Laikos

 

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

 

MARIJA, IL-KEWKBA TAL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA

 

Il-Papa Franġisku jagħlaq l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu) b’Marija bħala “l-Omm tal-evanġelizzazzjoni ġdida”. Ġesù, fuq is-salib, tana lil ommu bħala rigal għax ma riedx li aħna nimxu mingħajr omm. Hekk, bħala mudell, għandna l-ikona femminili u f’din ix-xbieha ta’ omm naqraw il-misteri kollha tal-Vanġelu. 

 

Il-Papa jagħmel lista’ ta’ episodji mill-Vanġelu fejn Marija turi li hi l-omm tat-tħabbira tal-kelma t’Alla. Hi taf tibdel għar tal-annimali f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa. Hi l-qaddejja umli tal-Mulej li tifraħ waqt li tfaħħar ’l Alla bil-Magnificat. Hi l-mara li l-ħin kollu attenta li ma jmurx jonqos l-‘inbid’ fil-ħajja tagħna. Hi dik b’qalbha minfuda mis-sejf, li tista’ tifhem l-uġigħ kollu tagħna. Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal ta’ tama għall-ġnus li qed ibatu l-uġigħ tal-ħlas sakemm jasal żmien isbaħ fejn tirbaħ il-ġustizzja. Marija hi l-missjunarja li tersaq qrib tagħna biex tissieħeb magħna f’ħajjitna, u bl-imħabba tagħha ta’ omm tiftħilna qalbna għall-fidi. Hi l-omm li timxi magħna, tissielet magħna u xxerred fostna bla waqfien l-imħabba ta’ Binha. 

 

Illum aħna nieqfu b’ħarsitna fuq Marija, biex tgħinna nxandru lil kulħadd il-messaġġ tas-salvazzjoni u biex id-dixxipli ġodda jsiru evanġelizzaturi ħabrieka. F’dan il-pellegrinaġġ ta’ evanġelizzazzjoni ma jonsqux il-waqtiet ta’ qtigħ il-qalb, ta’ dubju u ta’ tbatija, bħalma ġarrbet Marija fis-snin ta’ Nazaret, meta Ġesù kien għadu jikber.  

 

Il-Papa jgħid li l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja għandha stil Marjan. Għax kull darba li nħarsu lejn Marija nkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa tal-ħlewwa u tal-imħabba. F’Marija naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi. Inħarsu lejha u naraw fiha dik li faħħret lil Alla għax “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom” u “l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1,53).

 

Marija hi l-istess waħda li tara li jkun hemm dik il-ħeġġa familjari fit-tiftix tagħna tal-ġustizzja.  Hi wkoll dik li tgħożż f’qalbha “dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19).  Marija tikkontempla l-misteru t’Alla fid-dinja, fl-istorja u fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna. Hi l-mara li titlob u taħdem f’Nazaret, u hi wkoll l-Omm tagħna tas-Sokkors, dik li ħalliet ir-raħal tagħha biex “marret tħaffef” (Lq 1, 39) tgħin lill-oħrajn.  Din l-attitudni ta’ kontemplazzjoni u ta’ mixja lejn l-oħrajn tagħmel minnha mudell għall-Knisja fl-evanġelizzazzjoni tagħha. 

 

Il-Papa Franġisku jispiċċa l-Eżortazzjoni ‘Il-Ferħ tal-Evanġelju’ b’talba sabiħa lil Marija, ‘il-kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida’, biex tgħinna nkunu dawl ħalli l-ferħ tal-Vanġelu jasal sa truf l-art u l-ebda periferja ma tisfa mċaħħda mid-dawl tiegħu.