Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l-Elemożina ( I )

Minn David Rossi

Fi żmien l-Ordni Sovran, il-Kunventi kif ukoll il-Konfraternitajiet u l-Fundazzjonijiet kien ikollhom qafas f’postu sabiex ommu rendikont tad-dħul u l-ħrug finanzjarju. Fil-bidu tal-eżistenza tagħhom reġistru partikulari kien ikun biżżejjed sabiex jinkludi kull entratura fi skudi, tari jew grano iżda, hekk kif kienu jibdew jinġemgħu l-legati u l-attivita’ taqbad sew kienu jiġu kkonfermati Prokuraturi sabiex imexxu u jieħdu ħsieb parti essenzjali minn dak li jkun qed jiġri. 

 

F`dan il-każ il-Monte di Pieta` bdiet bi ftit pegni jew self kontra sigurta` ta` oġġetti bħal mgħaref, ċrieket u spiċċat attivita’ kumplessa sa’ l-1785 kif tindika l-qagħda finanzjarja tagħha.  Il-Konfraternita` tal-Karita’ tal-Belt kienet ukoll magħrufa għall-legati ta` doti tal-Maritaggi u Monjali; u persuni avdati kienu jinataw l-inkarigu biex jaraw li l-legat qed jiġi onorat kif stipulat mit-testatur.  Dan narawh ukoll fil-Konfraternita` ta’ San Ġużepp f`Bormla fejn il -persuni responsabbli kienu jniżżlu dħul u ħrug fir-reġistri bħalma ġara fl-1784 biex tingħata elemożina biżżejjed għas-servizz mużikali waqt Messa Cantata in Musica inkluż tre vjolini, Contra Basso, u Obue    

 

Minn naħa tagħhom il-Patrijiet Tereżjani kienu fil-bidu jagħmlu nota tad-dħul u l-ħrug tagħhom kull xahar u dan kien ikun ikkonfermat mill-Pirjol u Discreti permezz tal-firem tagħhom. Mill-Libro d`Introito ed Esito 1627-1681 naraw kif fix-xahar ta` Ġunju 1627 il-kunvent kien daħħal skudi 39 u 5 tari f`elemożina ordinarja u rikjesti għall-quddies flimkien ma` 17 il-skud u taro mill-fondazzjonijiet. F`Lulju tal-1627 kien hemm 27 skud u 9 tari.   Dwar il-ħrug jidher  li għall-istess xahar ta` Ġunju il-Patrijiet kellhom spiża ordinarja u straordinarja ta` 20 skud u taro u 16 il-skud u 2 tari` għall-Lulju.

 

It-tagħrif inkluż fill-kontijiet jagħtu ħjiel dwar il-ħajja ta` dak iż-żmien u jidher li l-flus marru għax-xiri ta` botte di vino, freggio del Quadro della Santa Madre li waħdu ġie jiswa 8 skudi u 4 tari` kif ukoll għax-xemgħa, ħwejjeg ta` kuljum  u gvieret.  Ftit wara kien hemm il-ħtiega ta` żewġ kotba fuq San Gwann u siġill għall-kunvent.  L-ispejjeż marru għad-dekorazzjoni ta` pjaneta u 20 skud għall- viatico (f` dan is-sens mhux każ ta’ mewt imma għall-vjaġġ tajjeb) ta’ Patri Domenico missjunarju għall-Persja waqt li sommom oħra ġew allokati għall-patrijiet missjunarji mhux imsemmija.   Fid-dħul kien hemm flus għal bini tal-knisja minn għand is-Sur Paolo Testaferrata u mingħand l-Isqof ta` Malta għall-kunvent.   Kavalieri tal-Ordni Sovran u il-Prijur ta` Venezja kienu wkoll benevolanti għall-istess skop.

 

Il-kontijiet msemmija li nkludew id-dħul u l-ħrug tal-perjodu ndikat ġew ikkonfermati minn Padre Alessio di S Angelo bħala Pirjol flimkien ma` Patri Domenico ta` Gesu Kristu, Patri Vincenzo di S Romualdo u Patri Antonio di S Maria.    

 

Il-viżitatur tal-Provinċja kien ukoll jagħti każ tal-qagħda finanzjarja u jħalli nota bis-siġill li sab kollox kif suppost.  Hekk naraw kif Patri Matthia di San Francesco Preposito Generale tal-Karmelitani Skalzi ta` dak iż-żmien ħa ħsieb li jara l-qagħda finanzjarja minn l-aħħar viżita uffiċjali, fl-20 ta’ Ġunju 1627 sal-31 ta` Awissu 1628, u sab dħul ta` sc 760: 11:14 u ħrug ta` sc 650:11:6 għall-bilanċ ta` madwar sc 110 minn fuq.  Dan il-Patri prominenti tal-Ordni ta daqqa ta` għajn tal-Libro dell` Introito ed Esito delle Messe u sab li kien għad fadal issir 226 Quddiesa minn 2867 mħallsa.   

 

Kemm id-dħul u l-ħrug kien jinkludi element ordinarju u straordinarju miegħu u l-bilanċ ta` l-aħħar kien jiġbor kollox f`daqqa. Maż-żmien naraw aktar sofistikazzjoni fl-andament tar-reġistrar finanzjarju hekk kif bdew jidhru reġistri għall - Spesa Straordinarja u Spesa Ordinaria separati minn xulxin.   Kien hemm ukoll Libro dei Conti della Sagristia, u Spesa della Cucina biex tkopri l-ikel li kien jinxtara bħar-ross, zokkor, piżelli friski, sardin immellah, dqiq, ħobż tas-semolina, ħalib u basal fost affarjiet oħra ta` ħtiega.  Id-dħul kien ikun mqassam ukoll f` Capitali Bollali u Introito dei Beni Rustici, ed Urbani.

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l- Elemożina (I) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: National Library, Valletta AOM 6407 Volume Diverse Scritture F. National Archives Rabat. NAR Libro Pegni d` Oro (1700 -04) Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Introito ed Esito  I 1 Libro d` Introito ed Esito 1627 – 1681 - I 34 Spesa Ordinaria Gennaio 1773 al Settembre 1783 – Novembre 1771 al Luglio 1783 – I 63 Introito Gennajo 1783 all Gennajo 1794 Debiti 1783. Sezione: Confraternitas Compagnia della Buona Morte Cf 5 Agregazione di S Giuseppe 1781 – 1786: Introito ed Esito.