SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
It-Tnejn, 6 ta’ Jannar, 2025
 

Għeżież ħuti, il-festa tal-Epifanija t-tajba!

 

Illum il-Knisja tiċċelebra l-manifestazzjoni ta’ Ġesù u l-Evanġelju jikkonċentra fuq il-Maġi, li wara vjaġġ twil jaslu Ġerusalemm biex iqimu lil Ġesù.

 

Jekk nosservaw sewwa niskopru xi ħaġa ftit jew wisq stramba: filwaqt li dawk l-għorrief jaslu mill-bogħod ifittxu lil Ġesù, dawk li kienu qribu mank imiddu pass lejn il-grotta ta’ Betlehem.  Miġbudin u mmexxijin mill-kewkba, il-Maġi jaffrontaw spejjez kbar, jagħtu ħinhom, jaċċettaw ħafna riskji u inċertezzi li dak iż-żmien  qatt ma kienu nieqsa.  Madankollu, jegħlbu kull diffikultà biex jaslu ħalli jaraw lir-Re Messija, għax jafu li fl-istorja tal-umanità kienet qed isseħħ xi ħaġa unika u ma jridux jitilfu l-appuntament.  Ħassew l-ispirazzjoni fihom u ħallewha tmexxihom.

 

Iżda dawk li jgħixu f’Ġerusalemm, dawk li suppost kellhom ikunu l-aktar hienja u lesti biex jiġru lejn il-grotta, mank jiċċaqalqu.  Is-saċerdoti, it-teoloġi, jinterpretawha tajjeb l-Iskrittura Mqaddsa u jagħtu indikazzjonijiet lill-Maġi dwar fejn jistgħu jsibu lill-Messija, imma ma jitħarrkux “mit-tron” tagħhom.  Sodisfatti b’dak li għandhom, ma jibdewx ifittxu, ma jidhrilhomx li ta’ min joħroġ u jitbiegħed minn Ġerusalemm.

 

Dal-fatt, ħuti, iġagħalna nirriflettu u b’xi mod jipprovokana, għax iqanqal mistoqsija: aħna, jiena, illum, f’liema kategorija ninsabu?  Aħna aktar nixbħu lir-ragħajja, li f’dak il-lejl stess marru jħaffu lejn il-grotta, lill-Maġi tal-orjent li bil-fiduċja jitilqu jfittxu lil Iben Alla magħmul bniedem; jew aktar nixbħu lil dawk li minkejja kienu ferm qribu fiżikament, ma jiftħu xil-bibien ta’ qlubhom u ta’ ħajjithom, jibqgħu magħluqin u insensibbli għall-preżenza ta’ Ġesù?  Nagħmlu dil-mistoqsija.  Ma’ liema grupp ta’ nies jiena msieħeb?

 

Hemm storja li tgħid li kien hemm ir-raba’ Maġu li wasal tard Ġerusalemm, propju waqt it-tislib ta’ Ġesù – storja sabiħa din, mhix storika, imma storja sabiħa -, għax mat-triq kien waqaf jgħin lil min fil-bżonn u beda jqassmilhom ir-rigali prezzjużi li kien se jagħti lil Ġesù.  Fl-aħħar wasal raġel xiħ u qallu: “Fis-sewwa ngħidlek li dak kollu li għamilt ma’ tal-aħħar fost dawn ħutna, għamiltu għalija”.  Il-Mulej jaf dak kollu li aħna nagħmlu għall-oħrajn.

 

Nitolbu lill-Verġni Marija tgħinna biex fuq l-eżempju tar-ragħajja u l-Maġi, nagħrfu li Ġesù hu qribna fil-fqir, fl-Ewkaristija, fl-abbandunat, f’ħuna, f’oħtna.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

 

L-Epifanija hi l-Ġurnata Missjunarja Dinjija tat-Tfal, li dis-sena għandha t-tema: “Morru u stiednu lil kulħadd għall-festa”.  Insellem lit-tfal kollha u lill-adoloxxenti missjunarji tad-dinja kollha u nħeġġiġhom biex jibqgħu impenjati bit-talb u s-solidarjetà favur dawk tamparhom tal-kontinenti l-oħra.

 

Hu pjaċir kbir tiegħi nibgħat l-awguri minn qalbi lil-komunitajiet ekkleżjali tal-Orjent li għada jiċċelebraw il-Milied Imqaddes.  B’mod partikolari niżgurahom li nitlob għal dawk li qed isofru minħabba l-kunflitti li hemm bħalissa.  Jalla Ġesù, il-Prinċep tal-Paċi, jġibilhom il-paċi u s-serenità!

 

Nilqa’ bil-ferħ lill-parteċipanti tal-korteo storiku-folkloristiku li din is-sena hu dedikat lill-Komun ta’ Amelia u l-pajjiżi tal-madwar, lill-valuri umani u l-valuri reliġjużi wkoll.  Grazzi!

 

U ma ninsewx nitolbu għall-paċi: fl-Ukrajna martri, fil-Palestina, f’Iżrael, fil-pajjiżi li jinsabu fi gwerra, fil-Myanmar.

 

Insellem lill-fidili minn Massafra, liż-żgħażagħ tal-Moviment “Tra Noi”, “lill-Ħbieb tal-Istorja u t-Tradizzjonijiet” minn Carovilli u lill-kor minn  Soriano nel Cimino.  U nżid l-awguri tiegħi lill-parteċipanti “tal-Korteo tar-Rejiet Maġi” fil-Polonja, li b’din l-inizjattiva huma xhieda ta’ fidi fil-knejjes u fit-toroq ta’ Varsavja u f’tant bliet pollakki, imma f’oħrajn barra l-pajjiż ukoll, hawn f’Ruma wkoll! Tislima lill-pollakki kollha.  U nawgura lil kulħadd il-festa tal-Epifanija t-tajba.  Komplu itolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber