IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 6 ta’ Ottubru, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Illum, fl-Evanġelju tal-liturġija (cfr (Mk 10, 2-16) Ġesù jkellimna dwar l-imħabba konjugali.  Kif ġara drabi oħra, xi fariżej jagħmlulu mistoqsija biex jipprovokawh dwar suġġett kontroversjali: jekk ir-raġel jistax jibgħat lill-mara.  Iridu jdaħħluh f’polemika, imma Hu ma jaqax għalihom, anzi jaħtaf l-okkażjoni biex jiġbdilhom l-attenzjoni fuq diskors aktar important: il-valur tal-imħabba bejn ir-raġel u l-mara.

 

Fi żmien Ġesù il-kundizzjoni tal-mara fiż-żwieġ kienet ta’ svantaġġ kbir imqabbla ma’ dik tar-raġel: ir-raġel seta’ jkeċċi, jibgħat lil martu anki għal raġunijiet banali, u dak kien isir għax l-Iskrittura kienu jinterpretawha b’mod legalistiku.  Għalhekk, il-Mulej ifakkar lil min kien jisimgħu dwar l-esiġenzi tal-imħabba.  Ifakkarhom li l-Ħallieq ried li r-raġel u l-mara jkollhom dinjità ndaqs u jkunu kumplimentari għal xulxin fid-diversità, ħalli jkunu ta’ għajnuna għal xulxin, kumpanija għal-xulxin, imma fl-istess ħin stimolu u sfida biex jikbru flimkien (cfr Ġen 2, 20-23).

 

U biex dan iseħħ, jisħaq dwar il-ħtieġa li jagħtu lilhom infushom bħala don sħiħ lil xulxin, jinteressaw ruħhom f’xulxin mhux b’nofs qalb – din hi l-imħabba -b’mod li jkun il-bidu ta’ ħajja ġdida (cfr Mk 10,7; Ġen 2,24), destinata li tibqa’ għal dejjem, mhux “sakemm niddejjaq”, jilqgħu lil xulxin reċiprokament u jgħixu magħqudin bħala “laħam wieħed” (cfr Mk 10,8; Ġen 2,24).  Ċertament dan mhux faċli, jitlob fedeltà, anki fid-diffikultajiet, jitlob rispett, sinċerità, sempliċità (cfr Mk 10,15).  Jitlob disponibbiltà għall-konfront, kultant għad-diskussjoni, imma dejjem lesti għall-maħfra, għar-rikonċljazzjoni.  U nirrikmandalkom raġel u mara, illitikaw kemm tridu bil-patt li tagħmlu paċi qabel ma tintemm il-ġurnata!  Tafu għaliex?  Għax il-gwerra bierda tal-għada hi perikoluża.  “U, għidli, Padre, kif nagħmlu paċi?” – “Biżżejjed tmellisa, hekk”, imma qatt tħallu l-ġurnata tintemm bla ma tagħmlu paċi.

 

Imbagħad ma ninsewx li għall-miżżewġin huwa essenzjali li jkunu miftuħin għad-don tal-ħajja, għad-don tal-ulied, li huma l-isbaħ frott tal-imħabba, l-akbar barka t’Alla, għajn ta’ ferħ u tama għal kull dar u għas-soċjetà kollha.   Agħmlu t-tfal!  Ilbieraħ tfarraġt bi kbir.  Kien il-Jum tal-Ġendarmerija, u ġie wieħed minnhom flimkien mat-tmien uliedu!  Ħaġa mill-isbaħ tarahom.  Jekk jogħġobkom, miftuħin għall-ħajja, għal dak li jibgħat Alla.

 

Għeżież ħuti, l-imħabba hi esiġenti, veru, imma sabiħa, u aktar ma ninvolvu ruħna aktar niskopru fiha l-hena veru.  U issa kulħadd isaqsi f’qalbu: kif inhi l-imħabba tiegħi?  Hi fidila?  Hi ġeneruża?  Hi kreattiva?  Kif inhuma l-familji tagħna?  Miftuħin għall-ħajja, għad-don tal-ulied?

 

Il-Verġni Marija tkun l-għajnuna tal-miżżewġin insara.  Induru lejha f’għaqda spiritwali mal-fidili miġburin fis-Santwarju ta’ Pompej għas-Supplika tradizzjonali lill-Madonna tar-Rużarju Mqaddes.

 

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti!

 

Għada tkun għaddiet sena minn meta seħħ l-attakk terroristiku fuq il-popolazzjoni ta’ Iżrael li lejhha nġedded il-qrubija tiegħi.  Ma ninsewx li għad hemm ħafna ostaġġi f’Gaża, u jien nitlob li jinħelsu minnufih.  Minn dakinhar, il-Lvant Nofsani nħakem minn sofferenza li qed taggrava dejjem b’azzjonijiet militari qerrieda li qed ikomplu jolqtu l-popolazzjoni tal-Palestina.  Dil-popolazzjoni qed issofri ħafna f’Gaża u fit-territorji l-oħra.  Fil-biċċa l-kbira, dawn huma nies ċivili innoċenti, nies li lkoll għandhom dritt jirċievu l-għajnuna umanitarja li għandhom bżonn.  Nitolbu għan-nies tal-Libanu, speċjalment għall-abitanti tan-nofsinhar, imġagħlin jitilqu mill-villaġġi tagħhom.

 

Nappella lill-komunità internazzjonali sabiex twaqqaf l-ispirali tat-tpattija u biex ma jsirux aktar attakki bħal dak li kien hemm fl-Iran xi ġranet ilu, attakki li jistgħu jkomplu jħarrxu l-gwerra f’dar-reġjun.  In-nazzjonijiet kollha għandhom id-dritt li jeżistu fil-paċi u s-sigurtà, u t-territorji tagħhom qatt m’għandhom jiġu attakkati jew invaduti, għandha tkun rispettata dejjem is-sovranità u tkun garantita permezz tad-djalogu u tal-paċi, mhux bil-mibegħda u l-gwerra

 

F’dis-sitwazzjoni t-talb hu meħtieġ daqs qatt qabel.  Illum waranofsinhar immorru lkoll fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore biex nitolbu l-interċessjoni ta’ Omm Alla; u għada se tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fid-dinja.  Ningħaqdu mal-forzi tat-Tajjeb kontra l-intriċċi djaboliċi tal-gwerra.

 

Jien qrib il-popolazzjini tal-Bosnja u l-Erzegovina li ntlaqtet minn għarar.  Jalla l-Mulej jilqa’ lill-mejtin, ifarraġ lill-familjari u jwieżen lil dawk il-komunitajiet.

 

Insellem lilkom, rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi.  Insellem partikolarment lill-banda mużikali minn Cabañas (El Salvador) – imbagħad nisimgħuhom idoqqu -, lill-fidili pollakki devote tas-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena fid-djoċesi ta’ Radom, u lil dawk li ġew minn Martinika.  Insellem lill-grupp tal-pellegrini mis-Santwarju tal-Verġni tar-Rivelazzjoni fi Tre Fontane, li llum se jieħdu l-istatwa tal-Madonna minn San Pietru lejn dan is-Santwarju Marjan f’Ruma, biex jitolbu għall-paċi.  Insellem lill-eks-studenti tas-Seminarju Minuri “Poggio Galseo: ta’ Taranto; insellem lill-Assoċjazzjoni Teatro Patologico ta’ Ruma, lill-banda tal-iskola “Familja Mqaddsa” minn Cremona u lill-parteċipanti fil-manifestazzjoni “Fiabaday” li jaħdmu biex jeliminaw il-barrieri arkitettoniċi.

 

U issa bi pjaċir inħabbar li fit-8 ta’ Diċembru se llaqqa’ konċistorju biex ninnomina Kardinali ġodda.  Il-postijiet mnejn ġejjin jesprimu l-universalità tal-Knisja li tkompli tħabbar l-imħabba ħanina ta’ Alla lejn il-bndemin kollha tad-dinja.  Id-dħul tal-Kardinali l-ġodda fid-Djoċesi ta’ Ruma, fuq kollox, juri r-rabta li ma tinħallx bejn is-Sede ta’ Pietru u l-Knejjes partikolari mxerrdin mad-dinja.  Dawn huma l-ismijiet tal-Kardinali l-ġodda:

 

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Angelo Acerbi, Nunzju Appostoliku;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Carlos Gustavo Castillo Mattasoglio, Arċisqof ta’ Lima fil-Perù;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Vicente Bokalic Iglic, Arċisqof ta’ Santiago del Estero, Primat tal-Argentina;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Cabrera Gerardo Cabrera Herrera, Arċisqof ta’ Guayaquil, Ekwador;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Natalio Chomalí Garib, Arċisqof ta’ Santiago del Cile;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Tarcisio Isao Kikuchi, Arċisqof ta’ Tokyo, Ġappun;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pablo Virgilio Siongco David, Isqof ta’ Kalookan, Filippini;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Ladislav Nemet, Arċisqof ta’ Beograd -Smederevo, Serbja;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Jaime Spengler, Arċisqof ta’ Porto Alegre;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Ignace Bessi Dogbo, Arċisqof ta’ Abidjan, Kosta tal-Avorju;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Jean-Paul Vesco, Arċisqof ta’ Alger, Algerija;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Paskalis Bruno Syukur, Isqof ta’ Bogor, Indonesja;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Joseph Mathieu, Arċisqof ta’ Teheran Ispahan, Iran;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Roberto Repole, Arċisqof ta’ Turin; 

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Baldassare Reina, mil-lum Vigarju Ġenerali għad-Djoċesi ta’ Ruma;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Francis Leo, Arċisqof ta’ Toronto, Canada;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Rolandas Makrickas, Arċipriet koadjutur tal-Bażilika Papali ta’ Santa Maria Maggiore;

- L-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mykola Bychok, Eparka ta’ Saints Peter and Paul ta’ Melbourne tal-Ukraini;

- Ir-Reverendu Patri Timothy Peter Joseph Radcliffe, teologu;

- Ir-Reverendu Patri Fabio Baggio, Sotto Segretarju tat-taqsima Migranti u Rifuġjati tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman integrali;

- Mons. George Jacob Koovakad, Uffiċjal tas-Segretarju tal-Istat, responsabbli mill-vjaġġi papali.

 

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda, sabiex huma u jikkonfermaw l-għaqda tagħhom ma’ Kristu, is-Saċerdot il-Kbir ħanin u fidil, jgħinuni fil-ministeru ta’ Isqof ta’ Ruma għall-ġid tal-Poplu Qaddis kolllu ta’ Alla.

 

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber