Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Librerija (II)

Minn David Rossi

  

Għalkemm il-Bibliotecha Nazzjonali fil-Belt tiġbor kollezzjoni vasta ta` kotba mħollija mill-Kavalieri tal-Ordni Sovran ta` San Ġwann nsibu materjal interessanti  ta` min jixtarru sew fil-libreriji tal-Ordnijiet Mendikanti u Marjani. Infatti, fil-kunvent tal-Ordni Dumnikan tal-PortoSalvo hemm il-Biblia Sacra Arabica Tomus I sa  IV kif ukoll Synodus Melevitana tal-Isqfijiet tal-Knisja f` Malta taħt  l-Ordni bħal Cammarasa, De Molina u Cocco Palmieri.  Fost it-teżori li wieħed jiltaqa` magħhom hemm ktejjeb ċkejken dwar ir-relikwi misjuba f` Malta fl-istess perjodu Il Tesoro delle S Reliquie conservate in Malta nella Maggiore Chiesa Conventuale di S Gio. Battista dell` Ordine Gerosolmitano minn F. Melchiore Agius Roma 1750  u materjal ieħor fuq l-Ordni Sovran bħal L`Origine della Sacra et Emin Religione Gerosolmitana  ta` Conte Aldigherio Fontana Parmegiano, Bologna, 1718.  

 

It-Tereżjani ukoll qegħdin bħalissa jixtarru l-kotba misjuba fil-Librerija Oriġinali li kienet isservi il-Kunvent waqt l-attivita’ tal-Kulleġġ fis-seklu sbatax u tmintax fil-preparazzjoni għall-Missjunarji fil-Persja u pajji oħra.  Naraw kif waqt il-ħidma fejjieda li kienet għaddejja fil - Kunvent tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi ġewwa Birkirkara, Brother Manwel Aquilina OCD sab ktieb prinċipali dwar l-Ordni Tereżjan mill-bidu nett sal-1780 b` kull dettal imniżżel jum jum dwar fatti tas-Santa Madre Teresa di Gesu` kif ukoll tal-Ordni mwaqqaf minnha, fundazzjonijiet tal-Kunventi, Kapituli Ġenerali u Reliġjużi Patrijiet u Sorijiet defunte. Dan il-ktieb li jġib l-isem ta`  Effemerologio Carmelitico Teresiano (Arezzo, 1840) Tipografia Bellotti jitfa` dawl interessanti fuq-oriġini tal-Ordni Tereżjana f`Malta  f`paġna 12 taħt il-11 ta` Jannar 1626 u f` paġna 164 għas-27 t` Awwissu  1616. 

 

Nsibu li l-fundazzjoni tal-Kunvent Tereżjan f’Bormla fl-1626 taħt il-protezzjoni ta` Santa Tereża ta` Gesu`( ta’ Avila) kienet seħħet bis-sehem ta` Fr. Paolo Battista di S Pietro waqt li Monsignor Baldassare Cagliares, Isqof ta` Malta, kien il-fundatur li b`tant karita` pprovda għal żmien twil għall-manteniment tal-kunvent.

 

Naraw li l-Isqof wasal sabiex jiftaħ it-triq għat-Tereżjani f` Malta wara l-eżempju tajjeb li ħa mingħand l-ewwel Malti Tereżjan P.  Paolo Battista di S Pietro li miet fl- 1616 ġewwa S Silvestro sopra Frascati.  Insodisfatt milli tati d-dinja kien wasal Ruma għall-istudju u ħa d-dottorat in ambe le leggi.  Daħal fil-Kunvent Tereżjan ta` S Maria della Scala fejn ipprofessa u wara ddeċida li jħalli l-patrimonju tiegħu sabiex jagħti dota lil dawk li jkunu sa jiżżewġu.  L-Isqof ta` Malta dejjem ra fih ħafna umilta’ u ubbidjenza erojka tant li skont l-awtur tal-ktieb imsemmi waqqaf il-kunvent minħabba l-eżempju tajjeb tiegħu u wara kompla jagħti s-sostenn meħtieg.   Tagħrif miġbur minn P Manwel Schembri OCD fuq l-Ordni Tereżjan f`Malta jurina li P. Paolo Battista Manduca  twieled fis-seklu sittax u għamel il-professjoni fit-23 ta` Ġunju 1613 f` S Maria della Scala.  Kien  membru tal-Provinċja Rumana u mniżżel bħala l-ewwel patri Malti fi ħdan l-Ordni Tereżjan li nafu bih.  Jidher li l-Isqof Cagliares kien jafu Ruma meta kien iżur is-Santa Sede fuq diversi xogħolijiet għad-Djoċesi ta`Malta, fosthom il-bini tal-Palazz tal-Isqof, fil-Belt Valletta.  Wara it-twaqqif ta` l-Ordni f`Malta Il-Collegio della S.M.Teresa kien suġġett direttament għall-Preposito e Definitorio Generale fiż-żmien indikat. 

 

Nsibu li fl-1842, sentejn wara l-pubblikazzjoni, dan il ktieb kien f`idejn - a semplice uso - ta` Fr Giuseppe Maria del S Cuor di Gesu` Karmelitan Skalz u kien misjub fil-Biblijoteka  tal-Kunvent S Thereae bħala l-1359 ktieb minn xi kollezzjoni ta` madwar elfejn pubblikazzjoni.   

 

Aparti fuq l-Ordni Tereżjan, hemm kotba oħra ta` nteress għall-istorja ta` Malta Gerosolmitana bħal  Malte par un voyageur Francois tal-1791.  Din il-pubblikazzjoni bil-lingwa Franċiża hija mniżżla fil-Catalogo: Bibliotecha Conv. St Alphonsi Carmelitani Scalzi  Birchircarae Melitae u hija  ddedikata lill-Gran Mastru  F. Emm De Rohan.  Maqsum f`zewgt partijiet il-ktieb  jittratta d-diversi fażijiet taħt il-Feniċi,  Kartaġiniżi u oħrajn b’referenza għaż-żmien tal-Għarab u s-sehem aħħari ta` Karlu V biex Malta tgħaddi f`idejn benevolanti tal-Ordni Sovran.  Hemm ukoll referenzi meħuda minn diversi kittieba bħal Bosio, Robertson, Castelli u Ciantar kif ukoll Bourguet apparti mill-ktieb Hist. des Chev de Malt. Huma nteressanti in-notamenti misjuba fuq ċertu postijiet bħal S. Maria tal-Kneis u Rahal Kbir fejn kien hemm ancienne eglise Grecque ruinee.  Hemm mapep ta` Għawdex u Malta li jitfgħu dawl fuq l-irħula u l-bliet ta` dak iż-żmien. Il-mod ta` kif kien jiġi mħejji  ż-żwieġ u l-funerali huma validi għall-qarrejja.    

 

 

 

Nsibu materjal ieħor bħall-Avanzi d`alcuni antichissimi edifizj scoperti in Malta tal-1794 u Malta Illustrata ta` Ciantar kif ukoll  Vassallo Catalogo: Public Library Valletta Report for 1853 u Il Conservatorio Vincenzo Bugeja 1883 Malta.

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l-Librerija (II) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla u B`Kara. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Convento A Index Librorum Bibliothecae Coeobii S Teresae MDCCCXXXII (1832) Indici Libri Biblioteca 1833 Catalogo dei Libri delle Biblioteca del Convento di Nostra Santa Madre Teresa Cospicua Malta.  Catalogo: Bibliotecha Conv. St Alphonsi Carmelitani Scalzi  Birchircarae Melitae Karmelitani Tereżjani Maltin f`Għeluq l-10 snin mit-Twaqqif tal-Provinċja Maltija 1990 – Frar – 2000 tagħrif miġbur minn P Manwel Schembri OCD it-tieni edizzjoni 2001.