Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Librerija ( I )

Minn David Rossi

 

Il-Libreriji tal-Ordnijiet Mendikanti f` Malta huma punt ta` riferiment għal kull min għandu l-akkademja għal qalbu u għal oħrajn qrib il-kitba ta` tagħlim xieraq.  Tajjeb li nsemmu l-librerija tal-Belt mizmuma b`tant għozza mid-Dumnikani fil-PortoSalvo. Hawn insibu kollezzjoni tas-Synodus Melitivana ta` żmien Cammarasa, De Molina u Cocco Palmieri kif ukoll Biblia Sacra Arabica Tomus I – IV. Insibu wkoll Statuta Hospitalis Hierusalem u kitba nteressanti tal-1794 mill-Marchese D.Carl`Antonio Barbaro `Avanzi d` Alcuni Antichissimi Edifizi Scoperti in Malta fost ohrajn. 

 

Ġewwa l-Kunvent Tereżjan hemm ukoll ġabra ta` kotba mis-Seklu Sbatax il-quddiem li jitfghu dawl fuq diversi temi studjati matul iż-żmien.  Il-librerija minn dejjem kienet il-qofol tal-kunvent meta tqis li fi ħdan it-Tereżjani f`Malta kien attiv il-Kulleġġ Missjunarju Internazzjonali li ra tant studenti u għalliema jagħtu s-sehem tagħhom biex imexxu l-Kelma t` Alla fil-Persja u pajjiżi oħra. Fl-Arkivji tal-Karmelitani Skalzi fBormla hemm xi riferenzi dwar kif bdew jinġabru kotba siewja għall-istudju u biex jgħinu l-komunita` fil-ħajja konventwali skont ir-riforma tas-Santa Madre. 

 

Infatti naraw kif il-Baglio di Leon, Fra Giusto ta’ San Gerlande membru tal-Ordni Sovran mill-Lingwa t’Auvergne, wiegħed li jgħin fil-kisba ta` kotba għall-Patrijiet u studenti tal-kunvent f’Bormla permezz tal-legat li kien waqqaf fl-atti tan-Nutar Pubbliku Vincenzo Sciberras fis-17 ta’ Diċembru 1640. F` okkażżjonijiet oħra il-komunita` Tereżjana ta` dak iż-żmien ippreferit tiddisponi mill-kollezzjonijiet ta` kotba li kienet intitolata għalihom. Hekk ġara skont nota li hemm fil-Libro d`Introito ed Esito 1627 – 1681 meta librerija mħollijja minn ċertu Signor Marcello nbiegħet għas-somma ta` 215 skud.

 

l-Indiċi tal-librerija tat-Tereżjani, bħal dak ta` San Duminku l-Belt, tagħti ndikazzjoni tajba tal-kotba maħżuna fil-Kunvent Santa Tereża ta` Gesu` mill-bidu tiegħu.  Dan ma jfissirx li l-materjal huwa miżmum f post wieħed u nsibu li waqt ammont sostanzjali jinstab mħares mill-komunita` ta` Bormla, hemm ukoll numru ieħor ġewwa Dar Madonna tas-Silġ u Santwarju S.Tereża tal-Bambin Gesu`, Birkirkara.   

 

Fil-katalgu tal-arkivju hemm żewġ indiċi magħmula kważi fl-istess żmien u għaldaqstant huwa xieraq li tħares lejhom bħala xogħol wieħed.  Dak tal-1832, Index Librorum Bibliothecae Coeobii S Teresae MDCCCXXXII (1832) jiġbor l-awturi u l-kitba tagħhom minn Abela Gio Francesco, Malta Illustrata, Vol I(Storia Profana) sa Ferdinando Zucconi, Lezione sopra la Sacra Scrittura dell` uno e dell` altro Testamento (Biblici)  . Dak li ġie konkluż fit-13 ta` Jannar 1833 jiġifieri l-Indiċi Libri Biblioteca huwa aktar elaborat.  Hemm ukoll il-Catalogo dei Libri delle Biblioteca del Convento di Nostra Santa Madre Teresa, Cospicua, Malta magħmul minn Patri Paolo dell` Immacolata Concezione CS fl-1910.

 

 

 

 

L-indiċi tal-1833 jagħti ħjiel dwar l-organiżżazzjoni tal-librerija fiż-żmien indikat. Il-kotba tniżżlu taħt tema partikulari bħal di Gesu`: Biblici: Concionatores: Critici : SS Expositiones et SS Patres: Grammatici: Historia Profani : Historici Sacri : Juris Consulta et Canonestae : Liturġii et Rubricistae : Mathematia : Medici et Chirurgici : Miscellaneis : Philosophi : Poeti Rhetorici : Theologia Dogmatica et Polemica : Theologia Moralis. Kien hemm madwar elfejn ktieb u kienu jitpoġġew fuq xkafef skont l-ordni tagħhom.  Per eżempju fl-indiċi hemm imniżżel : D 9 …I…2010 Bernardini (Sancti) Opera Omnia jiġifieri n-numru u pożizzjoni, l-awtur u t-titolu tal-ktieb. F`dan il-kas D tfisser ix-xkaffar li jinkludi d-disgħa waħda I, il-pożizzjoni tal-ktieb fix-xkaffa D 9 u 2010 in-numru ġenerali tal-ktieb. 

 

Insibu materjal divers ta` nteress li jagħmel parti llum il-ġurnata mill-Melitensia u oħrajn meqjusa f` dak iż-żmien bħala neċessarju għall-istudju u qari nġenerali.  Hawn sa nġibu ftit eżempji ta` dan kollu.  Taħt Grammatici nsibu lil Agius (Gio Pietro), Della Lingua Punica presentemente usata da Maltesi, kif ukoll dizzjunarji u grammatika varjata tal-lingwa Tedeska, Franċiża, Toskana , Ingliża u Latina.   Fuq li xkafef tal-Historici Sacri kien hemm Alessandri (Gio Battista) bl-Istruzione sopra gli Obblighi piu` Principali de Cavalieri di Malta (A 4….22….1054) u Della Pia Casa di San Calcedonio eretta in Malta, Relazione (C4…13…1104).    

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l-Librerija (I) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Introito ed Esito   Libro d` Introito ed Esito 1627 – 1681Sezione Convento A Index Librorum Bibliothecae Coeobii S Teresae MDCCCXXXII (1832) Indici Libri Biblioteca 1833 Catalogo dei Libri delle Biblioteca del Convento di Nostra Santa Madre Teresa Cospicua Malta.  Convento E Indice Fondatione I – III Summario de Liber 0 paginis III  2 Liber O paginis 1 – 202.

 

Referenza: National Library, Valletta Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Introito ed Esito   Libro d` Introito ed Esito 1627 – 1681.   `Il-Karmelitani Tereżjani’, P. Angeliku M Busuttil OCD maħrug mill-Karmelitani Skalzi - `It-Tereżjani’, Malta 1987.