IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 4 ta’ Awwissu, 2024

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb.

L-Evanġelju tal-lum jgħidilna li wara l-miraklu tal-ħobż u l-ħut, Ġesù jistieden lill-folla li qed tifttxu biex tirrifletti fuq dak li kien ġara, biex jifhmu s-sens tiegħu (cfr Ġw 6,24-35).

Kienu kielu l-ikel li kien tqassamilhom u setgħu jaraw kif, bi ftit riżorsi, bil-ġenerożità u l-kuraġġ ta’ tfajjel li kien offra lill-oħrajn dak li kellu, kulħadd kien kiel sax-xaba’ (cfr Ġw 6,1-13).  Is-sinjal kien ċar: jekk kulħadd jagħti dak li għandu lill-oħrajn, bl-għajnuna t’Alla, anki jekk ftit, kulħadd jista’ jkollu sehemu.  Tinsewhx dan: jekk bniedem jagħti dak li għandu lill-oħrajn, bl-għajnuna t’Alla, anki jekk ftit, kulħadd jista’ jkollu sehemu.  Tinsewhx dan.

Huma ma fehemux: lil Ġesù  ħasbuh xi speċi ta’ saħħar, u reġgħu marru jfittxuh, bit-tama li jerġa’ jagħmel il-miraklu qiesu kien xi biċċa maġija (cfr v. 26)

Kienu protagonisti ta

 Esperjenza siewja għall-mixja tagħhom, imma ma fehemux it-tifsira: l-attenzjoni tagħhom  baqgħet biss fuq il-ħobż u l-ħut, fuq l-ikel materjali, li malajr spiċċa.  Ma ndunawx li dak kien biss strument, li permezz tiegħu, il-Missier, waqt li kien qed jaqtgħalhom il-ġuħ, kien qed jirrivelalhom ħaġa wisq aktar importanti.  U x’kien qed jirrivela l-Missier?  It-triq tal-ħajja li tibqa’ għal dejjem u t-togħma tal-ħobż li jxabba’ mingħajr qies.  Il-veru ħobż, insomma, kien u hu Ġesù, Ibnu l-maħbub magħmul bniedem (cfr v. 35), li ġie biex jaqsam magħna l-faqar tagħna sabiex imexxina, permezz tiegħu, lejn l-hena tal-għaqda sħiħa ma’ Alla u ma’ ħutna (cfr Ġw 3,16).

L-affarijiet materjali ma jimlewx il-ħajja, jgħinuna nibqgħu għaddejjin u huma importanti, imma mhumiex il-milja tal-ħajja: l-imħabba biss tista’ tagħti l-milja (cfr Ġw 6,35).  U biex dan iseħħ it-triq li rridu naqbdu hi dik tal-karità li ma żżomm xejn għalija, imma taqsam kollox mal-oħrajn.  Il-karità kollox taqsam.

U dan ma jiġrix ukoll fil-familji tagħna?  Narawh iseħħ.  Niftakru f’dawk il-ġenituri li jitħabtu ħajjithom kollha biex irabbu sew lil uliedhom u jħallulhom xi ħaġa għall-futur.  Kemm hu sabiħ meta dal-messaġġ ikun mifhum u l-ulied ikunu grati, u min-naħa tagħhom isiru solidali bejniethom bħal aħwa!  Minnu dan.  Iżda kemm hu ta’ niket meta jiġġieldu minħabba l-wirt – rajt bosta każi, veru ta’ niket -  u jitqabdu bejniethom u forsi lanqas jitkellmu minħabba l-flus, ma jkellmux lil xulxin għal snin sħaħ!  Il-messaġġ tal-missier u tal-omm, l-eredità l-aktar prezzjuża tagħhom, mhumiex il-flus: hi l-imħabba, l-imħabba li biha jagħtu lil uliedhom  dak kollu li jkollhom, propju kif jagħmel Alla magħna, u hekk jgħallmuna nħobbu.

Allura nsaqsu lilna nfusna: xinhi r-relazzjoni tiegħi mal-ħwejjeġ materjali?  Jien ilsir tagħhom, jew nużahom bil-libertà, bħala strumenti biex nagħti u nirċievi l-imħabba?  Naf ngħid grazzi, grazzi lil Alla u lil ħuti għad-doni li rċevejt, u naf naqsam dak li għandi mal-oħrajn?

Marija, li tat ħajjitha kollha lil Ġesù, tgħallimna biex kull ħaġa li għandna nagħmluha strument ta’ mħabba.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Nhar il-Ġimgħa li għadda, f’Bkerke, fil-Libanu, kien beatifikat il-Patrijarka Stefano Douayhy, li b’għaqal mexxa l-Knisja Maronita bejn l-1670 u l-1704, fi żmien diffiċli li kien immarkat ukoll bil-persekuzzjoni.  Mgħallem tal-fidi u ragħaj diliġenti, kien xhud tat-tama u dejjem qrib in-nies.  Illum ukoll, il-poplu tal-Libanu għadu jbati ħafna!  Niftakar partikolarment fil-familji tal-vittmi tal-isplużjoni fil-port ta’ Bejrut.  Nawgura li ma ddumx ma ssir ġustizzja u toħroġ il-verità.  Jalla l-Beatu l-ġdid iwieżen il-fidi u t-tama tal-Knisja fil-Libanu u jinterċedi għal dal-pajjiż maħbub.  Applaws lill-Beatu l-ġdid!

Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri fil-Lvant Nofsani, u nawgura li l-kunflitt, li diġà hu terribbilment imdemmi u vjolenti, ma jkomplix jinfirex.  Nitlob għall-vittmi kollha, partikolarment għat-tfal innoċenti, u nesprimi qrubija mal-komunità Drusa fl-Art Imqaddsa u l-popolazzjonijiet tal-Palestina, ta’ Iżrael tal-Libanu.  Ma ninsewx il-Myanmar.  Jalla jinstab il-kuraġġ biex jerġa’ jibda d-djalogu ħalli minnufih jieqaf il-ġlied f’Ġaża u fuq il-fronti kollha, jinħelsu l-ostaġġi, il-popolazzjonijiet ikollhom l-għajnuna umanitarja meħtieġa.  L-attakki, dawk li huma mmirati bi preċiżjoni wkoll, u l-qtil, qatt ma jistgħu jkunu soluzzjoni.  Ma jgħinux biex nimxu t-triq tal-ġustizzja, tal-paċi, imma joħolqu aktar mibgħeda u vendetta.  Biżżejjed, ħuti !  Biżżejjed !  Toħonqux il-Kelma t’Alla tal-Paċi imma ħalluha tkun il-ġejjieni tal-Art Imqaddsa, tal-Lvant Nofsani u tad-dinja kollha!  Il-gwerra hi biss telfa !

Mhux b’anqas jien imħasseb dwar il-Venezwela, li għaddejja minn sitwazzjoni kritika.  Nagħmel appell minn qiegħ qalbi lill-partijiet kollha biex ifittxu l-verità, jużaw il-moderazzjoni u jevitaw kull tip ta’ vjolenza, biex it-tilwim isolvuh bid-djalogu, biex ikollhom għal qalbhom il-veru ġid tal-popolazzjoni u mhux l-interessi partiġġjani.  Nafdaw dal-pajjiż fl-interċessjoni tas-Sinjura Tagħna ta’ Coromoto, tant maħbuba u meqjuma mill-venezwelani, u għat-talb tal-Beatu Josè Gregorio Hernandez li l-figura tiegħu tgħaqqad lil kulħadd.

Nesprimi l-qrubija tiegħi mal-popolazzjonijiet indjani, partikolarment dawk ta’ Kerala, li ntlaqtu ferm ħażin minn xita qliel, li ġabet tiġrif kbir u tant telf ta’ ħajjiet umani, għadd kbir ta’ evakwati u ħsarat bla qies.  Nistedinkom tingħaqdu miegħi fit-talb għal dawk li tilfu ħajjithom u għall-persuni kollha mifnijin minn traġedja ta’ tant ħsara.

Illum, fit-tifkira tal-Qaddis Kurat ta’ Ars, f’xi pajjiżi tkun iċċelebrata «l-festa tal-kappillan».  Nesprimi l-qrubija tiegħi u l-gratitudni tiegħi ukoll lejn dawk il-kappillani li b’żelu u ġenerożità, kultant bi tbatija kbira, jingħataw b’ruħhom u ġisimhom għal Alla u għall-poplu.  Niftakru fil-kappillani tagħna: applaws sabiħ lill-kappillani ! 

Insellem lilkom ilkoll, rumani u pellegrini mill-Italja u minn bosta pajjiżi, partikolarment lill-grupp mir-Repubblika Ċeka, lill-Kumpanijja ta’ Sant’Orsla, lill fidili minn Chiusa Sclafani u Siderno, liż-żgħażagħ minn San Vito dei Normanni, lill-adoloxxenti tal-parroċċa Sacro Cuore f’Padova u liċ-ċiklisti li ġew minn Sambuceto.  B’ferħ nibgħat tislija lill-parteċipanti tal-ewwel festival taż-żgħażagħ fil-Portugall, li qed isir bħalissa f’Fatima.  Għeżież żgħażagħ, qed nara li l-esperjenza entużjasmanti tas-sena li għaddiet f’Lisbona għadha qed tagħti l-frott.  Ħajr lil Alla!  Nitlob għalikom, u jekk jogħġobkom itolbu għalija fil-Kappella tad-Dehriet.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber