DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU
LILL-KUMITAT TA’ ESPERTI

TAL-KUNSILL TAL-EWROPA (MONEYVAL)

Il-Ħamis, it-8 ta’ Ottubru 2020

Għeżież ħuti,

Nagħtikom il-merħba bikom fl-okkażjoni taż-żjara tagħkom, bħala esperti tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ħidma tagħkom biex tivvalutaw il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Nirringrazzja lill-President tal-Awtorità tal-Informazzjoni Finanzjarja għall-kliem ġentili tiegħu.

Ix-xogħol li intom tagħmlu b’rabta ma’ l-għan doppju tagħkom, huwa partikularment għal qalbi. Tabilħaqq huwa marbut mal-ħarsien tal-ħajja, marbut ukoll mal-fatt li l-bnedmin jixtiequ jgħixu fil-paċi bejniethom, u marbut ukoll ma’ finanzi li ma jgħakksux lill-iktar dgħajfa u lill-batuti: dan kollu hu magħqud ħaġa ma’ l-oħra bħal katina.

Bħalma ktibt fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, nemmen li hu meħtieġ li nerġgħu nikkunsidraw mill-ġdid x’inhi r-relazzjoni tagħna mal-flus (cfr n. 55). Fil-fatt, f’ċerti każijiet jidher li ġiet aċċettata l-predominanza tal-flus fuq il-bniedem. Kultant, biex jakkumulaw il-ġid, ma jagħtux kas minn fejn ikun ġej dan il-ġid, fl-attivitajiet li huma iktar jew inqas legali li minnhom ikunu ġejjin il-flus, jew ta’ possibiltà ta’ sfruttament li taf tkun il-bażi biex inkiseb dak il-ġid. B’hekk jiġri li xi drabi meta mmissu l-flus, inħammġu jdejna bid-demm, bid-demm ta’ ħutna. Jew inkella jista’ jiġri li xi riżorsi finanzjarji jintużaw biex jiżirgħu l-biża’, u dawn imorru għand min hu b’saħħtu u min għandu l-poter, għand min mingħajr ebda skruplu ta’ xejn ikun lest li jissagrifika l-ħajja ta’ l-aħwa biex isaħħaħ il-poter li għandu.

San Pawlu VI ppropona li bil-flus użati fl-armi u fi spejjeż oħra li għandhom x’jaqsmu mal-gwerer, jista’ jitwaqqaf Fond dinji biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn (Ittra Enċiklika Populorum progressio, 51). Jiena ħadt din il-proposta fl-Enċiklika Fratelli tutti, fejn tlabt li iktar milli ninvestu fil-biża’, fit-theddida nuklejari, kimika jew bijoloġika, dawn ir-riżorsi jintużaw biex jinqered darba għal dejjem il-ġuħ mid-dinja u biex jgħinu fl-iżvilupp tal-Pajjiżi l-iktar fqar, sabiex iċ-ċittadini tagħhom ma jirrikorrux għal soluzzjonijiet ta’ vjolenza jew soluzzjonijiet qarrieqa, u ma jkunux imġiegħla jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu ħajja aktar dinjituża.» (n. 262).

Il-Maġisteru soċjali tal-Knisja saħaq dwar l-iżball tad- “dogma” neo-liberali (cfr ibid., 168) li jgħid li l-ordni ekonomiku u l-ordni morali huma tant ʼil bogħod u differenti minn xulxin li dak tal-ewwel (l-ordni ekonomiku) bl-ebda mod ma jiddependi mit-tieni (l-ordni morali) (cfr Piju XI, Ittra Enċiklika Quadragesimo anno, 190). Meta taqra mill-ġdid dak li qal Piju XI fid-dawl taż-żmien tal-lum, tinduna li «il-qima tal-għoġol antik tad-deheb (cfr  32,1-35) issa sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura ta’ ekonomija bla wiċċ u bla mira tassew umana. » (Eżort. App. Evangelii gaudium, 55). Infatti, «l-ispekulazzjoni finanzjarja li għandha l-iskop tal-qligħ faċli tal-flus, qed tkompli tagħmel ħerba» (Ittra Enċiklika Fratelli tutti, 168).

Il-politika kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, huma strument biex wieħed jara kif inhuma ċ-ċaqlieq tal-flus, u jippermettu li tittieħed azzjoni fejn ikun hemm xi attività irregolari jew saħansitra kriminali.

Ġesù keċċa l-bejjiegħa mit-tempju (cfr Mt 21,12-13; Ġw 2,13-17) u għallem li «ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus fl-istess ħin» (Mt 6,24). Fil-fatt, meta l-ekonomija titlef il-wiċċ uman, mhux ninqdew bil-flus, imma naqdu lill-flus. U din hija forma ta’ idolatrija li aħna msejħin li għandna nieqfulha, billi nerġgħu nipproponu l-ordni razzjonali tal-affarijiet li twassal għall-ġid komuni,[1] jiġifieri li «l-flus qegħdin hemm biex jaqduna u mhux biex imexxuna!» (Eżort. App. Evangelii gaudium, 58; cfr Kostituzzjoni Pastorali  Gaudium et spes, 64; Ittra Enċiklika Laudato si’, 195).

Fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, il-Liġi tal-Vatikan dan l-aħħar ħadet miżuri dwar it-trasparenza fl-immaniġġjar tal-flus u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Fl- 1 ta’ Ġunju li għadda ġie promulgat Motu Proprio biex ir-riżorsi jintużaw aħjar ħalli nippromwovu it-trasparenza, il-kontroll u l-kompetizzjoni fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.  Imbagħad  fid-19 ta’ Awwissu li għadda, ordni mill-President tal-Governorat obbliga lill-Organizzazzjonijiet volontarji u entitajiet legali tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan biex jirrapportaw attivitajiet suspettużi lill-Awtorità Finanzjarja.

Għeżież ħbieb, inġedded magħkom il-gratitudni tiegħi għas-servizz li tagħtu. Jien narah hekk: bħala servizz, u nirringrazzjakom. Dak li intom qegħdin tissorveljaw, għandu l-għan li jipproteġi “finanzi nodfa”, fejn in-negozjanti ma jitħallewx jispekulaw f’dak it-tempju qaddis li hija l-umanità, u dan skont il-pjan ta’ mħabba tal-Ħallieq. Grazzi mill-ġdid, il-ħidma t-tajba u tinsewx titolbu għalija.



[1] Cfr S. Tumas ta’ Akwinu, Summa Theologiae, I-II, q. 90, a.

  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes