Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-AZZJONI KATTOLIKA TALJANA

 

Sala Clementina

Il-Ġimgħa 30 ta’ April 2021

 

Għeżież ħuti,

 

Minn qalbi nsellmilkom, u nħossni kuntent li qed niltaqa’ magħkom fil-jiem tas-17-il Assemblea Nazzjonali tagħkom, waqt li nirringrazzja lill-President Nazzjonali u lill-Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali għall-kelmtejn ta’ introduzzjoni tagħhom. Nixtieq noffrilkom xi spunt jew tnejn biex nerġgħu lura u nirriflettu fuq il-missjoni ta’ realtà bħalma hi l-Azzjoni Kattolika Taljana, b’mod partikulari fi żmien bħal dan li qed ngħixu fih. Se nimxi mat-tliet kelmiet azzjoni, Kattolika u Taljana.

 

1. Azzjoni

Nistgħu nistaqsu lilna nfusna xi tfisser din il-kelma “azzjoni”, u fuq kollox ta’ min hi l-azzjoni. L-aħħar kapitlu tal-Vanġelu ta’ Mark, wara li jirrakkonta d-dehriet ta’ Ġesù lill-Appostli u l-istedina li hu jagħmlilhom biex imorru fid-dinja kollha u jxandru l-Vanġelu lil kull ħlejqa, jagħlaq b’din l-istqarrija: “Il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha” (16:20). Mela ta’ min hi l-azzjoni? Il-Vanġelu jiżgurana li l-azzjoni hi tal-Mulej: huwa hu li għandu l-esklussiva, u jimxi “mistur” fl-istorja li qed ngħixu.

 

Dan ma niftakruhx biex infarfru mir-responsabbiltà tagħna, imma biex nerġgħu lura għall-identità tagħna ta’ dixxipli-missjunarji. Fil-fatt ir-rakkont ta’ Mark dlonk iżid jgħid li d-dixxipli “marru” dritt biex “jipprietkaw kullimkien” (ibid.). Il-Mulej aġixxa u huma marru. Għad li niftakru li l-azzjoni hi tal-Mulej, ma rridu qatt nitilfu minn quddiem għajnejna li hu l-Ispirtu l-għajn tal-missjoni: il-preżenza tiegħu hi kawża – u mhux effett – tal-missjoni. Hekk nistgħu nżommu dejjem quddiem għajnejna li “l-ħila tagħna ġejja minn Alla” (2 Kor 3:5); li l-istorja hi mmexxija mill-imħabba tal-Mulej u aħna protagonisti miegħu fiha. Allura, anki l-programmi tagħkom għandhom ifittxu u jħabbru fl-istorja s-sinjali tat-tjieba tal-Mulej.

 

Il-pandemija ħassret tant proġetti, talbet minn kull wieħed u waħda minna li nħabbtu wiċċna ma’ dak li ma nafux. Meta nilqgħu dak li ma nafux, flok ninjorawh jew niċħduh, inkunu doċli għall-Ispirtu u, fuq kollox, fidili għall-ħajja tal-bnedmin ta’ żmienna.

 

L-evanġelista jisħaq li Ġesù kien “iwettaq il-kelma bil-mirakli”. Xi jfisser dan? Li dan li nagħmlu għandu bidu preċiż: li nagħtu widen għall-Vanġelu u nilqgħuh. Imma jfisser ukoll li jrid ikun hemm rabta qawwija bejn dak li nisimgħu u dak li ngħixu. Ngħixu l-Kelma u nxandru l-Kelma [marbuta] mal-ħajja. Għalhekk nistedinkom tagħmlu mezz li t-tiftixa għal sinteżi bejn Kelma u ħajja, li tagħmel mill-fidi esperjenza inkarnata, tkompli tikkaratterizza l-mixjiet ta’ formazzjoni tal-Azzjoni Kattolika.

 

U la qed nitkellmu fuq l-Ispirtu, li hu dak li jmexxina ’l quddiem, u fuq il-Mulej li aġixxa, li jseħibna, li jinsab magħna, irridu noqogħdu attenti ħafna li ma naqgħux fl-illużjoni tal-funzjonaliżmu. Il-programmi, l-organigrammi jiswew, imma bħala punt tat-tluq, bħala ispirazzjoni; dik li tmexxi ’l quddiem is-Saltna ta’ Alla hi d-doċilità għall-Ispirtu, huwa l-Ispirtu, id-doċilità tagħna u l-preżenza tal-Mulej. Il-libertà tal-Vanġelu. Xi swied ta’ qalb meta tara kif tant origanizzazzjonijiet waqgħu fin-nasba tal-organigrammi: kollox perfett, kollha istituzzjonijiet perfetti, il-flus kollha li hemm bżonn, kollox perfett… Imma għidli ftit: fejn qiegħda l-fidi f’dan kollu? Fejn hu l-Ispirtu? “Le, qed infittxuh flimkien, iva, skont l-organigramma li qed nibnu”. Ħarsu rwieħkom mill-funzjonaliżmu! Attenti li ma taqgħux fil-jasar tal-organigrammi, tal-ħwejjeġ “perfetti”… Il-Vanġelu hu diżordni għax l-Ispirtu, meta jasal, jagħmel ħerba tant li l-azzjoni tal-Appostli tidher azzjoni ta’ nies fis-sakra; hekk qalu: “Dawn fis-sakra!” (ara Atti 2:13). Id-doċilità għall-Ispirtu hi rivoluzzjonarja, għax rivoluzzjonarju hu Ġesù Kristu, għax rivoluzzjonarja hi l-Inkarnazzjoni, għax rivoluzzjonarju hu l-Qawmien. Anki l-mandat tagħkom irid ikollu din il-karatteristika rivoluzzjonarja.

 

Liema karatteristiċi għandu jkollha l-azzjoni, l-opra tal-Azzjoni Kattolika? Jien ngħid li l-ewwel u qabel kollox hemm il-gratwità. Il-ħeġġa missjunarja ma ssibhiex fil-loġika tal-ħakma imma f’dik tad-don. Il-gratwità, frott matur tal-għotja tagħna nfusna, jitlob minnkom li tiddedikaw ruħkom għall-komunitajiet lokali tagħkom, tassumu r-responsabbiltà tat-tħabbira; nitlobkom tagħtu widen għat-territorji tagħkom, tisimgħu x’għadhom bżonn, billi tinsġu relazzjonijiet fraterni. L-istorja tal-Assoċjazzjoni tagħkom hi magħmula minn tant “qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna” – ħafna! –, u hi storja li trid tkompli: il-qdusija hija wirt li tridu tħarsuh u vokazzjoni li għandkom tilqgħuha.

 

It-tieni karatteristika tal-azzjoni tagħkom li nixtieq nagħfas fuqha hi dik tal-umiltà, tal-qalb ħelwa. Il-Knisja hi grata lejn l-Assoċjazzjoni li minnha tagħmlu parti, għax il-preżenza tagħkom spiss ma tagħmilx storbju – ħallu lill-Ispirtu jagħmel l-istorbju, imma intom tagħmlux storbju –, imma hi preżenza fidila, ġeneruża, responsabbli. Umiltà u qalb ħelwa huma l-imfietaħ biex tgħixu l-qadi, mhux biex tokkupaw spazji imma biex tniedu proċessi. Jien kuntent li f’dawn is-snin intom ħadtu bis-serjetà t-triq li wrietkom l-Evangelii gaudium. Komplu mexjin f’din it-triq: fadal ħafna x’nimxu! Dan, fejn tidħol l-azzjoni.

 

2. Kattolika it-tieni kelma

Il-kelma “kattolika”, li tikkwalifika l-identità tagħkom, turi li l-missjoni tal-Knisja m’għandhiex konfini. Ġesù sejjaħ lid-dixxipli għal esperjenza li fiha huma jaqsmu b’mod qawwi ħajjithom miegħu, imma hu laħaqhom hemm fejn kienu jgħixu u jaħdmu. U sejħilhom hekk kif kienu. Lilkom ukoll talabkom tagħrfu dejjem iżjed illi, li tkunu “ma’ kulħadd u għal kulħadd” (ara Evangelii gaudium, 273) ma jfissirx “tbattlu” l-missjoni, tnaqqsulha mill-qawwa tagħha, imma li żżommuha marbuta tajjeb mal-ħajja konkreta, man-nies li magħhom tgħixu.

 

Il-kelma “kattolika” allura nistgħu nittraduċuha bl-espressjoni “tersaq qrib”, għax hi universali, “tersaq qrib”, imma qrib ta’ kulħadd. Iż-żmien tal-pandemija, li talab u għadu jitlob minna li naċċettaw ċerti modi ta’ distanza bejnietna, wera b’mod iżjed ċar il-valur tal-qrubija fraterna: bejn il-persuni, bejn il-ġenerazzjonijiet, bejn it-territorji. Li nkunu assoċjazzjoni huwa sewwasew mod kif nesprimu din ix-xewqa li ngħixu u nemmnu flimkien. Permezz tal-fatt li intom assoċjazzjoni, illum qed tagħtu xhieda li d-distanza ma tista’ qatt issir indifferenza, ma tista’ qatt tfisser li nqisu lil xi ħadd barrani. Hemm id-distanza ħażina, dik li nħarsu n-naħa l-oħra, l-indifferenza, il-bruda: jien għandi dak li hu tiegħi, ma għandix bżonn ta’…, nibqa’ miexi jien.

 

Tistgħu tagħmlu ħafna f’dan il-qasam, proprju għaliex intom assoċjazzjoni ta’ lajċi. Il-periklu jkun il-klerikalizzazzjoni tal-Azzjoni Kattolika, imma fuq dan nitkellmu darb’oħra, għax inkella ntawlu żżejjed… Hija tentazzjoni ta’ dejjem. Għadha mifruxa t-tentazzjoni li naħsbu li l-promozzjoni tal-lajkat – quddiem tant ħtiġijiet li għandha l-Knisja – trid tgħaddi minn involviment ikbar tal-lajċi fl-“affarijiet tal-qassisin”, mill-klerikalizzazzjoni. Bir-riskju li nispiċċaw biex nikklerikalizzaw lil-lajċi. Imma intom, biex ikollkom valur, m’għandkomx bżonn issiru xi ħaġa differenti minn dak li diġà intom bil-Magħmudija. Il-lajċità tagħkom hija għana għall-kattoliċità tal-Knisja, li trid tkun ħmira, “melħ tal-art u dawl tad-dinja”.

 

B’mod partikulari, intom il-lajċi tal-Azzjoni Kattolika tistgħu tgħinu lill-Knisja kollha u lis-soċjetà jaħsbu mill-ġdid flimkien liema għamla ta’ umanità rridu nkunu, liema art nixtiequ ngħixu fiha, liema dinja nixtiequ nibnu. Intom ukoll imsejħin tagħtu kontribut oriġinali lit-twettiq ta’ “ekoloġija integrali” ġdida: bil-kompetenzi tagħkom, il-passjoni tagħkom, ir-responsabbiltà tagħkom.

 

It-tbatija kbira umana u soċjali li ġabet il-pandemija qed tirriskja li ssir katastrofi edukattiva u emerġenza ekonomika. Ejjew nikkultivaw atteġġjament għaref, kif għamel Ġesù, li “tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza” (Lhud 5:8). Irridu nistaqsu aħna wkoll lilna nfusna: x’nistgħu nitgħallmu minn dan iż-żmien u minn din it-tbatija? “Tgħallem l-ubbidjenza”, tgħid l-Ittra lil-Lhud, jew aħjar, tgħallem għamla għolja u esiġenti ta’ smigħ, li kapaċi tasal għall-azzjoni. Li nagħtu widen għal dan iż-żmien huwa taħriġ ta’ fedeltà li ma nistgħux naħarbu minnu. Nafdalkom fuq kollox li min ġie milqut mill-pandemija u min qed jirriskja li jħallas l-ogħla prezz tagħha: it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, dawk li daqu d-dgħufija u s-solitudni.

 

U ma ninsewx li l-esperjenza tagħkom bħala assoċjazzjoni hi “kattolika” għax tinvolvi flimkien tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani, studenti, ħaddiema: esperjenza ta’ poplu. Il-kattoliċità hi sewwasew l-esperjenza tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla: la titilfu qatt il-karattru popolari! F’dan is-sens, li tkunu poplu ta’ Alla.

 

3. It-tielet kelma: Taljana

It-tielet kelma hi “Taljana”. L-Assoċjazzjoni tagħkom minn dejjem kienet imdaħħla fl-istorja Taljana u tgħin lill-Knisja fl-Italja ġġib it-tama għall-pajjiż kollu. Intom tistgħu tgħinu lill-komunità ekkleżjali biex tkun ħmira li ttella’ l-għaġna tad-djalogu fis-soċjetà, fl-istil li indikajt fil-Konvenju ta’ Firenze. U l-Knisja Taljana se terġa’ taqbad, f’din l-Assemblea [tal-Isqfijiet] ta’ Mejju, il-Konvenju ta’ Firenze, biex tegħleb it-tentazzjoni li tarkivjah, u dan se tagħmlu fid-dawl tal-mixja sinodali li se tibda l-Knisja Taljana, li ma nafux kif se tispiċċa u ma nafux x’ħa joħroġ minnha. Il-mixja sinodali, li tibda minn kull komunità Nisranija, minn isfel, minn isfel, minn isfel għal fuq. U d-dawl, minn isfel għal fuq, se jkun il-Konvenju ta’ Firenze.

 

Knisja tad-djalogu hija Knisja sinodali, li flimkien tagħti widen għall-Ispirtu u għal dak il-leħen ta’ Alla li jasal għandna permezz tal-karba tal-foqra u tal-art. Ġeneralment, anki l-midinbin huma l-foqra tal-art. Fil-fatt, dak sinodali mhux daqstant pjan li nipprogrammaw u nwettqu, imma qabelxejn stil li rridu ninkarnaw. U rridu nkunu preċiżi, meta nitkellmu fuq sinodalità, fuq mixja sinodali, fuq esperjenza sinodali. Dan mhuwiex parlament, is-sinodalità ma tfissirx inlaqqgħu parlament. Is-sinodalità mhijiex biss li niddiskutu l-problemi, il-ħafna affarijiet li hawn fis-soċjetà… Hi iktar. Is-sinodalità mhijiex li nsibu maġġoranza, ftehim fuq soluzzjonijiet pastorali li rridu nsibu. Dan waħdu mhuwiex sinodalità; ikun “parlament Kattoliku” sabiħ, kollox sew, imma mhux sinodalità. Għax jonqos l-Ispirtu. Dik li d-diskussjoni, il-“parlament”, it-tiftix tal-affarijiet tagħmilhom sinodalità hija l-preżenza tal-Ispirtu: it-talb, is-silenzju, id-dixxerniment ta’ dak kollu li naqsmu flimkien. Ma jistax ikun hemm sinodalità mingħajr l-Ispirtu, u ma hemmx Spirtu mingħajr talb. Dan importanti ħafna.

 

F’dan is-sens, l-Assoċjazzjoni tagħkom hi post ta’ taħriġ ta’ sinodalità, u din l-attitudni tagħkom kienet u tista’ tkompli tkun riżorsa importanti għall-Knisja Taljana, li qed tistaqsi lilha nfisha fuq kif timmatura dan l-istil fuq il-livelli kollha tagħha. Djalogu, diskussjoni, tiftix, imma flimkien mal-Ispirtu s-Santu.

 

Is-sehem l-aktar prezzjuż tagħkom jista’ jasal, mill-ġdid, mil-lajċità tagħkom, li hi antidotu kontra l-awtoreferenzjalità. Kurjuża din: meta ma ngħixux il-lajċità vera fil-Knisja, naqgħu fl-awtoreferenzjalità. Li nagħmlu sinodu ma jfissirx inħarsu fil-mera, lanqas inħarsu lejn id-djoċesi jew il-Konferenza episkopali, le, mhuwiex hekk. Ifisser li nimxu flimkien wara l-Mulej u lejn in-nies, bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu. Lajċità hija wkoll antidotu kontra l-astrattezza: mixja sinodali għandha twassalna biex nagħmlu ċerti għażliet. U dawn l-għażliet, biex ikunu prattiċi, iridu jibdew mir-realtà, mhux mit-tliet jew erba’ ideat li huma moda jew li ħarġu mid-diskussjoni. Mhux biex inħalluha hekk kif sibnieha, ir-realtà, le, evidentement, imma biex nippruvaw ninfluwenzawha, biex ngħinuha tikber fil-linja tal-Ispirtu s-Santu, biex nibdluha skont il-proġett tas-Saltna ta’ Alla.

 

Ħuti, nawgura ħidma tajba lill-Assemblea tagħkom. Jalla tagħti kontribut biex nikbru fl-għarfien li, fil-Knisja, leħen il-lajċi ma għandux ikunu mismugħ “biex nagħmlulhom pjaċir”, le. Xi drabi leħen il-qassisin, jew l-isqfijiet, għandu jiġi mismugħ, u f’xi mumenti “biex nagħmlulhom pjaċir”; le, dejjem għandu jkun “bi dritt”. Imma anki dak tal-lajċi hu “bi dritt”, mhux “biex nagħmlulhom pjaċir”. It-tnejn li huma. Għandu jiġi mismugħ b’konvinzjoni, bi dritt, għax il-poplu kollu ta’ Alla hu “infallibbli in credendo”. U nbierek minn qalbi l-assoċjazzjonijiet territorjali kollha tagħkom. U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija, għax din il-ħidma xejn mhi faċli! Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard