Laikos

 

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

 

L-OMELIJA TAL-QUDDIESA

 

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), iI-Papa Franġisku jitfa’ dawl fuq l-omelija tal-Quddiesa li għandha valur speċjali minħabba l-kuntest Ewkaristiku tagħha, li jagħmilha aqwa minn kull xorta oħra ta’ katekeżi. Il-Papa jgħid li l-omelija hi mument privileġġat bejn Alla u l-komunità Nisranija għax tibni fuq id-djalogu li diġà hu miftuħ bejn Alla u l-poplu tiegħu.

 

Imma biex l-omelija tħalli l-ġid jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni serja min-naħa tal-Knisja. Il-Papa jfakkar li t-tħabbira tal-kelma fil-liturġija, speċjalment fil-Quddiesa, mhijiex ħin ta’ meditazzjoni u ta’ katekeżi, imma hi taħdita bejn Alla u l-persuni li qed titħabbrilhom il-ġrajja meraviljuża ta’ kif Alla mexa mal-bniedem.

 

Bl-esperjenza twila tiegħu fil-komunikazzjoni mal-pubbliku, il-Papa jagħti xi pariri lis-saċerdoti dwar l-omelija. Jgħid li min qed jipprietka jrid jifhem il-qalb tal-komunità tiegħu biex ifittex fejn hi ħajja u mħeġġa x-xewqa għal Alla, u anke fejn dan id-djalogu ta’ mħabba seta’ safa fgat jew ma setax jagħmel frott. Għax spiss jiġri li dawk li qed jisimgħu jbatu biex isegwu l-omelija, filwaqt li s-saċerdoti jkollhom diffikultà biex iwasslu sew il-messaġġ li jixtiequ. Din hi ħaġa ta’ swied il-qalb għax l-omelija tista’ tkun tabilħaqq esperjenza qawwija u ta’ ferħ tal-Ispirtu; tista’ tkun laqgħa mimlija faraġ mal-kelma t’Alla u għajn kostanti ta’ tiġdid u ta’ maturità.

 

Il-Papa jissuġġerixxi li l-omelija għandha tkun qasira u tevita li tidher qisha xi konferenza jew lezzjoni tad-duttrina. Anke jekk is-saċerdot jaf ikun kapaċi jżomm in-nies attenti għal tul ta’ ħin, x’aktarx li l-kelma tiegħu tispiċċa ssir iktar importanti miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Omelija twila ddgħajjef lil żewġ karatteristiċi taċ-ċelebrazzjoni liturġika, li huma l-armonija bejn il-partijiet tagħha u r-ritmu tagħha.  Dan jitlob li l-kelma tas-saċerdot ma tiħux spazju żżejjed, biex tħalli lill-Mulej jgħajjex lill-fidili bil-preżenza tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. L-omelija lanqas m’għandha tkun xi spettaklu ta’ divertiment, imma għajnuna li tagħti ħeġġa u tifsira liċ-ċelebrazzjoni kollha. 

 

Stedina mill-qalb tal-Papa lis-saċerdoti hi li fl-omelija għandhom jitkellmu bħalma omm titkellem ma’ wliedha fil-ħajja ta’ kuljum, li jkunu qrib tan-nies, li jużaw ton ġentili fil-vuċi, li juru ħlewwa fl-istil ta’ kif iwasslu l-kelma u li l-ġesti li jużaw juru ċertu ferħ. Anke meta l-omelija xi kultant tkun tidher tedjanti, jekk fiha jinħass dan l-ispirtu ta’ ħlewwa, dejjem sa tħalli l-frott, l-istess kif il-pariri ta’ omm li xi kultant idejqu ’l uliedha, maż-żmien iħallu l-ġid f’qalb l-istess ulied.

 

Il-Papa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Mulej tassew jedha jiddjaloga mal-poplu tiegħu u allura s-saċerdoti li qed iwasslu l-omelija jridu jfittxu mod kif in-nies li qed jassistu għall-omelija tagħhom iħossu dan il-gost qaddis.