VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU
F’AJACCIO
FL-OKKAŻJONI TAL-KUNGRESS
“LA RELIGIOSITÉ POPULAIRE EN MÉDITERRANÉE”
QUDDIESA
OMELIJA TAL-PAPA
“Place d’Austerlitz” (“U Casone”) – Ajaccio
Il-Ħadd 15 ta’ Diċembru 2024
In-nies tistaqsi lil Ġwanni l-Battista: “Aħna x’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10). X’għandna nagħmlu? Hija mistoqsija li tajjeb nisimgħuha b’attenzjoni, għax tesprimi x-xewqa li wieħed iġedded ħajtu, li jibdilha għall-aħjar. Ġwanni qed ixandar il-wasla tal-Messija tant mistenni: min jisma’ l-predikazzjoni tal-Battista jrid iħejji ruħu għal din il-laqgħa, għal-laqgħa mal-Messija, għal-laqgħa ma’ Ġesù.
Il-Vanġelu skont Luqa jagħti xhieda li huma proprju dawk l-iżjed imbiegħda li jesprimu din ir-rieda li jikkonvertu: mhux dawk li soċjalment kienu jidhru l-iżjed qrib, mhux il-Fariżej u l-għorrief tal-liġi, imma dawk imbiegħda, il-pubblikani, li kienu meqjusin midinbin, u s-suldati li jistaqsu: “Mgħallem, aħna x’għandna nagħmlu?” (Lq 3:12). Din hi mistoqsija sabiħa, li forsi llum, qabel ma mmorru norqdu, kull wieħed u waħda minna jista’ jlissen bħala talba: “Mulej, x’għandi nagħmel biex inħejji qalbi għall-Milied?”. Min jaħseb li hu tajjeb, ma jiġġedded qatt. Imma dawk li kienu meqjusa midinbin pubbliċi jixtiequ jgħaddu minn kondotta diżonesta u vjolenti għal ħajja ġdida. U l-imbegħdin isiru tal-qrib meta Kristu joqrob lejna. Fil-fatt, Ġwanni jweġibhom hekk lill-pubblikani u s-suldati: ħaddmu l-ġustizzja; kunu retti u onesti (ara Lq 3:13-14). It-tħabbira tal-Mulej, hija u tinvolvi b’mod speċjali lil dawk li jinsabu fl-aħħar post u huma esklużi, tqajjem mill-ġdid il-kuxjenzi, għax hu jiġi biex isalva, mhux biex jikkundanna lil min hu mitluf (ara Lq 15:4-32). U l-aħjar li aħna nistgħu nagħmlu biex niġu mifdija u mfittxija minn Ġesù, hu li ngħidu l-verità fuqna nfusna: “Mulej, jiena midneb”. Aħna lkoll hawnhekk aħna midinbin, kollha. “Mulej, jiena midneb”. U hekk nersqu lejn Ġesù bil-verità, mhux bl-irtokk ta’ ġustizzja mhux vera. Jiġi sewwasew biex isalva lill-midinbin.
U għalhekk illum ukoll nagħmlu tagħna l-mistoqsija li l-folol għamlu lil Ġwanni l-Battista. Matul dan iż-żmien tal-Avvent ħa nsibu l-kuraġġ li nistaqsu, bla biża’: “x’għandi nagħmel?”, “x’għandna nagħmlu?”. Ejjew nistaqsu bis-sinċerità, biex inħejju qalb umli, qalb fiduċjuża fil-Mulej li ġej.
L-Iskrittura li għadna kemm smajna tagħtina żewġ modi kif nistennew lill-Messija: l-istennija suspettuża u l-istennija hienja. Nistgħu nistennew is-salvazzjoni b’dawn iż-żewġ atteġġjamenti: l-istennija suspettuża u l-istennija hienja. Ejjew nirriflettu fuq dawn l-atteġġjamenti spiritwali.
L-ewwel mod kif nistennew, dak suspettuż, hu mimli qtigħ il-qalb u ansjetà. Min għandu moħħu okkupat bi ħsibijiet egoċentriċi jwarrab il-ferħ tar-ruħ: flok jishar bit-tama, jiddubita mill-futur. Moħħu wisq fil-proġetti mondani, ma jistenniex l-opra tal-Providenza. Ma jafx jistenna bit-tama li jagħtina l-Ispirtu s-Santu. U allura tasal qawwija l-kelma ta’ San Pawl, li tqajjimna minn din ir-raqda: “Tħabbtu raskom b’xejn” (Fil 4:6). Meta jaħkimna l-biża’, dejjem jirvinana. Altru n-niket, it-tbatija fiżika, id-diqa morali għal xi diżgrazzja fil-familja…; u altru l-biża’. L-Insara ma għandhomx jgħixu fil-biża’. Tkunux nies imbeżżgħa, qalbhom maqtugħa, imdejqa. Kemm hu mifrux dan id-deni spiritwali, illum, speċjalment fejn jaħkem il-konsumiżmu! F’dawn il-jiem f’Ruma jien kont nilmaħ fit-toroq ħafna nies sejra tixtri, tixtri, bl-ansjetà tal-konsumiżmu, li mbagħad tispiċċa fix-xejn u tħalli vojt warajha. Soċjetà hekk li tgħix bil-konsumiżmu, tixjieħ u tibqa’ mhix sodisfatta, għax ma tafx tagħti: li tgħix għaliha nfisha, qatt ma hi ħa tkun ferħana. Min jgħix hekk [ponn magħluq] u ma jagħmilx hekk [ponn miftuħ], ma jkunx ferħan. Min għandu jdejh hekk [id magħluqa], għalija, u ma għandux id biex jagħti, biex jgħin, biex iqassam, qatt mhu sa jkun ferħan. U dan hu deni li jista’ jaħkimna lkoll, lill-Insara kollha, aħna wkoll, is-saċerdoti, l-isqfijiet, il-kardinali, kollha, anki l-Papa.
Imma l-Appostlu joffrilna mediċina qawwija meta jikteb: “Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr” (Fil 4:6). Il-fidi f’Alla tagħti t-tama! Proprju f’dawn il-jiem fil-Kungress li nżamm hawn f’Ajaccio, inxteħet dawl fuq kemm hu importanti nikkultivaw il-fidi, u napprezzaw ir-rwol tal-pjetà popolari. Ejjew naħsbu fit-talba tar-Rużarju: jekk niskopruha mill-ġdid u nużawha tajjeb, hi tgħalliman nżommu qalbna ċċentrata fuq Ġesù Kristu, bil-ħarsa kontemplattiva ta’ Marija. U ħa naħsbu fil-fratellanzi, li jistgħu jedukaw għas-servizz mogħti b’xejn lill-proxxmu, kemm spiritwali u kemm korporali. Dawn l-għaqdiet ta’ fidili, bi storja hekk sinjura, jieħdu sehem attiv fil-liturġija u fit-talb tal-Knisja, li huma jsebbħu bil-kant u d-devozzjonijiet tal-poplu. U lill-membri tal-fratellanzi nirrakkomandalhom li jkunu dejjem eqreb b’disponibbiltà, fuq kollox lejn l-aktar dgħajfa, u hekk iħaddmu l-fidi fil-karità. U dik il-fratellanza li għandha devozzjoni speċjali ħa toqrob lejn kulħadd, qrib tal-proxxmu biex tgħinu.
U minn hawn niġu għat-tieni atteġġjament: l-istennija hienja. L-ewwel atteġġjament kien l-istennija suspettuża, dik l-istennija li hi “għalija” bil-ponn magħluq. It-tieni atteġġjament hu l-istennija hienja. U mhux faċli tkun hieni. Il-ferħ Nisrani mhu xejn affattu wieħed moħħ ir-riħ, superfiċjali, ferħ tal-karnival. Le. Mhuwiex hekk. Imma hu ferħ tal-qalb, imsejjes fuq fundament sod ħafna, li l-profeta Sofonija jdur fuq il-poplu u jesprimih hekk: ifraħ, għax “il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva” (Sof 3:17). Fiduċja fil-Mulej li jinsab f’nofsna, jinsab fostna. Tant drabi ma niftakruhx dan: jinsab f’nofsna, meta nagħmlu opra tajba, meta nedukaw lil uliedna, meta nieħdu ħsieb tal-anzjani. Imma mhuwiex f’nofsna meta noqogħdu nqassu fuq xulxin, inpaċpċu dejjem ħażin fuq l-oħrajn. Hemmhekk ma hemmx il-Mulej, hemm biss aħna. Il-miġja tal-Mulej iġġibilna s-salvazzjoni: għalhekk hija raġuni ta’ ferħ. Alla hu “qawwi”, tgħid l-Iskrittura: hu jista’ jifdi l-ħajja tagħna għax hu għandu l-ħila li jwettaq dak li jgħid! Il-ferħ tagħna allura mhuwiex xi faraġ illużorju, biex inessina d-dwejjaq tal-ħajja. Le, mhuwiex faraġ illużorju. Il-ferħ tagħna hu frott tal-Ispirtu s-Santu bil-fidi fi Kristu s-Salvatur, li jħabbat fuq l-bieb ta’ qalbna, u jeħlisha min-niket u mid-dwejjaq. Għalhekk il-miġja tal-Mulej issir festa mimlija bil-ġejjieni għall-popli kollha: fil-kumpanija ta’ Ġesù niskopru l-ferħ veru ta’ kif ngħixu u nagħtu s-sinjali tat-tama li d-dinja qed tistenna.
U l-ewwel fost dawn is-sinjali ta’ tama huwa l-paċi. Dak li ġej hu l-Għimmanuel, Alla magħna, li jrodd il-paċi lill-bnedmin maħbuba mill-Mulej (ara Lq 2:14). U waqt li qed inħejju ruħna biex nilqgħuh, f’dan iż-żmien tal-Avvent, il-komunitajiet tagħna jikbru fil-ħila li jsieħbu lil kulħadd, speċjalment iż-żgħażagħ li mexjin lejn il-Magħmudija u s-Sagramenti; u b’mod speċjali anki lix-xjuħ, l-anzjani. L-anzjani huma l-għerf ta’ poplu. Ma ninsewhx dan! U kull wieħed u waħda minna jista’ jaħseb: jien kif inġib ruħi mal-anzjani? Immur infittixhom? Naħli ħin magħhom? Nismagħhom? “Oħ, le, idejquni, bl-istejjer tagħhom!”. Nabbandunahom? Kemm ulied jabbandunaw lill-ġenituri fid-djar tax-xjuħ. Jien niftakar darba, fid-djoċesi l-oħra, mort f’dar tax-xjuħ inżur in-nies. U kien hemm mara li kellha tliet, erba’ wlied. Staqsejtha: “U t-tfal kif inhuma?” – “Tajbin ħafna! Għandi ħafna neputijiet” – “U jiġu jarawk xi ftit?” – “Iva, dejjem jiġu”. Malli ħriġt, in-ners qaltli: “Jiġu darba fis-sena”. Imma l-omm ħbiet id-difetti tal-ulied. Ħafna jħallu lix-xjuħ tagħhom waħidhom. L-awguri tal-Milied jew tal-Għid, bit-telefon jagħtuhomlhom! Ħudu ħsieb tax-xjuħ, li huma l-għerf ta’ poplu!
U naħsbu fiż-żgħażagħ li mexjin lejn il-Magħmudija u s-Sagramenti. F’Corsica, għall-grazzja ta’ Alla, hawn ħafna! U prosit! Qatt ma rajt daqshekk tfal daqs hawn! Hi grazzja ta’ Alla! U rajt biss żewġt iklieb. Ħuti, ġibu t-tfal, ġibu t-tfal, li jkunu l-ferħ tagħkom, il-faraġ tagħkom fil-futur. Din hi l-verità: qatt ma rajt daqstant tfal. F’Timor-Leste biss kienu daqshekk kbar fil-għadd, imma fil-bliet l-oħra mhux daqshekk. Dawn huma l-ferħ tagħkom u l-glorja tagħkom. Ħuti, b’xorti ħażina nafu tajjeb li fost in-nazzjonijiet mhumiex neqsin raġunijiet kbar ta’ swied il-qalb: miżerja, gwerer, korruzzjoni, vjolenza. Ħa ngħidilkom ħaġa: xi drabi jiġu għall-udjenzi tfal Ukreni, li minħabba l-gwerra ġabuhom hawn. Tridu ngħidilkom ħaġa? Dawn it-tfal ma jitbissmux! Insew kif jitbissmu. Nitlobkom, ejjew naħsbu f’dawn it-tfal fl-artijiet tal-gwerra, fit-tbatija ta’ tant tfal.
Imma l-Kelma ta’ Alla dejjem tagħmlilna l-qalb. U quddiem it-tħarbit li qed ikisser lill-popli, il-Knisja tħabbar tama ċerta, li ma tqarraqx, għax il-Mulej ġej biex jgħammar fostna. U allura l-impenn tagħna b’risq il-paċi u l-ġustizzja jsib fil-miġja tiegħu qawwa bla tarf.
Ħuti, f’kull żmien u qalb kull tiġrib, Kristu hu preżenti, Kristu hu l-għajn tal-ferħ tagħna. Hu jinsab magħna fit-tiġrib biex ikompli jmexxina ’l quddiem u jagħtina l-ferħ. Ejjew inżommu dejjem fil-qalb tagħna dan il-ferħ, din iċ-ċertezza li Kristu jinsab magħna, jimxi magħna. Ma ninsewhx dan! U hekk b’dan il-ferħ, b’din iċ-ċertezza li Ġesù qiegħed magħna, inkunu hienja u nferrħu lill-oħrajn. Din għandha tkun ix-xhieda tagħna.
_______________________________
Radd il-ħajr finali fi tmiem il-Quddiesa
Nirringrazzja lill-Kardinal Bustillo tal-kelmiet tiegħu u ta’ din il-ġurnata
kollha li fiha ħassejtni veru d-dar! Grazzi lil dawk kollha li b’diversi modi
ħejjew għal din iż-żjara, lill-komunità ekkleżjali u lill-komunità ċivili.
Ibqgħu mexjin fl-armonija, fid-distinzjoni li mhix separazzjoni,
f’kollaborazzjoni dejjem b’risq il-ġid komuni. Irrid insellem ukoll lil kardinal
minn Corsica, li llum jinsab magħna, il-Kardinal Mamberti.
Insellem lill-morda, l-anzjani waħidhom, il-ħabsin. Il-Madunnaccia tagħti faraġ u tama lil min qed ibati. Kunu qrib tal-anzjani, tal-morda, tal-persuni waħidhom. Qrib bil-qalb, qrib bil-ġesti, qrib bl-għajnuna.
Ħuti, il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu jgħinkom biex ikollkom il-qalb miftuħa għad-dinja: it-tradizzjonijiet tagħkom huma għana li għandkom tħarsu u tikkultivaw, imma mhux biex jiżolawkom, qatt. Imxu ’l quddiem bit-tradizzjonijiet tagħkom, dejjem biex tiltaqgħu u taqsmu ma’ xulxin.
Grazzi lil kulħadd! Il-mixja t-tajba lejn il-Milied imqaddes! Grazzi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard