Cfr. Intervista lill-gazzetta kattolika ta' kull ġimgħa tal-Belġju, "Tertio", 7 ta' Diċembru, 2016.

[9] Diskors lill-parteċipanti tal-Konferenza "(Re)Thinking Europe", cit.