"INSEWWU
T-TIĊRITA: LIL HINN MID-DIŻUGWALJANZI"
ASSEMBLEA DJOĊESANA MAL-PAPA FRANĠISKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU
San Giovanni in
Laterano
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Ottubru, 2024
Għeżież ħuti,
irroddilkom ħajr li tinsabu hawn flimkien f’dal-mument importanti għad Djoċesi ta’ Ruma. Insellem lill-Awtoritajiet preżenti u lilkom ilkoll li tinsabu hawn bħala rappreżentanti tal-Komunitajiet parrokkjali tagħkom u r-realtajiet fejn intom isservu. U rrodd ħajr ukoll lil dawk kollha li ħadmu biex jerġgħu jġibu lura fil-memorja tagħna lkoll il-Konvenju li sar 50 sena ilu u li fl-istorja baqa’ magħruf bħala “l-Konvenju dwar il-Mard ta’ Ruma”. Kienet ġrajja li ħalliet marka fil-mixja ekkleżjali u soċjali tal-Belt Eterna, u f’dik l-okkażjoni l-Knisja ta’ Ruma fetħet widnejha għall-bosta sofferenzi li kienu jġerrgħuha, u għamlet stedina biex kulħadd jirrifletti fuq ir-reponsabbiltà tal-insara quddiem il-mard tal-Knisja, il-mard tal-Belt,u tidħol fi djalogu magħha biex theżżeż il-kuxjenza ċivili, politika u kristajna ta’ bosta.
Segwejt diversi fażijiet tal-ħidma li saret tul dis-sena u smajt b’interess is-sintesi u t-testimonjanzi, li sfortunatament, mill-ġdid iqegħdulna quddiemna realtà ta’ swied il-qalb; illum ukoll għad hawn diżugwaljanzi u faqar li jolqot lil tant abitanti tal-belt. Jekk min-naħa dan inikkitna, mill-oħra jgħinna nifhmu kemm hi twila t-triq li għad fadlilna nimxu. Meta nafu li għad hawn persuni li jgħixu fit-triq, żgħażagħ li ma jistgħux isibu xogħol jew ikollhom dar, morda u anzjani neqsim mill-kura, żgħażagħ mgħaddsin fid-dipendenza mid-droga u bosta dipendenzi “moderni” oħra, persuni milqutin minn mard mentali li jgħixu fi stat ta’ abbandun u disperazzjoni. U din ma tistax ikun sempliċi statistika: huma wċuħ, huma stejjer ta’ ħutna li jmissuna u jinterpellawna: x’nistgħu nagħmlu aħna? Fl-istorja mġerrħa ta’ dawn il-persuni naraw il-wiċċ ta’ Kristu sofferenti? Għandna ħila narawh fihom? Konxji mill-problema biex nitgħabbew biha? X’nistgħu nagħmlu aħna flimkien?
Minn dawn il-mistoqsijiet flimkien mal-Kelma li smajna, nixtieq nirrifletti magħkom dwar tliet aspetti: inwasslu l-Bxara t-tajba lill-foqra, insewwu t-tiċrita, niżirgħu t-tama.
Ibda biex, inwasslu l-Baxra t-Tajba lill-foqra. Il-foqra dejjem se nsibuhom magħna. Il-foqra huma l-laħam ta’ Kristu u, qieshom sagrament, jagħmluh viżibbli għal għajnejna. Meta jiena nqarar, jekk ikun hemm l-opportunità, insaqsi lill-penitent: “Għidli, inti tagħti elemożina? – “Iva, father” – “u, għidli, meta tagħti l-elemożina, tħares f’għajnejn il-fqir li tkun qed tgħin? Tmisslu jdejh/idejha?” U jwieġbu: “Le”. Jitilqu l-biċċa flus u jibqgħu għaddejjin. M’għandhomx kont tal-kura u s-sofferenza umana tal-fqir. Ġesù ma joffrilniex soluzzjoni maġika biex insolvu l-faqar imma jitlobna nwasslulhom “il-Bxara t-Tajba” Hi l-aħbar tajba li għandna nħabbru lill-foqra u qabel kollox ngħidulhom li l-Mulej iħobbhom u li f’għajnejn Alla huma prezzjużi, li d-dinjità tagħhom, spiss imkasbra mid-dinja, hi sagra quddiem Alla. Imma bosta drabi, aħna l-insara ngħidu dal-kliem imma ma nagħmlux il-ġesti li bihom kliemna jsir kredibbli. Jekk jogħġobkom, il-fqir ma jistax isir numru, ma jistax isir problema jew, agħar minn hekk, skart. Hu ħuna, oħtna, laħam minn laħamna. Jien kuntent li f’din id-Djoċesi, ħafna persuni jagħtu ħinhom kuljum lill-foqra: niftakar fil-volontarji, fl-operaturi tal-Caritas, u fir-relatajiet l-oħra u l-assoċjazzjonijiet li hawn preżenti fit-territorju, fil-bosta ċittadini li fis-satra jaħdmu għall-ġid tal-oħrajn; però, fl-istess ħin, il-problema tal-faqar għandna nqisuha bħala waħda ta’ urġenza ekkleżjali, li ssir impenn u responsabbiltà ta’ kulħadd u dejjem. Il-Knisja hi msejħa biex l-istil tagħha jiegħed fiċ-ċentru lil min hi mmarkat mid-diversi għamliet ta’ faqar – hemm ħafna minnhom!-, il-foqra neqsin mill-ikel u mit-tama, dawk bil-ġuħ għall-ġustizzja, min hu bil-għatx għall-ġejjieni, min hu fil-bżonn ta’ rabtiet veri biex jaffronta l-ħajja. Ejjew inkunu preżenti mal-foqra u nsiru għalihom sinjal tat-tenerezza ta’ Alla! Alla hu preżenti bi tliet atteġġjamenti: il-qrubija, il-ħniena u l-ħlewwa. U n-nisrani li ma jersaqx qrib, li ma jħennx u li mhux ħlejju, mhu nisrani xejn. Qrubija, ħniena u ħlewwa. Hekk, inkunu qed nimitaw lil Alla.
It-tieni ħaġa, insewwu t-tiċrita. Hi tixbiha lil nislet mit-titlu li ngħata lil-laqgħa ta’ din is-serata. Minnu li xi ħaġa ċċartet! In-nisġa soċjali sħiħa, minħabba d-diżugwaljanzi, kuljum iġġarrab tiċrit li jweġġa’. Kif nistgħu naċċettaw li f’beltna qnatar ta’ ikel jintremew meta fl-istess ħin hawn familji li m’għandhomx x’jieklu? Il-foqra jmorru jfittxu l-ikel li jarmu r-ristoranti ta’ kull filgħaxija. Kif nistgħu naċċettaw li hawn eluf ta’ spazji vojta waqt li eluf ta’ persuni jorqdu fuq il-bankini? Li xi wħud għonja jkollhom il-kura kollha meħtieġa u min hu fqir, meta jimrad ma jirnexxilux jikkura ruħu bid-dinjità? Belt li tibqa’ tħares ċass lejn dawn il-kuntradizzjonijiet b’indifferenza, hi belt imċarrta, l-istess kif hu l-istat li tinsab fih il-pjaneta tagħna kollha. Allura jeħtieġ insewwu dit-tiċrita b’impenn biex inwaqqfu alleanzi li jqegħdu fiċ-ċentru lill-persuna, id-dinjità tagħha. Biex dan jitwettaq hemm bżonn naħdmu flimkien, narmonizzaw id-differenzi, u kulħadd jaqsam mal-oħrajn id-don u l-missjoni li diġà rċieva. U dan ifisser ukoll tisdiq tad-djalogu: id-djalogu mal-istituzzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet, id-djalogu mal-iskola u l-familja, id-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, id-djalogu ma’ kulħadd, anki ma’ min jaħsibha differenti minna. Biex insewwu dit-tiċrita hemm bżonn il-paċenzja tad-djalogu mingħajr preġudizzji, billi nikkonfrontaw lil xulxin bil-passjoni fuq l-ideat, il-proġetti u l-proposti utli biex iġeddu n-nisġa tal-belt. Flimkien nistgħu nirriskjaw li naqbdu toroq ġodda, negħlbu l-virus tal-indifferenza, li jniġġisna lkoll qiesu li aħna m’għandniex x’naqsmu ma’ dak li qed jiġr fl-irkejjen ta’ beltna u fil-pjaneta kollha. “Mhix biċċa tiegħi”.
Biex insewwu, qabel kollox, hemm bżonn ninqatgħu mill-indifferenza u ninvolvu ruħna personalment! Ikun sabiħ kieku mil-laqgħa tal-lejla noħorġu b’xi impenn konkret, li jista’ jkun verifikat fid-dawl ta’ sforz komuni mmirat lejn azzjonijiet bil-ħila li jgħinuna negħlbu d-diżugwaljanzi. Imma sadattant nixtieq nistedinkom: agħtu aktar valur, fil-pastorali ordinarja u fil-katekeżi, lil-ħsieb soċjali tal-Knisja. Importanti, importanti infatti li l-kuxjenzi jkunu ffurmati mid-duttrina soċjali tal-Knisja, sabiex l-Evanġelju jissarraf fid-diversi sitwazzjonijiet tal-lum u jagħmel minna xhieda tal-ġustizzja, tal-paċi, tal-fraternità, u nissieġa ta’ xibka soċjali ġdida u solidali fil-belt, biex insewwu t-tiċrit li qed iġerraħha.
Fl-aħħar niżirgħu t-tama. Huwa impenn li għandna nieħdu fuqna anki bi tħejjija tal-Ġublew li issa qorob, u li ridt li jkun ittimbrat bit-tama nisranija. Fil-bolla ta’ indizzjoni tal-Ġublew, stedint lil kulħadd biex isib sinjali ta’ tama favur il-paċi, il-ħajja umana, il-morda, il-ħabsin, il-migranti, l-anzjani, il-foqra. Nagħmel appell qawwi lilkom ilkoll biex tniedu opri konkreti ta’ tama. L-għadd kbir ta’ problemi soċjali li ġew eżaminati llejla wkoll, jistgħu jaqtgħu l-qalb sal-punt li wieħed jgħid li “ma nistgħu nagħmlu xejn”. Iżda t-tama nisranija, hi dejjem ħawtiela għax animata miċ-ċertezza li huwa l-Mulej li jmexxi l-istorja u li fih nistgħu nibnu dak li umanament jidher impossibbli.
Ħuti, it-tama ma tqarraqx! Ma tqarraq qatt. Ejjew interrqu t-triq tat-tama. F’dil-belt ħadmu rġiel u nisa li quddiem il-problemi ma baqgħux b’idejhom marbutin u lanqas ma qagħdu biss ilabalbu jew jiktbu ħafna stejjer. Qed niftakar speċjalment f’tant saċerdoti, veru bnedmin tat-tama, bħal Luigi Di Liegri; niftakar ukoll f’tant lajċi li meddew idejhom bi tweġiba għall-ħtieġa li titħawwel iż-żerriegħa tat-tajjeb, li niedew proġetti bit-tama li xi ħadd ieħor jieħu ħsieb dik iż-żerriegħa ċkejkna sa ma tikber u ssir siġra kbira. Jekk, per eżempju, illum hemm spinta qawwija ħafna għall-volontarjat dan qed jiġri għax xi ħadd emmen u għamel l-ewwel passi żgħar. Dak il-ġid miss lil ħafna oħrajn sa ma sar stil maqbul. Illum jeħtieġ nibdew proċessi ġodda, proġetti ġodda ta’ tama: noħolmu bit-tama u nsaħħu t-tama bl-impenn tagħna li hu impenn responsabbili u solidali! Irriskjaw! Ilkoll kemm intom irriskjaw fil-karità, tibżgħux toħolmu kbir anki jekk dal-ħolm jibda b’impenji żgħar. Il-poeta Charles Peguy hekk jafferma, u a propożitu ta’ dan intemm nikkwota dak li kien jgħid dwar it-tama: “Il-fidi hi għarusa fidila. Il-karità hija omm, it-tama hi tifla li ma tiswa xejn. Madnakollu din hi t-tifla li għad tirfed id-dinja”. Ejjew nibqgħu mexjin bit-tama.
Għeżież ħuti, aħana wkoll nistgħu nirfdu d-dinjiet tal-faqar u nwasslu t-tama tal-Evanġelju! Grazzi għal dak kollu li tagħmlu fil-Knisja u fil-belt ta’ Ruma. Nitlob għalikom sabiex tkunu xhieda qalbiena tal-Evanġelju bil-ħila li ġġorru l-Bxara t-Tajba tal-foqra u twasslu l-Bxara t-Tajba lill-foqra, issewwu t-tiċrit u tiżirgħu t-tama!
U intom ukoll, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. Grazzi.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber