IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 28 ta’ Lulju, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

Illum l-Evanġelju tal-Liturġija jirrakkuntalna l-miraklu tal-ħobż u l-ħut (cfr Ġw 6,1-15).  Miraklu, jew aħjar “sinjal” li l-protagonisti tiegħu jagħmlu tliet ġesti li Ġesù jtenni waqt l-Aħħar Ikla.  Liema huma dawn il-ġesti?  L-offerta, ir-radd il-ħajr u l-qsim.

L-ewwel:  l-offerta.  L-Evanġelju jitkellem dwar tifel li għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet (cfr Ġw 6,9).  Hu ġest li bih nindunaw li lkoll għandna xi ħaġa tajba x’nagħtu, li ngħidu “l-iva” tagħna anki jekk dak li għandna hu ftit wisq ħdejn il-meħtieġ.  Dan huwa ċar waqt il-Quddiesa meta s-saċerdot joffri l-ħobż u l-inbid fuq l-altar, u kulħadd joffri lilu nnifsu, joffri ħajtu.  Hu ġest li donnu jidher ħaġa ta’ xejn, meta niftakru fil-ħtiġijiet immensi tal-umanità, propju bħall-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet fil-kas ta’ folla ta’ eluf ta’ persuni; imma Alla jużahom biex iwettaq l-akbar miraklu li jieżisti: dak li bih Hu nnifsu, Huwa stess!, juri li jinsab fostna għas-salvazzjoni tad-dinja.

U minn dan nifhmu t-tieni ġest: ir-radd il-ħajr (cfr Ġw 6,11).  L-ewwel ġest hu l-offerta, it-tieni hu r-radd il-ħajr.  Jiġifieri li bl-umiltà, imma wkoll bil-ferħ, lill-Mulej ngħidulu: “Kulma għandi hu don tiegħek, Mulej, u biex irrodlok ħajr jien nista’ ntik lura biss dak li tajtni Int minn qabel, flimkien ma’ Ibnek Ġesù Kristu, u nżid miegħu dak li nista’”.  Ilkoll kemm aħna nistgħu nżidu xi ħaġa żgħira.  X’nista’ nagħti lill-Mulej?  Iż-żgħir x’jista’ jagħti?  L-imħabba fqajra.  Ngħidu: “Mulej, inħobbok”  Aħna msejkin: imħabbitna hi tant ċkejkna!  Imma nistgħu ntuha lill-Mulej, il-Mulej jilqagħha. 

Offerta, radd il-ħajr, u t-tielet ġest hu l-qsim.  Fil-Quddiesa hi t-Tqarbina, meta flimkien nersqu lejn l-altar biex nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu: frott tad-don ta’ kulħadd mibdul f’ikel għal kulħadd mill-Mulej.  Huwa waqt mill-isbaħ, il-ħin tat-Tqarbin, jgħallimna ngħixu kull ġest ta’ mħabba bħala don ta’ grazzja, kemm għal min jagħti u wkoll għal min jirċievi.

Ħuti, insaqsu lilna nfusna: jiena, bil-grazzja t’Alla, nemmen tassew li għandi xi ħaġa unika li nista’ nagħti lil ħuti, jew inkella, anonimament inħossni biss «wieħed mill-folla»?  Jien protagonista ta’ xi ġid li nista’ nagħti ?  Jien grat lejn il-Mulej tad-doni li bihom kontinwament jurini mħabbtu ?  Ngħix biex meta nkun mal-oħrajn naqsam magħhom il-laqgħa u l-arrikkiment reċiproku ?

Il-Verġni Marija tgħinna ngħixu bil-fidi kull Ċelebrazzjoni Ewkaristika u biex nagħrfu nduqu ta’ kuljum «il-mirakli» tal-grazzja t’Alla

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Niżgura talbi għall-vittmi tat-tiġrif kbir li radam villaġġ fin-nofsinhar tal-Etjopja.  Jien qrib dik il-popolazzjoni tant imġarrba u qrib dawk li qed jgħatu l-għajnuna.

U waqt li fid-dinja hawn tant bnedmin li qed isofru minħabba t-traġedji u l-ġuħ, qed inkomplu nipproduċu u nbiegħu l-armi u naħarqu riżorsi biex ‘immantnu’ l-gwerer kbar u żgħar.  Dan hu skandlu li l-komunità internazzjonali m’għandhiex tittollerah, u jikkontradixxi l-ispirtu ta’ fratellanza tal-Logħob Olimpiku li għadu kif beda.  Ma ninsewx, ħuti: il-gwerra hi dejjem telfa! 

Illum qed niċċelebraw il-Jum Dinji tan-nanniet u l-Anzjani.  It-tema: “La tabbandunanix fi xjuħiti” (cfr Salm 71,9).  L-abbandun tal-anzjani, infatti, hu realtà ta’ niket li qatt m’għandha ssir drawwa.  Għal ħafna minnhom, aktar u aktar f’dal-jiem tas-sajf, is-solitudni tirriskja ssir piż tqil wisq biex iġorruh.  Il-Jum tal-lum hu sejħa biex nisimgħu leħen l-anzjani li jgħidulna: “Tabbandunawnix!” u biex inwieġbu: “Mhux se nabbandunawk!”  Ejjew insaħħu l-allejanza bejn in-neputijiet, bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Ngħidu “le” għas-solitudni tal-anzjani!  Il-futur tagħna jiddependi ħafna minn kif in-nanniet u n-neputijiet jitgħallmu jgħixu flimkien.  Ma ninsewhomx lill-anzjani!  Applaws għan-nanniet kollha, kollha kemm huma!

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn madwar id-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-parteċipanti tal-Kungress Ġenerali tal-Unjoni tal-Appostolat Kattoliku; liż-żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika minn Bologna u lil dawk mill-Unità Pastorali Riviera del Po-Sermide, fid-djoċesi ta‘ Mantova; lill-grupp ta‘ żgħażagħ ta‘ tmintax-il sena mid-djoċesi ta‘ Verona; lill-animaturi tal-Oratorju Carlo Acutis minn Quartu Sant’Elena.

Nibgħat inselli għal dawk li qed jieħdu sehem fil-konklużjoni tal-Festa lill-Madonna tal-Karmelu fi Trastevere: illejla se jkun hemm il-pruċissjoni tal-Madonna fiumarola fuq ix-xmara Tevere.  Nitgħallmu minn Marija, l-Omm tagħna,  biex ngħixu l-Evanġelju fil-ħajja ta‘ kuljum!  Smajt xi kant neokatekumenali… Imbagħad nieħu gost nerġa‘ nisimgħu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber