Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Predikazzjoni

Minn David Rossi

 

Fl-Arkivju tat-Tereżjani f`Bormla hemm għadd ta` Priedki miktuba mill-Patrijiet li kienu jiffurmaw parti mill-komunita` tal-Karmelitani Skalzi f`Malta matul iż-żmien. L-aktar waħda antika misjuba sa issa ġġib id-data tal-1882 minn Patri li kien joqgħod Malta għal madwar ħamsa u għoxrin sena wara li kien ġie mill-Italja.

Fis-sekli ta` qabel  il-priedka kienet essenzjali sabiex titwassal l-aħbar it-tajba lill-parruċċani.  Tant huwa hekk li prelati bhal Kardinal Karlu Borromeo kienu ħejjew il-mod kif setgħet issir eżortazzjoni f` waqta b`enfasi fuq il-messaġġ ta` Kristu.

Fil-Biblijoteka tat-Tereżjani nsibu diversi kotba li setgħu ġew użati mill-qarrejja tagħhom sabiex titħejja xi preżentazzjoni f`waqta. Fil-fatt fil-kunvent f` Birkirkara nsibu l-ktieb ta` Padre Guglielmo di Segau, Ġiżwita li fis-sena 1757 ħareġ volum jismu Panegirici de Santi Discorsi Sacri, Orazioni Funebri e Ragionamenti Morali su I Misteri di Cristo e della Vergine Venezia.   Hemm priedki għall-okkażżjonijiet ewlenin fil-Knisja bħaċ-Ċirkonċiżjoni, Epifanija, Purifikazzjoni, Annunzjoni u Pentecoste kif ukoll l-Ottava tal-Ġħid il-Kbir u s-Santissima Trinita` fost oħrajn. Insibu wkoll diskors funebri għar-Real Principe Il Delfino u Paneġierku għal San Francesco di Sales kif ukoll ħsieb għal waqt Professjoni Reliġjuża.    

F` Malta tas-seklu tmintax kien hemm bżonn permess mill-Isqof sabiex predikatur ikun jista` jagħmel il-ħsieb tiegħu waqt xi funzjoni reliġjuża ta` xi kongregazzjoni.  Riflessjonijiet kienu magħmula minn Rev Fr Guachino Sammut għal dawk fil-konservatorju li kien jiġbor fih nisa f` diffikulta waqt li Don Giuseppe Vella ta permess lir-Rożarjanti biex isibu predikatur għall-ewwel sibt tax-xahar.   L-istess konfraternita` għażlet lil Reverendu Fr Francesco Vassallo għar- Randan u lill-Karmelitan  Fra Giovanni Antonio Viviani għall-festa tar-Rużarju.  Don Giuseppe Crispo ippriedka bit-taljan għas-Sodalita` tal-Erwieħ, il-Belt, waqt li l-Konfraternita` tas-Sagrament ħallset 2 tari` għat-tagħlim Nisrani qabel il-purċissjoni tal-Ħadd. F`Ruma l-Arċikonfraternita li kienet tieħu ħsieb il-pellegrini Sqallin kienet qabbdet lill-Kappuċċini sabiex jitkellmu bid-djalett Siċiljan waqt il-festi reliġjużi fil-Knisja ta` San Bernard. 

Fl-1718 diskors reliġjuż tal- Confraternita` della Carità rrefera għal dawk preżenti bħala wlied adottivi tal-Verġni Mqaddsa u bħala dixxendenti spiritwali ta` San Pawl.  Malta kienet meqjusa mill-predikatur bħala fortizza li waqfet lill-infidili permezz tal-interċessjoni tal-Madonna.  Omm Alla kienet meqjusa bħala l-Eva l-ġdida dejjem lesta sabiex tinterċedi u teħles lill-bniedem mill-waqat tiegħu. F`din l-okkażżjoni il-predikatur saħaq dwar `il bżonn ta` għajnuna lill-fqar u t-twettieq tal-opra pija speċjalment għajnuna lil dawk qrib il-mewt biex ikollhom passaġġ xieraq għall-ħajja ta` dejjem.

Il-Priedki kienu meqjusa meħtiega sabiex iwasslu l-kelma t`Alla u nsibuhom ukoll bil-Malti għan-novena tal-Milied Mqaddes tas-sena 1757.  Hawn il-predikatur jindirizza lir-ruħ devota u lill-Maltin ħutu sabiex ibierku lil Alla li dejjem juri ħniena u jagħti l-hena u l-imħabba.  Jitkellem dwar is-sehem tal-Arkanġlu Gabrijel, il-Messaġġier tal-ferħ, fl-indirizz tiegħu lejn Omm Alla ‘Ibda min dalodu isma w adura lil Marija Annunziata mill- Arkanġlu Gabrijel li jagħtiha l` aħbar ’. Il-Malti kien użat  ukoll fil-kitba u nsibu `Taghlim Nisrani  tal-1752 minn Don Franciscu Uzzinu.

Il-priedki kienu jsiru mis-saċerdoti u r-reliġjużi b`xi riferenza primarja mniżżla bil-lingwa Latina.   Wieħed minn dawn il-Predikaturi kien Padre Paolo dell` Immaculata Concezione CS li kien ġie f`Malta fis-seklu dsatax mill-Provinċja tal-Lombardija. Il-priedki tiegħu huma mniżżla f` pitazzi zgħar bid-data ndikata mis-sena misjuba fil-ġenb tal-ewwel paġna.  It-temi tal-priedki huma dwar qaddisin bħal Sant Anna u San Ġużepp.  Hemm oħra dwar San Antonio u SS Piaghe tal-1900.  Il-priedka tal-Immakulata nkitbet fl-1887 u saret fil- Kolleġġjata ta` Bormla  madwar l- 1919.          

Padre Paolo kien sottopriore f`Milan u kellu taħt l-osservanza tiegħu lill-Patri Malti Eliseo di S. Francesco waqt li kien qed jistudja. Paolo għamel ħafna ġid waqt li kien fis-semi-provinċja ta` Malta u kien ukoll Bibliotecario tal-kunvent ta` Bormla.  Fil-fatt, għad għandna nsibu reġistru ddettaljat magħmul minnu fl-1910 Catalogo dei Libri delle Biblioteca del Convento di Nostra Santa Madre Teresa, Cospicua, Malta.  Kien Lettore di Teologia għal diversi drabi u maħtur  Pirjol tal-Kunvent ta` Birkirkara għal darbtejn.  Kellu użanza li jippriedka bit-Taljan u tul iż-żmien ħa l-inkarigu tal-eżerċizzi u l-konferenzi.  Miet wara xi sentejn li ħalla lil Malta għal Milan madwar is-sena 1930. 

Priedki oħra ddettaljati huma ta` Padre Edoardo di St Teresa u ta` Patri Carmelo tal-Immakulata Kunċizzjoni fost oħrajn.  Hemm oħrajn tal-Provinċjal Patri Lwigi ta` Kristu Re u  l-Panegirico del SS Nome di Gesu` Bambino di Praga tas-sena 1921 minn Patri Raimondo M di S Teresa. 

 

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l-Priedki ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

Referenza: Catalogo: Confraternita` della Carita` Valletta.  Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua.   Bibliotecha Conv. St Alphonsi Carmelitani Scalzi  Birchircarae Melitae: Panegirici de Santi Discorsi Sacri, Orazioni Funebri e Ragionamenti Morali su I Misteri di Cristo e della Vergine del Padre Guglielmo di Segau della Compagnia di Gesu` in Venezia MDCCLVII.