Laikos

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

IR-RUĦ SOĊJALI TAL-VANĠELU

 

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), jitkellem dwar l-aspett soċjali li fih il-Vanġelu, li hu stedina għal titjib fil-ħajja tagħna u sejħa għall-ħidma ta’ karità bejnietna. Hu ċar fil-Vanġelu li  Alla sar bniedem mhux biss biex jifdina imma biex bit-tagħlim u bil-ħajja tiegħu jagħti xhieda ta’ kif għandna ngħixu f’solidarjetà li tant teħtieġ id-dinja tal-lum.

 

Il-Papa jfakkarna li l-Mulej dejjem jara kif jagħmel biex jindiehes f’kull sitwazzjoni tagħna hekk li jidħol fis-sqaqien soċjali kollha ħalli jqanqal għall-imħabba u l-kura ta’ xulxin. Il-Vanġelu ma jħalliniex nikkuntentaw biss b’relazzjoni personali m’Alla imma wkoll li naqsmu dak li pprovdielna mal-oħrajn. Lanqas ma jrid li ħajjitna tirriduċi ruħha f’ġabra ta’ ġesti żgħar li kultant nagħmluhom ma’ min hu fil-bżonn. Faċli li b’hekk inserrħu l-kuxjenza tagħna; inkunu qed ngħixu karità fuq Vanġelu mfassal à la carte.

 

Il-Vanġelu jistedinna għall-fraternità u għall-ġustizzja. Jiftħilna għajnejna li l-Inkarnazzjoni ma waqfitx, għax Ġesù għadu jittallab il-ħniena: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi. (Mt 25,40)  Is-solidarjetà tagħna hi tweġiba għall-ħniena li Alla wera magħna: “Ħennu, bħalma hu ħanin MissierkomTiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom lilkom.” (Lq 6,36-38) Din l-aħħar frażi hi ripetuta f’Mattew (7,2) għax aħna ma nistgħux nonqsu mid-dmirijiet tagħna lejn il-batut u qisu ma ġara xejn.

 

Il-Papa jinkuraġġixxi l-laqgħat u d-diskussjonijiet li jsiru bil-għan li tingħata ruħ soċjali lis-soċjetà ta’ żmienna, imma hemm bżonn ta’ azzjonijiet konkreti biex il-prinċipji soċjali ma jitqegħdux fil-ġenb, għax jibqgħu ma jċaqalqu xejn. Għalhekk il-Knisja għandha dritt li turi l-fehmiet tagħha fuq dak kollu li jolqot il-ħajja tal-bnedmin. Ir-reliġjon mhix qiegħda biss biex tipprepara l-erwieħ għall-Ġenna u għalhekk m’għandhiex tkun magħluqa bejn il-persuni bla ma jkollha ebda effett fuq il-ħajja soċjali u nazzjonali. Il-Knisja trid taħdem biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tesprimi ruħha fuq il-ġrajjiet li jinteressaw lin-nies. 

 

Il-Papa jġib l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi u ta’ Santa Teresa ta’ Calcutta, li ma fittxewx il-kumdità tagħhom, ma kinux individwalisti, imma kellhom fidi awtentika b’xewqa profonda li jħallu d-dinja aħjar milli sabuha. Huma mudell ta’ kif irridu nħobbu l-umanità, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha.