Laikos

 

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

 

IL-GWERER TA’ BEJNIETNA

 

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), li qed nirriflettu fuqha din is-sena, isemmi n-nuqqas ta’ mħabba li teżisti fil-komunitajiet. Ikun hemm diżgwid anke fi gruppi tal-Knisja, għax xi wħud ma jħossux li huma parti mill-Knisja sħiħa, bil-varjetŕ sabiħa li għandha fi ħdanha, imma jqisu ruħhom ta’ dan il-grupp jew tal-ieħor. Minflok ma jaħdmu għall-veru ġid tal-Knisja, ifittxu l-interessi tal-grupp tagħhom. Meta dan l-ispirtu tad-dinja jidħol ‘il ġewwa, xi wħud ma jibqgħux fil-Knisja biex imbagħad joqogħdu jqajmu inkwiet u kontroversji. 

 

Allura l-Papa jgħid li jixtieq jitlob b’mod speċjali lill-Insara tal-komunitajiet kollha tad-dinja biex ikunu xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir dawl li jiġbed lill-oħrajn għat-tajjeb. Hekk kulħadd ikun jista’ jammira l-mod kif il-membri tal-komunitajiet iqawwu qalb xulxin u jieħdu ħsieb xulxin. Il-Papa jfakkar fi kliem Kristu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35). Dan hu li talab bil-ħrara Ġesů lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17,21). Il-Papa jitlobna noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tal-għira, u ndaħħlu f’rasna li aħna lkoll qegħdin fuq l-istess dgħajsa u mexjin lejn l-istess port. Nitolbu l-grazzja li nifirħu bil-frott ta’ xulxin, li hu l-frott ta’ kulħadd.

 

Il-Papa jagħmel appell mill-qalb lil dawk li jħossuhom miġruħa minn firdiet antiki u li diffiċli jaċċettaw il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni għax jaħsbu li l-Knisja hi b’għajnejha magħluqa għall-uġigħ tagħhom. Imma jekk huma jaraw ix-xhieda ta’ komunitajiet fraterni u rikonċiljati, din dejjem hi dawl li jiġbed lejh.  Il-Papa jgħid li jħossu mweġġa’ ħafna meta jara kif f’xi komunitajiet Insara, u saħansitra bejn persuni kkonsagrati, jitħalla wisa’ għal bosta xejriet ta’ mibegħda, firda, għira u xewqa li l-persuni jimponu l-ideat tagħhom, hu x’inhu l-prezz, u sa persekuzzjonijiet li qishom ġuri bla ħniena. Il-Papa jistaqsi: “Lil min irridu nevanġelizzaw b’din l-imġiba?

 

Nitolbu lill-Mulej ifehimna l-liġi tal-imħabba. Kemm hu ta’ ġid għalina li nħobbu lil xulxin, minkejja kollox!  It-twissija ta’ Pawlu tgħodd għal kull wieħed u waħda minna: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12,21).  U mill-ġdid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid” (Gal 6,9).  Kollha għandna s-simpatiji u l-antipatiji tagħna, u forsi propju bħalissa aħna rrabjati għal xi ħadd. Tal-inqas ngħidu lill-Mulej: “Mulej, jien irrabjat għal dan, għal din. Nitolbok għalih u għaliha”.  Li nitolbu għall-persuna li magħha kellna xi ngħidu hu pass sabiħ lejn l-imħabba, u hu att ta’ evanġelizzazzjoni. Ma nħallux lil min jisirqilna l-ideal tal-imħabba fraterna!