FESTA TA’ SAN STIEFNU PROTOMARTRI

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

PJazza San Pietru
Il-Ħamis, 26 ta’ Diċembru, 2024

 

Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!  Il-festa t-tajba lil kulħadd.

 

Illum, l-għada tal-Milied, il-liturġija tiċċelebra lil San Stiefnu, l-ewwel martri.  Ir-rakkont tat-tħaġġir tiegħu insibuh fl-Atti tal-Appostli (cfr 6,6-12; 7,54-60) u jippreżenathulna fil-ħin li waqt li jkun qed imut, jitlob għal dawk li qatluh.  U dan iġagħalna nirriflettu: infatti, minkejja li mad-daqqa t’għajn Stiefnu jidher iġarrab il-vjolenza bla ma jista’ jagħmel xejn, fil-verità, ta’ bniedem verament ħieles, ikompli jħobb lil dawk li qatluh ukoll u bħal Ġesù joffri ħajtu għalihom (cfr Ġw 10,17-18; Lq 23,34); joffri ħajtu biex huma jindmu, biex niedma jkunu jistgħu jiksbu d-don tal-ħajja ta’ dejjem.

 

Hekk, id-djaknu Stiefnu għalina jidher bħala xhud ta’ dak Alla li għandu biss xewqa kbira waħda: “li l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2,4) - din hi x-xewqa tal-qalb ta’ Ġesù -, li ħadd ma jintilef (cfr Gw 6,39; 17,1-26).  Stiefnu hu xhud ta’ dak il-Missier – il-Missier tagħna – li jrid il-ġid u biss il-ġid ta’ kull wieħed u waħda minn uliedu, dejjem; il-Missier li ma jeskludi lil ħadd, il-Missier li qatt ma jgħejja jfittixhom (cfr Lq 15,3-7), u jiġborhom meta jduru lura lejh niedma wara li jkunu tbiegħdu (cfr Lq 15,11-32); hu l-Missier li qatt ma jgħejja jaħfer.  Ftakruha din: Alla jaħfer dejjem u Alla jaħfer kollox.

 

Lura lejn Stiefnu.  Sfortunatament illum ukoll, f’inħawi differenti tad-dinja, hemm bosta rġiel u nisa persegwitati, kultant sal-mewt, minħabba l-Evanġelju.  Jgħodd għalihom ukoll dak li għidna dwar Stiefnu.  Huma ma jipperemttux li jħallu ‘l min joqtolhom għax dgħajfa, lanqas biex jiddefendu xi ideoloġija, imma biex lil kulħadd ituh sehem mid-don tas-salvazzjoni.  U jagħmlu dan l-ewwel u qabel kollox għall-ġid ta’ min joqtolhom: għal min jolqtolhom… u jitolbu għalihom.

 

Ħallielna eżempju mill-isbaħ ta’ dan, il-Beatu Christian de Chergé, li lil dak li qatlu sejjaħlu “il-ħabib tal-aħħar minuta”.

 

Allura nsaqsu, ilkoll kemm aħna: inħoss ix-xewqa li kulħadd isir jaf ‘l Alla u li kulħadd isalva?  Irrid il-ġid ta’ min iġagħalni nsofri?  Ninterressa ruħi u nitlob għal tant ħutna persegwitati minħabba l-fidi?

 

Marija, Reġina tal-Martri, tgħinna nkunu xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju għas-salvazzjoni tad-dinja.

 

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

 

Inġedded lilkom ilkoll l-awguri ta’ Milied Qaddis.  F’dal-ġranet irċevejt ħafna messaġġi u sinjali ta’ qrubija.  Grazzi.  Nixtieq minn qalbi rrodd ħajr lil kulħadd: kull persuna, kull familja, il-parroċċi u l-assoċjazzjonijiet.  Grazzi lil kulħadd!

 

Ilbieraħ filgħaxija bdiet il-Festa tad-dwal, Hannukkah, iċċelebrata għal tmint ijiem minn ħutna Għebrej fid-dinja.  Nibagħtilhom l-awguri tiegħi ta’ paċi u fraternità.

 

U nsellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi!  Nemmen li ħafna fostkom għamlu l-mixja ġjubilari li twassal għall-Porta Santa tal-Bażilika ta’ San Pietru.  Huwa sinjal sabiħ, sinjal li jesprimi s-sens ta’ ħajjitna: immorru niltaqgħu ma’ Ġesù li jħobbna u jiftħilna Qalbu biex itina sehem mis-Saltna ta’ mħabba, ta’ ferħ u ta’ paċi.  Dalgħodu ftaħt il-Porta Santa, ssswara dik ta’ San Pietru, fil-ħabs ta’ Rebibbia.  Kienet qiesha okkażjoni, biex ngħidu hekk, ta’ “katidral ta’ tbatija u ta’ tama”.

 

Waħda mill-azzjonijiet  li jikkaratterizzaw il-Ġublewijiet hi l-maħfra tad-dejn.  Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd biex iwieżen il-kampanja tal-ġbir tal-Caritas Internationalis bit-tema “Nittrasformaw id-dejn f’tama”, biex taħji lill-pajjiżi magħkusin bid-dejn insostenibbli u tippromwovi l-iżvilupp.

 

Il-kwistjoni tad-dejn hi marbuta ma’ dik tal-paċi u tas-suq klandestin tal-armamenti.  Ejjew nieqfu nikkolonizzaaw lill-popli bl-armi!  Naħdmu għad-diżarm, naħdmu kontra l-ġuħ, kontra l-mard, kontra x-xogħol minorili.  U jekk jogħġobkom, nitolbu għall-paċi fid-dinja kollha!  Il-paċi fil-martri Ukrajna, f’Gaża, f’Iżrael, fil- Myanmar, f’Kivu tat-Tramuntana u fil-bosta pajjiżi li jinsabu fi gwerra.  Nawgura lil kulħadd ġurnata sabiħa ta’ festa.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber