Laikos

 

Il-Papa Franġisku jsejjaħ lil Għawdex u Malta “teżor għall-Knisja”

Francesco Pio Attard

 

“Iż-żjara li, bħall-Predeċessuri tiegħi, għamilt fil-Grotta ta’ San Pawl ħaditni nixrob mill-għajn, biex il-Vanġelu jista’ jgelgel bil-qawwa f’Malta bil-freskezza tiegħu tal-bidu u jżomm ħaj il-wirt kbir tagħha ta’ reliġjożità popolari. Dan hu ssimbolizzat fis-Santwarju Nazzjonali Marjan ta’ Ta’ Pinu, fil-gżira ta’ Għawdex, fejn iċċelebrajna laqgħa intensa ta’ talb. Hemm ħassejt tħabbat il-qalb tal-poplu Malti, li tant għandu fiduċja fl-Omm Qaddisa tiegħu. Marija terġa’ teħodna dejjem għall-essenzjal, għand Kristu mislub u rxoxt, u dan għas-saħħa tagħna, grazzi għall-imħabba ħanina tiegħu. Ħa tgħinna Marija nżommu mkebbsa l-fjamma tal-fidi mixgħula min-nar tal-Ispirtu s-Santu, li jżomm ħajja minn nisel għal ieħor it-tħabbira tal-Vanġelu, għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza! Ma ninsewhiex dik il-frażi ta’ San Pawlu VI: il-vokazzjoni tal-Knisja hi li tevanġelizza, il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza. Ma ninsewhiex għax hija l-isbaħ definizzjoni ta’ min hija l-Knisja.”

 

Dawn kienu l-kelmiet li l-Papa Franġisku tenna nhar l-Erbgħa li għaddiet fl-Udjenza ġenerali fil-Vatikan, b’riferenza għas-36 Vjaġġ Appostoliku tiegħu li hu għamel fit-2 u t-3 ta’ April fil-gżejjer Maltin, u partikularment għall-waqfa qasira imma sinifikanti tiegħu f’Għawdex, li hu sejħilha “intensa”. Fil-Konferenza Stampa mal-ġurnalisti fit-titjira lura lejn Ruma l-Ħadd filgħaxija huwa kkummenta wkoll kif baqa’ mbellah bl-entużjażmu tal-Maltin. Ħafna kienu li nnotaw li miż-Żjara kollha l-laqgħa f’Ta’ Pinu kienet l-aktar waħda b’timbru ċelebrattiv u li rriflettiet il-“qalb tħabbat” u mimlija fidi tal-poplu tagħna.

 

Il-Papa wasal Għawdex is-Sibt waranofsinhar wara vjaġġ li telaq mill-Port il-Kbir fost xeni mill-isbaħ fuq il-katamaran Maria Dolores tal-Virtù Ferries li terrqu l-fliegu bejn il-gżejjer u wasslu fil-Port pittoresk tal-Imġarr. Hawn il-karozza uffiċjali tiegħu wasslitu sal-Belt Victoria billi għaddiet mit-triq prinċipali fuq it-trufijiet tal-irħula ta’ Għajnsielem u x-Xewkija, fejn sab bosta Għawdxin ħerqana biex isellmulu. Fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq ir-Repubblika, kollha mżejna għall-okkażjoni, huwa rikeb il-popemobile fost folol kbar li laqgħuh bil-kant u ċ-ċapċip, it-tixjir ta’ bnadar u mkatar, kif ukoll il-kant ta’ kor tat-tfal quddiem it-Teatru Aurora u d-daqq tal-innu marċ mill-Banda La Stella quddiem it-Teatru Astra.

 

Imbagħad bħall-predeċessur tiegħu f’Mejju 1990, wara li ħalla r-Rabat hu qabad Triq il-Papa Ġwanni Pawlu II lejn Ta’ Pinu. Fil-bidu tagħha, ħdejn il-mafkar tal-bronż f’ġieħ il-Papa Pollakk li fl-ewwel żjara ta’ Papa fil-gżejjer tagħna għadda minn din it-triq, Franġisku ġie milqugħ mill-Kor Regina Angelorum taż-Żebbuġ b’innu ta’ merħba. It-triq kollha lejn Ta’ Pinu n-nies ħarġet issellem lill-Papa li mbagħad sab tistennieh fuq iz-zuntier Ta’ Pinu ġemgħa ta’ xi 3,000 ruħ, li kienet ilha s-sigħat tistenna u tħejji ruħha bi programm informattiv u ċelebrattiv li ħejjiet id-Djoċesi ta’ Għawdex, animat minn Stefan Attard u Miriam Christine flimkien mal-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ, fejn intwerew ukoll features ta’ tagħrif fuq il-Madonna Ta’ Pinu u l-Papa.

 

Mal-wasla tiegħu f’Ta’ Pinu għal xi s-6.15pm, xi tliet kwarti iktar tard minn kif skedat, fost il-fervur kbir tal-Għawdxin u l-Maltin ixejru mkatar bojod u sofor – l-ilwien tal-Vatikan –, l-ewwel li għamel il-Papa kien li, għall-kant tal-Innu tas-Sena Marjana, daħal pellegrin bħalna fis-Santwarju, akkumpanjat mir-Rettur Dun Gerard Buhagiar, u talab fis-skiet fil-Kappella tal-Madonna, u bħalma xtaqet Ommna Marija minn dak il-kwadru mirakoluż tagħha meta sejħet lil Karmni Grima fl-1883, talab it-tliet Avemarijiet f’ġieħ l-Assunzjoni tagħha. Qiegħed ukoll f’riġlejha b’omaġġ il-Warda tad-Deheb, it-tieni waħda li taha Kap tal-Knisja Kattolika. Preżenti wkoll il-Kardinal Għawdxi Mario Grech.

 

Għalkemm viżibbilment għajjien minħabba l-uġigħ fi rkopptu, il-Papa fi triqtu ’l barra mis-Santwarju, huwa u miexi l-korsija, waqaf kemm-il darba jsellem u jbierek lill-persuni vulnerabbli miġbura fuq ġewwa, fuq 200 minn djar tal-Knisja u tal-Istat, fosthom Dar Arka, u anki mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Kienu xeni emozzjonanti u anki li jnisslulek demgħa!

 

Fuq barra mbagħad bdiet il-Laqgħa ta’ Talb bit-tislima tal-Papa u d-diskors sabiħ ta’ merħba mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li kien miegħu fuq il-popemobile t-triq kollha minn xħin rifes il-gżira. Wara dan, koppja Għawdxija li għaddejja minn esperjenza ta’ tbatija u mard – Sandi u Domenic Apap – u mbagħad żewġ żgħażagħ attivi fil-Knisja f’Għawdex – Jennifer Cauchi u Francesco Pio Attard – irrakkontaw quddiem il-Papa l-esperjenzi tal-fidi tagħhom u r-rabta tal-poplu tagħna mas-Santwarju Ta’ Pinu.

 

Id-djaknu Gabriel Vella ħabbar is-silta mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li turi lill-Verġni Marija u Ġwanni taħt is-salib, li kienet ukoll il-bażi għall-omelija mill-isbaħ tal-Papa, li fiha tkellem dwar kif mis-Salib ta’ Ġesù toħroġ it-tama ta’ bidu ġdid għall-Knisja. Minn hawn aħna wkoll niskopru mill-ġdid l-essenzjal tal-fidi u nitgħallmu niżviluppaw l-arti tal-akkoljenza. Qabbel lil Malta u Għawdex, “żewġ komunitajiet sbieħ”, ma’ Marija u Ġwanni li jilqgħu lil xulxin fil-komunjoni. “Intom teżor fil-Knisja u għall-Knisja”, qal il-Papa, fost iċ-ċapċip qawwi tal-folla.

 

Fl-omelija tal-Papa spikkat għal seba’ darbiet l-espressjoni qawwija miżjuda minnu dak il-ħin Għax il-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza!, sejħa mill-ġdid biex il-Knisja lokali, imsieħba minn Marija u fuq l-eżempju tagħha, tirrifletti fuq l-għana tal-evanġelizzazzjoni.

 

Iċ-ċelebrazzjoni kompliet bil-kant tal-Magnificat u t-talba tal-Missierna li l-Papa beda bl-ilsien Malti, u għalqet bil-preżentazzjoni ta’ żewġ rigali: bassoriliev tal-Madonna Ta’ Pinu maħdum fil-ġebla Maltija mill-artist Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi; kif ukoll pittura simbolika xogħol Joseph Calleja, li qatta’ snin ta’ riabilitazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u li turi l-Madonna Ta’ Pinu, in-Nawfraġju ta’ San Pawl, u xi rifuġjati. Din tqassmet ukoll bħala santa ta’ tifkira.

 

Fost il-kant sabiħ tal-innu ta’ Dun Karm Ismagħha l-għanja u għad-dawl tax-xemx nieżla mill-bogħod fuq id-Dwejra, il-Papa reġa’ ħalla z-zuntier biex qabad triqtu l-ewwel lejn il-Belt Victoria u mbagħad lejn l-Imġarr, fejn il-vapur Ta’ Pinu wasslu lura Malta, fi tmiem l-ewwel jum ta’ dan il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu.

 

Publikata l-ewwel darba f'Il-Leħen, 17/04/2022.