Laikos

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

 

SOLIDARJETÀ MAL-IMWARRBIN

 

 Il-Papa Franġisku għandu ħafna għal qalbu l-“għażla preferenzjali tal-Knisja għall-foqra”. Tant hu hekk li jitkellem fit-tul dwar din l-għażla fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu). Il-Papa jfakkar li Kristu għex fqir u kien dejjem qrib tal-foqra u l-imwarrbin.

 

Bħala individwi u bħala komunità aħna msejħa biex inkunu għodda f’idejn Alla biex nagħtu ħajja aħjar lill-foqra ħalli jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Dan jitlob li nkunu attenti għal fejn hemm il-faqar u nħaffu biex nagħtu l-għajnuna kif nistgħu. Mingħajr solidarjetà mal-foqra ma jistax ikollna relazzjoni tajba m’Alla, kif jikteb San Ġwann: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3:17)

 

Il-Papa jgħid li l-kelma “solidarjetà” tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha u xi kultant tinftiehem ħażin, għax solidarjetà tfisser wisq aktar minn xi azzjoni ta’ karità ’l hawn u ’l hemm. Is-solidarjetà titlob li noħolqu mentalità ġdida biex il-ġid ma jkunx biss tal-ftit, imma jservi aħjar għall-ġid komuni. Il-fatt li nies twieldu f’post li għandu inqas riżorsi jew inqas żvilupp ma jiġġustifikax li jgħixu b’inqas dinjità minn oħrajn. Dawk li huma iżjed xortihom tajba għandhom iċedu xi wħud mill-jeddijiet tagħhom biex b’ġenerożità jqiegħdu l-ġid tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.

 

Ma niqfux biss fuq li jiġi żgurat l-ikel jew il-manteniment xieraq lil kulħadd, imma wkoll f’dik li hi prosperità fl-aspetti diversi tagћha, bħall-edukazzjoni, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, u speċjalment ix-xogħol, għax hu hemm li l-bniedem jesprimi u jikber fid-dinjità li jagħti lil ħajtu.  Meta jingħata paga xierqa, wieħed jista’ jkollu aċċess għal ġid ieħor, li qiegħed hemm biex jintuża minn kulħadd.

 

Il-Papa jikkwota lill-Papa Emeritu Benedittu XVI, li jfisser x’inhi l-“għażla favur il-foqra”. Hi xhieda speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fl-eżerċizzju tal-imħabba Nisranija. Kristu sar fqir għalina, biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna. Aħna msejħin biex niskopru lil Kristu fil-foqra, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, inkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom.

 

Fost is-sitwazzjonijiet ta’ faqar, il-Papa jsemmi dawk in-nisa li huma doppjament foqra għax imwarrba, ittrattati ħażin jew bi vjolenza, mingħajr possibbiltà li jħarsu l-jeddijiet tagħhom. Hemm ukoll it-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom. Il-Papa jammira l-eroiżmu fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji foqra fid-difiża u l-għożża tal-qraba tagħhom u jassigurahom bl-impenn tal-Knisja, li żżommhom dejjem fi ħsiebha u f’qalbha.