IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza
San Pietru
Il-Ħadd 30 ta’ Lulju, 2023
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju jirrakkuntalna l-parabbola tan-neguzjant li kien qed ifittex ġawhra prezzjuża. Ġesù jgħid li dan “meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha” (Mt 13,46). Nieqfu ftit fuq il-ġesti ta’ dan in-neguzjant, li l-ewwel fittex, imbagħad sab u fl-aħħar xtara.
L-ewwel ġest: fittex. Hu neguzjant dinamiku, li ma jibqax iċċassat imma joħroġ mid-dar u jibda jfittex il-ġawhar prezzjużi. Ma jgħidx, “biżżejjed dak li għandi”, ifittex oħrajn isbaħ. Din hi stedina għalina biex ma ningħalqux fid-drawwa, fil-medjokrità ta’ min jikkuntenta, imma biex fina terġa’ titkebbes ix-xewqa, biex ix-xewqa li nfittxu, li nimxu ‘l quddiem, ma tintefhiex; biex nikkultivaw ħolm ta’ ġid, infittxu n-novitajiet tal-Mulej, għax il-Mulej mhux ripetittiv, dejjem iġib in-novità, in-novità tal-Ispirtu, dejjem iġedded ir-realtajiet tal-ħajja (cfr Apok 21,5). U aħna għandu jkollna dan l-atteġġjament: infittxu.
It-tieni ġest tan-neguzjant hu: sab. Hu persuna bil-għaqal, għajnejh miftuħin u jaf jagħraf il-ġawhra ta’ valur kbir. Dan mhux faċli. Naħsbu ftit per eżempju, fil-bazarijiet affaxxinanti tal-orjent, fejn il-posti mimlijin merċa huma mgeddsin wieħed mal-ieħor mal-ħitan tat-toroq miżgħuda bin-nies; inkella f’xi posta li bħala jidhru tant f’ħafna bliet, mimlija kotba u oġġetti varji oħra. Kultant, f’dawn is-swieq, nieqfu biex nosservaw bir-reqqa u nistgħu nsibu xi teżori: affarijiet prezzjużi, kotba rari, li mħalltin mal-bqija, mhux dejjem narawhom mad-daqqa t’għajn. Iżda n-neguzjant tal-parabbola għajnejh beraħ u jaf isib, jaf “jiddixxerni” biex isib il-ġawhra. Din ukoll hi tagħlima għalina: ta’ kuljum, fid-dar, fit-triq, fuq ix-xogħol, fil-vaganzi, għandna l-possibbiltà li nindunaw b’dak li hu tajjeb. U importanti ħafna nagħrfu nsibu dak li jgħodd: nitħarrġu biex inkunu nistgħu nagħrfu l-ġawhar prezzjuż u nagħżlu lilu minn fost l-imbarazz. Ma naħlux il-ħin u l-libertà tagħna fix-xejn, f’passatempi li jħallulna l-vojt fina, meta l-ħajja toffrielna kuljum il-ġawhra prezzjuża tal-laqgħa ma’ Alla u mal-oħrajn! Jeħtieġ nitgħallmu nagħrfuha: niddixxernu biex insibuha.
U l-aħħar ġest tan-neguzjant: jixtri l-ġawhra. Meta jinduna bil-valur kbir tagħha, ibigħ kollox, jissagrifika l-ġid kollu basta jkollu lilha. Jibdel għal kollox l-inventarju tal-ħanut tiegħu; mhemm xejn aktar ħlief dik il-ġawhra: hi l-għan ewlieni tiegħu, is-sens tal-preżent tiegħu u tal-ġejjieni tiegħu. Din ukoll hija stedina għalina. Imma liema hi din il-ġawhra li minħabba fiha għandna ninfatmu minn kollox, dik li qed ikellimna dwarha l-Mulej? Din il-ġawhra hija Hu innifsu, hija l-Mulej! Infittxu lill-Mulej u nsibu lill-Mulej, niltaqgħu mal-Mulej, ngħixu mal-Mulej. Il-ġawhra hi Ġesù: Hu l-ġawhra prezzjuża tal-ħajja, li għandna nfittxuha, insibuha u nagħmluha tagħna. Hu ta’ siwi assolut li ninvestu kollox fih, għax meta niltaqgħu ma’ Ġesù, il-ħajja tinbidel. Jekk tiltaqa’ ma’ Ġesù jibdillek ħajtek.
Allura, nerġgħu ngħatu daqqa t’għajn lit-tliet ġesti tan-neguzjant – fittex, sab, xtara - u nagħmlu xi mistoqsija. Fittex: jien, f’ħajti qiegħed infittex? Inħossni f’posti, li wasalt, nikkuntenta, jew inkella nħarreġ ix-xewqa tiegħi għat-tajjeb? Jien ninsab fi żmien ta’ “pensjoni spiritwali”? Kemm żgħażagħ diġà huma pensjonanti! It-tieni ġest, sab: nitħarreġ biex niddixxerni dak li hu tajjeb u li jiġi minn Alla, billi nagħraf niċċaħħad minn dak li jħalli fija l-ftit jew ix-xejn? Fl-aħħar, xtara: naf nagħti lili nnifsi għal Ġesù?” Hu jinsab fl-ewwel post għalija, Hu l-akbar għana li għandi f’ħajti? Ikun sabiħ illum ngħidulu: “Ġesù Int l-akbar ġid li għandi”. Kulħadd jgħidha issa f’qalbu: “Int l-akbar ġid li għandi”. Marija tgħinna nfittxu, insibu u nħaddnu lil Ġesù kollu kemm hu magħna.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Illum qed niċċelebraw żewġ Jiem Dinjin imnedijin mill-Ġnus Magħquda: Il-Jum tal-Ħbiberija u l-Jum kontra n-Negozjar tal-Persuna Umana. L-ewwel waħda tippromwovi l-ħbiberija bejn il-popli u l-kulturi; it-tieni titqabad kontra l-krimini li lill-persuni tirrendihom merċa. In-negozju tal-persuna umana hi realtà terribbli li tolqot wisq persuni: tfal, nisa, ħaddiema... tant persuni sfruttati; kollha jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani u jsofru mill-indifferenza tas-soċjetà li tqishom skart. Hawn wisq minn dan in-negozju llum fid-dinja. Alla jbierek lil dawk li huma impenjati biex jiġġieldu kontra dan in-negozju.
Qatt nehdew nitolbu għall-martri Ukrajna, fejn il-gwerra qed teqred kollox, il-qamħ ukoll. Din hi offiża kbira lil Alla, għax il-qamħ hu don biex jagħti x’tiekol lill-umanità; u l-għajta ta’ miljuni ta’ ħutna li qed ibatu l-ġuħ titla’ sas-Sema. Nappella lil ħuti, lill-Awtoritajiet tal-federazzjoni Russa sabiex terġa’ tibda’ titħaddem l-inizjattiva tal-Baħar l-Iswed ħalli l-qamħ ikun jista’ jgħaddi mingħajr ebda periklu.
Fl-4 ta’ Awwissu li ġej ikun it-tielet anniversarju minn meta seħħet l-isplużjoni qerrieda fil-port ta’ Bejrut. Inġedded it-talb tiegħi għall-vittmi u għall-familji tagħhom, li qed ifittxu l-verità u l-ġustizzja, u nawgura li l-kriżi kumplikata tal-Libanu tasal għal soluzzjoni denja tal-istorja u tal-valuri ta’ dak il-poplu. Ma ninsewx li l-Libanu huwa wkoll messaġġ.
Nitlobkom takkumpanjawni bit-talb tul il-vjaġġ li se nagħmel fil-Protugall minn nhar l-Erbgħa li ġej, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Għadd kbir ta’ żgħażagħ, mill-kontinenti kollha, iġarrbu l-ferħ tal-laqgħa ma’ Alla, mal-aħwa, immexxijin mill-Verġni Marija, li wara t-tħabbira “Qamet u marret tħaffef” (Lu 1,39). Lilha, il-Kewkba mdawla tal-mixja nisranija, tant meqjuma fil-Portugall, nafdalha lill-Pellegrini tal-JDŻ u liż-żgħażagħ kollha tad-dinja.
U issa nsellem lilkom, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi oħra. Insellem partikolarment lill-kor tat-tfal minn Veliko Tarnovo, fil-Bulgarija, u lill-grupp taż-żgħażagħ messikani; kif ukoll lill-adoloxxenti minn Biadene u Caonada. U nsellem liż-żgħażagħ tal-Immacolata.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber