IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San
Pietru
Il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru, 2024
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum nagħmlu l-festa tal-Faminlja ta’ Nazaret. L-Evanġelju jtina r-rakkont ta’ meta Marija u Ġużeppi tilfu lil binhom Ġesù ta’ tnax-il sena, fi tmiem il-pellegrinaġġ ta’ kull sena f’Ġerusalemm, u wara, sabuh fit-tempju jiddiskuti mad-dutturi tal-Liġi (cfr Lq 2,41-52). L-evanġelista Luqa jurina x’ħasset Marija li lil Ġesù ssaqsih: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma” (cfr Lq 2,41-52). U Ġesù jwieġeb: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” (v. 49).
Hija esperjenza kważi komuni, ta’ familja li tgħaddi minn mumenti ta’ kalma u oħrajn drammatiċi. Donnha storja ta’ kriżi familjari, kriżi ta’ żmienna, ta’ adoloxxent diffiċli u żewġ ġenituri li ma jirnexxilhomx jifhmuh. Nieqfu nħarsu lejn dil-familja. Tafu għaliex il-familja ta’ Nazaret hi mudell? Għax hi familja li tiddjaloga, fejn kulħaddd jisma’ lill-ieħor, li titkellem. Id-djalogu hu element importanti għall-familja! Familja nieqsa mill-komunikazzjoni ma tistax tkun familja hienja.
Sabiħ meta omm ma tibdiex b’ċanfira, imma b’mistoqsija. Marija ma takkużax, ma tiġġudikax, imma permezz tas-smigħ, tipprova tifhem kif għandha tilqa’ il dan l-Iben tant differenti. Minkejja dan l-isforz, l-Evanġelju jgħidilna li Marija u Ġużeppi “ma fehmux kliemu” (v. 50) bħala sinjal li fil-famillja hu aktar importanti li wieħed jisma’ milli li jifhem.
Is-smigħ ifisser li lill-ieħor tkun qed ittih importanza, tkun tagħraf id-dritt tiegħu li jeżisti u li jaħseb awtonomament. Dan għandhom bżonn l-ulied. Aħsbu sew, intom ġenituri, isimgħu lil uliedkom għax dan għandhom bżonn! Waqt privileġġjat ta’ djalogu u ta’ smigħ fil-familja hu l-ħin tal-ikel. Sabiħ li l-familja tkun flimkien madwar il-mejda u titkellem. Dan jista jsolvi ħafna problemi, u fuq kollox, iressaq il-ġenerazzjonijiet qrib xulxin: ulied li jitkellmu mal-ġenituri, neputijiet li jitkellmu man-nanniet... Qatt m’għandna nibqgħu maqtugħin għalina waħedna, jew, agħar minn hekk, b’rasna mgħaddsa fil-mowbajl. Dan mhux sew... qatt, qatt m’għandu jsir dan. Tkellmu, isimgħu lil xulxin, dan hu d-djalogu li jseddaq u jsaħħaħ!
Il-Familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi hi mqaddsa. Madankollu rajna li l-ġenituri ta’ Ġesù wkoll mhux dejjem kienu jifhmu. Nistgħu nirriflettu dwar dan, u ma niskantawx jekk xi kultant fil-familja jiġri li ma nifhmux lil xulxin. Meta jiġri dan insaqsu lilna nfusna: aħna smajna sew lil xulxin? Il-problemi naffrontawhom billi nisimgħu lil xulxin jew inkella naqgħu fil-muta, kultant fir-rankur, fis-suppervja? Nagħtu lilna nfusna ftit ħin biex niddjalogaw? Illum nistgħu nitgħallmu mill-Familja Mqaddsa kif nisimgħu lil xulxin.
Nintelqu f’idejn Marija u nitolbu biex il-familji tagħna jkollhom id-don tas-smigħ.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Merħba mill-qalb lilkom ilkoll, rumani u Pellegrini. Illum insellem speċjalment lill-familji li hawn preżenti u lil dawk li jinsabu magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Il-familja hi ċ-ċellula tas-soċjetà, hi teżor prezzjuż li għandna nwieżnu u nindukraw!
Ħsiebi jdur lejn il-ħafna familji tal-Korea t’Isfel li llum jinsabu f’luttu minħabba l-inċident drammatiku tal-ajru. Jien magħqud bit-talb ma dawk li ħelsuha, u mal-mejtin.
U nitolbu wkoll għall-familji li qed ibatu minħabba l-gwerer: fil-martri Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-Myanmar, fis-Sudan, f’Kivu tat-Tramuntana, nitolbu għal dawkssss il-familji kollha li jinsabu kull fejn hemm il-gwerra.
Insellem lill-fidili minn Pero-Cerchiate, lill-grupp tad-Dekanat minn Varese, liż-żgħażagħ minn Cadoneghe u minn San Pietro in Cariano; lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Clusone, Chiudino, Adrara San Martino u Almenno San Bartolomeo; lill-iscouts minn Latina, minn Vasto u minn Soviore. U nsellem lill-membri tal-Immacolata!
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u tmiem is-sena hieni. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber