Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani u l- Visite Generalizie

Minn David Rossi

 

Hekk kif il-Patrijiet Tereżjani bdew il-funzjoni tagħhom ġewwa Bormla fis-Seklu Sbatax l-Ordni Reliġjuż, li kien bagħat lil dawn l-aħwa f`Malta, ħatar diversi viżitaturi uffiċjali sabiex jistħaru kif il-komunita` kienet miexja.  Mill-Libro della SS Visite Generalizie, AD 1627 – 1959 miżmum ġewwa l-Arkivju tal-Karmelitani Skalzi, naraw li l-ewwel mawra saret minn Patri Joanes a Santo Hieronymo fit-8 ta` Gunju 1627 jew ftit anqas minn sentejn wara li l-Isqof Cagliares kien laqa` lit-Tereżjani bid-donazzjoni benevolanti tiegħu.  Il-Visitator provincialis kien qed jirrapreżenta lill-Provinċja Matris Dei u fost affarijiet oħra kien hemm referenza għall-kunvent il-ġdid.

 

Kien hemm visti oħrajn f`dan iż-żmien tal-bidu li jindikaw l-iżvilupp inizjali tal-Ordni Tereżjan fMalta hekk kif bdiet tiġi mħarsa flimkien mal-Kunvent Siċiljan minn Vicario provinciale skont id-Definitorio Generale tal-1629 kif misjuba fl-artiklu nfurmattiv Il Carmelo in Sicilia.   Tliet snin wara, jiġifieri fl-1632, il-Provinċja ta` Sqallija ħatret lil San Albert bħala protettur tagħha u kompliet timxi minn hemm sabiex ixxerred il-Kelma tal-Ħajja fost id-devoti u l-parruċċani.  Dawn il-fatti fuq skala reġjonali huma riflessi fiż-żjarat li saru lill-Kunvent f` Malta fit-28 ta`Mejju 1629 minn Fra Optato di S Carlo li ġie bħala Vicario u Visitatore provincial; waqt li fit-18 ta` Ottubru 1633 wasal Alesio di St Angelo li f`dak il-perjodu kien Provinċjal tal-Provinċja ta`San Albert, qaddis meqjum sew  minn Santa Tereza t`Avila u  Santa Maria Maddalena de' Pazzi.

 

Il-Vista fil-Kunvent ta` Malta kienet tiġi ddikjarata bis-siġill tal-Ordni Tereżjan u miżmuma fid-dettal fl-Arkivju bħala manuskritt f`reġistru ewlieni.  Il-Kitba minn Viżitatur għall-ior kienet tieħu l-istess xejra u tibda sabiex tindroduċi lil min kien qed jagħmel iż-żjara fil-Kunvent ta` Santa Tereza f Malta. Dan ir-Reliġjuż kien iniżżel l-uffiċċju tiegħu u jgħid dak li sab kemm fil-qasam temporali u spiritwali waqt li jitfa’ ħsiebu lejn l-imġiba tar-Reliġjużi, il-ħarsien  tal- virtujiet u d-dixxiplina regolari . Meta jkun sodisfatt b`dak li jkun osserva jikteb li ma għandu ebda ordni ġdida xi jżid ħlief dak li jkun qal pubblikament u privatament favur ħajja ta` qdusija sabiex jintlaħaq livell perfett ta` santita`. Il-viżitatur imbagħad kien jiffirma u jniżżel id-data taż-żjara bis- siġill. 

 

Kien hemm xi drabi meta l-Viżitatur kien iħoss il-ħtiega sabiex jinforma lill-Komunita` b`xi digrieti ġodda li kellhom jiġu osservati u moqrija kull xahar fil- Kapitlu quddiem ir-Reliġjużi Professi f`Malta.  Hekk naraw kif fit-18 t`Ottubru 1633 Patri Alesio di St Angelo kien għamel żjara bħala Provinċjal ta` San Albert’ u waqt li sab l-affarijiet mexjin sew kiteb tmien punti ġodda li kellhom jiġu pprattikati mit-Tereżjani f`Malta, hekk kif kienu mgħoddija lilu fuq xewqa tal-viżitatur ta` qablu Patri Benedetto di San Pietro waqt zjara fil-15 ta` April 1633.

 

Ir-Reliġjużi kienu pprojbiti milli jmorru jistadu jew jieklu fil-ġonna tal-lajċi jekk ma jkunux informaw lis-superjur u għal mhux aktar minn tlett darbiet bejn l-Għid il-Kbir u l-Esaltazzjoni tas-Salib Imqaddes; ħlief fil-jiem tar-rikreazzjoni straordinarja taħt piena ta` sospensjoni għall- erba xhur. It-tluq u l-wasla tad-dgħajsa riedu jsiru mill-postijiet indikati dietro del Borgo o` dietro del Isola.

 

Fuq kollox ma kellhomx jieklu barra mir-refettorju jekk mhux skont l-użanzi stabbiliti, jiġifieri fil-festi il-kbar jew jiem tar-rikreazzjoni straordinarja taħt piena ta` tliet xhur sospensjoni.  Kien hemm digrieti dwar is-siegħa ta` talb waqt il-Festi tal-Għid, Milied, Epifanija u Ċirkonċiżjoni.   Il-viżitatur stqarr li aktar estensjonijiet fil-Kunvent setgħu jsiru bil-permess espress tiegħu u ċellel kienu mistennija jinbnew skont il-kejl mniżżla fil-kostituzzjoni. Kellu jkun hemm  tapizzarija fil-kappella maġġura waqt il-festa tas-Santa Madre u l- flus miġbura riedu jitpoġġew fil-kaxxa ta tliet ċwievet taħt sospensjoni ta’ erba’ xhur.

 

Ir-Reliġjużi setgħu jżuru nisa morda bil-permess tad-Discreti bl-awtoriżazzjoni tas-superjur u jekk xi patri kien ikollu jmur iqarar jew jassisti moribond bil-lejl id-Discreti kellhom jiġu nfurmati filgħodu. Meta dawn l-uffiċjali ma kienux ikunu preżenti r-Reliġjużi nvoluti riedu jgħidu lil patrijiet l-aktar anzjani b`dak kollu li seħħ. Kien meħtieġ ukoll li d-Discreti u l-Pirjol ikunu nfurmati  b`xi żjara fid-djar għall-istess skop meta mitluba jagħmlu dan minn xi ħadd li jkun iltaqa’ magħhom fit-triq.  

 

 

 

Dan it-tagħrif dwar It-Tereżjani u l- Visite Generalizie  ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f`Bormla. Nħeġġu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione:  Convento C 7 Libro della SS Visite Generalizie AD 1627 – 1959. IL CARMELO IN SICILIA https://www.carmelodisicilia.it/il-carmelo-in-sicilia  (notament fl- 24 ta` Settembru 2021)