Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIL-KAPITLU ĠENERALI TAL-ORDNI

TAL-VERĠNI  MQADDSA MARIJA TAL-ĦNIENA (MERĊEDARJANI)

 

Sala tal-Konċistorju

Is-Sibt 7 ta’ Mejju 2022

 

Għeżież ħuti, hawn xi soru? Maskiliżmu pur, la Messikana.

 

Nirringrazzja lill-Patri Majjistru Ġenerali tal-kelmiet li għamilli f’isimkom ilkoll, u jiena kuntent li qed nilqagħkom hawn fl-okkażjoni tal-kapitlu ġenerali tal-Ordni tal-Verġni Mqaddsa Marija tal-Ħniena. It-tema tal-assemblea, bi qbil sħiħ mal-oriġni Marjana tal-vokazzjoni tiegħu, hija l-versett tal-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (2:5). Hija għażla sinifikattiva, għax tqis il-proġett li intom tixtiequ twettqu fl-ottika tal-qadi. Il-fatt hu li aħna r-reliġjużi ma nistgħu qatt ninsew li ma hemmx dixxipulat mingħajr qadi u mingħajr salib (ara Ġw 12:26).

 

B’dan il-mod, l-ewwel talba li l-Verġni qed tagħmlilkom illum, bħala membri tal-kapitlu ġenerali, hi li tisimgħu. Is-sitwazzjoni attwali tista’ tqabbilha ma’ dik li kien hemm fil-vanġelu tat-tieġ ta’ Kana: “Ma baqgħalhomx inbid”. Ħafna realtajiet li nistgħu naraw illum fid-dinja, fil-Knisja, fl-Ordni, ikellmuna fuq dan in-nuqqas, ikellmuna fuq in-nuqqas ta’ tama, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet. Quddiem dan, il-Verġni tisfidana: isimgħu! U tistgħu tistaqsuni, x’ħa nisimgħu? L-ilħna li jkellmuna fuq il-ħwejjeġ kollha negattivi? L-ilħna li jbigħulna soluzzjonijiet faċli, jew programmi artifiċjali mimlija kliem għoli, jew forsi l-ilħna li jipproponulna soluzzjonijiet ta’ kompromess? Dawn huma kollha tentazzjonijiet ta’ kapitlu ġenerali. Attenti, eħ!

 

Nemmen li llum Marija qed tgħidilkom ħaġa oħra, qed tgħidilkom biex ikun Ġesù li jisfida l-qalb tagħkom b’mod ġdid, b’mod oriġinali, b’mod mhux mistenni. Forsi anki l-qaddejja ta’ Kana nġabru f’kapitlu u ħasbu x’setgħu jagħmlu. Aktarx kien hemm ilħna li ppreżentaw il-problemi, oħrajn li offrew soluzzjonijiet fattibbli, imqar jekk riskjużi, jew forsi oħrajn li ssuġġerew li jibagħtu l-mistiedna d-dar b’mod onest, billi jagħrfu n-nuqqas ta’ ħila tagħhom li jaffrontaw is-sitwazzjoni, li kien qed jispiċċa l-inbid. U li tagħlaq festa ta’ tieġ bil-mate cocido żgur ma kinitx l-aħjar ħaġa, le? Forsi intom diġà għaddejtu minn dan, fil-mixja kollha li wasslitkom sa hawn b’mistoqsijiet, proġetti, konvinzjonijiet u interrogattivi.

 

Ġesù ma jweġibx għal dawn l-interrogattivi, jipproponi ħaġa li żgur ebda qaddej ma kienet għaddietlu minn moħħu, li jimlew il-ġarar tal-purifikazzjoni u iżjed u iżjed li jimlewhom bl-ilma. Qabel neżaminaw is-sens ta’ dan il-ġest, dak li għalija hu interessanti u nixtieq nipproponi għall-ħsieb tagħkom huwa l-fatt li Ġesù ma jgħidilhomx dak li kienu jistennew, imma xi ħaġa li qatt ma immaġinaw li se jisimgħu. Fil-kapitlu ma mmorrux biex noqogħdu aħna fid-dawl, immorru biex nisimgħu b’sempliċità, bi gratitudni, b’telqa sħiħa. Qabelxejn, nisimgħu lil Alla, li jkellimna permezz ta’ ħuna jew taċ-ċirkustanzi.

 

Min-naħa l-oħra l-ġarar għall-purifikazzjoni, li bla dubju kienu jservu għall-bidu tal-festa, jistednuna nerġgħu lura għall-ewwel imħabba, għall-għajn, u nirkupraw l-atteġġjament innoċenti u mimli tama tal-ewwel snin tagħna ta’ ħajja kkonsagrata. Jitolbuna wkoll li nżommu l-ħarsa ċara ta’ min jilmaħ il-bżonn u mhux il-frott li jittama li jista’ jikseb bl-isforz li jwettaq. Il-ġarar li jidhru vojta għandhom jerġgħu jimtlew bl-istess aspettattiva li biha mtlew qabel ma bdiet l-ikla. Jekk tħarsu sewwa, hija ħidma li jeħtieġ nagħmlu, imma li m’aħniex nagħmlu għax nemmnu li m’għadx għandha sens. U din hi tentazzjoni oħra kbira. Għandu sens dan kollu? Jagħmel sens li intom ġejtu minn tant imkejjen biex tinġabru flimkien? Jew hi biss formalità? Din hi t-tentazzjoni.

 

Il-Mulej dan qed jitlobna. “Erġgħu ibdew, ibdew ta’ kuljum, f’kull proġett, la tegħjewx, la taqtgħux qalbkom”.

 

Din hi ħaġa li Ġesù jtenni fil-Vanġelu tiegħu, meta jitlob minn Pietru li jerġa’ jixħet mill-ġdid ix-xbieki u hu jwieġbu: “Mgħallem, ma qbadna xejn” (Lq 5:5).

 

Ir-realtà li rriferejna għaliha qabel tista’ tidhrilna lejl twil, ix-xogħol tagħna jista’ jidher bħala taħbit bla sens, jew ma narawhx bħala tweġiba ġeneruża għas-sejħa ta’ Ġesù, u ningħaqdu mal-Knisja fl-opra tal-evanġelizzazzjoni, għax il-vokazzjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza, il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza, u naraw ħaġa interessanti, li minkejja kollox, il-kontradizzjonijiet u l-problemi kollha, ix-xibka ma titqattax (ara Ġw 21:3).

 

Ejjew niftħu qalbna biex nilqgħu s-sorpriża li Ġesù qed iwasslilna. Ma nafx liema ħa tkun u lanqas intom ma tafu. Matul il-kapitlu, tinsabu f’nofsu, matul il-kapitlu, allura se jwarrdu ħwejjeġ li xi wħud kienu qed jaħsbu, u oħrajn sa jkunu realtà ġdida, iġibhom il-Mulej.

 

Ġwanni jistqarr fil-Vanġelu tiegħu li din il-verità ma jagħrafhiex sid il-mejda, mistagħġeb li f’dak il-punt tal-festa nħareġ l-inbid il-ġdid, imma jistgħu jagħrfuha biss “il-qaddejja”. Għalhekk isimgħu lil Marija, tibżgħux tħallu jissorprendikom dan il-leħen li jistedinkom timlew mill-ġdid il-ġarar, tingħataw għall-qadi konkret, qadi sempliċi, fil-qadi li jidher bla siwi fil-pjanijiet ta’ sid il-mejda, imma hu fundamentali biex nagħrfu li l-opra mhix tagħna, imma ta’ Alla. U f’dan kollu nagħrfu “noqogħdu”, noqogħdu ma’ Marija, qrib Kristu f’riġlejn is-salib, fil-laħam sofferenti tal-fqir u tal-ħabsi li hu għamel tiegħu, tiegħu stess. U anki llum jeżistu l-ħabsin, bħal dejjem, jibdlu l-ġeografija, jibdlu l-modi, jibdlu l-lewn, imma l-jasar huwa realtà li qed isseħħ dejjem iżjed. Dejjem iżjed u b’aktar varjetà. Forsi, bla ma niżbaljaw, nistgħu ngħidu li hawn iżjed ilsiera issa milli fiż-żmien li fih ġejtu mwaqqfa, ċertament. U din għandha tkun sfida, bla dubju, għat-tweġiba tagħkom. Il-jasar il-ġdid, dak li qed jixtered, dak li ma nafux bih, dak moħbi, għax hemm ħafna. Anki fil-bliet il-kbar bħal Ruma, Londra, Pariġi, kullimkien, hemm jasar li għaddej. Fittxuh u itolbu lill-Mulej: x’ħa nagħmel?

 

U grazzi ta’ dak li tagħmlu, fittxu l-ilsiera tal-lum, u tinsewx titolbu għalija. Grazzi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard