Laikos

 

Fr Reuben Deguara dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Evangelii Gaudium’

 

MA JKOLLNIEX WIĊĊ TA’ FUNERAL

 

F’din it-tieni parti tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-ferħ tal-Vanġelu), il-Papa Franġisku jurina kemm hi ħaġa sabiħa li dak li hemm tajjeb fina nwassluh lill-oħrajn. Billi t-tajjeb minnu nnifsu għandu t-tendenza li jixtered, kull esperjenza ta’ verità u ta’ ġmiel fina tista’ tgħallem u tferraħ lill-oħrajn. It-tajjeb jiżviluppa u jrabbi l-għeruq meta jinqasam mal-oħrajn. Din hi wkoll responsabbiltà, kif jgħid San Pawl: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9, 16). Meta t-tajjeb tagħna  naqsmuh mal-oħrajn inkunu qed insaħħuh fina stess. Xi drabi jkun hemm bżonn li, biex ningħataw lill-oħrajn, ikollna nħallu “x-xatt żgur tagħna”. Ix-“xatt” ifisser il-ħajja komda u meta nagħżlu li ningħalqu fina nfusna.

 

Importanti li dak li aħna rċevejna permezz tal-fidi fi Kristu nwassluh bil-ferħ lill-oħrajn. Togħġobni l-espressjoni tal-Papa meta jgħid li min iwassal l-Aħbar tal-Vanġelu “m’għandux ikollu l-ħin kollu wiċċ ta’ funeral”. U jgħidilna li hemm bżonn niksbu mill-ġdid dak “il-hena ħelu li jagħtina l-qawwa, anki meta jkollna niżirgħu fid-dmugħ”. Dan għaliex id-dinja ta’ żminijietna, li qiegħda tfittex kultant bi qsim il-qalb u kultant bit-tama, jirnexxilha tirċievi l-Aħbar it-Tajba “mhux mingħand ħabbara bla ħeġġa, qalbhom maqtugħa, bla sabar u anzjużi, iżda mingħand ħbieb tal-Vanġelu li huma ta’ ħajja mkebbsa bil-ħeġġa, li rċevew il-ferħ ta’ Kristu.”

 

Filwaqt li bl-ikbar ġenerożità nħabirku ħalli nwasslu l-ferħ tal-Vanġelu kif ukoll il-fidi tagħna lill-oħrajn, irridu nifhmu li din il-missjoni mhix inizjattiva tagħna, imma tal-Mulej. Kristu, li hu l-ewwel ħabbar, qed isejħilna biex naħdmu id f’id miegħu; għalhekk jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li b’mod misterjuż idawwalna u jqanqal fina l-ħeġġa biex inwasslu l-imħabba tiegħu. Il-Papa jitlobna nwasslu l-Vanġelu b’mod dejjem ġdid, imma mingħajr ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna. B’hekk ma ninsewx l-istorja ħajja li qed tħaddanna fiha bħala dixxipli ta’ Kristu u tmexxina ’l quddiem.  Il-memorja hi element importanti fil-fidi tagħna, tant li Ġesù għażel li jħallilna l-Ewkaristija bħala tifkira ħajja tiegħu ta’ kuljum fil-Knisja. Il-ferħ tat-tħabbira tal-Vanġelu jilma dejjem fuq l-isfond ta’ memorja li hi grazzja minn Alla u għandna nitolbuhielu. Anke l-Appostli qatt ma nsew dak il-waqt li fih Ġesù mess lil qalbhom fl-Aħħar Ċena. 

 

Aħna nifirħu meta nġeddu l-memorja ta’ nies li influwenzaw lil ħajjitna hekk li seta’ xxettel fina dan il-ferħ tal-Vanġelu. Dawk li daħħluna fil-ħajja tal-fidi setgħu jinkludu persuni sempliċi u qrib tagħna, bħall-ġenituri, in-nanniet, is-saċerdoti u l-katekisti. Il-memorja tagħhom tiffriska l-fidi tagħna.