|
It -Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel ( I )
Minn David Rossi
Fl-arkivju tal-Ordni tal-Karmelitani Skalzi ġewwa Bormla jinstabu reġistri li jagħtu ħjiel dwar il-ġrajjiet tat-Tereżjani f`Malta mill-wasla tagħhom sal-perjodu nnutat. L- Atti Capitolari huma ta` mportanza notevoli għaliex fihom hemm informazzjoni dwar is-sehem tal-Patrijiet Marjani bħala komunita fost is-soċjeta` Maltija. Hemm ukoll tagħrif dwar prattiċi soċjali taħt il-ħakma benevolanti tal-Kavalieri kif ukoll notamenti dwar mġiba reliġjuża u materjali tul iż-żmien indikat.
Il-Patrijiet kienu jiltaqgħu flimkien f`jiem partikolari sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar dak kollu li jolqot lill-Ordni Tereżjan f`Malta. Id-diskussjoni kienet tiġi mniżżla bil-lingwa Latina jew Taljana fil-manuskritt Atti Capitolari flimkien mad-data tal-laqgħa u hafna drabi bil-firem taż-żewġ patrijiet risponsabbli minn dan l-eżerċizzju meħtieg għall-amministrazzjoni tal-Ordni. Perezempu, naraw kif fil-jum ta l-4 ta` April 1642 kien hemm Patri Isidor ta San Ġużepp u Patri Bartilmew ta San Ġużepp risponsabbli għal din il-ħtieġa. Naraw kif ukoll fl-1641 kien hemm tnax il-laqgħa waqt li fl-1652 saru sitt laqgħat eżattament fit-12 ta`April u fis-26 ta` Ġunju kif ukoll fiz-19 ta` Lulju, fl- 4 u fid-9 t`Awwissu u oħra fl-20 ta` Settembru. Fis-sena 1657 il-Patrijiet iltaqgħu seba darbiet.
Fl-Arkivju tat-Tereżjani f`Bormla hemm id-dettal tal-perjodu inizjali ta` meta l-Karmelitani Skalzi ġew Malta. Kien l-Isqof ta` dak iż-żmien Baldassare Cagliares (1575-1633) li laqagħhom u fetħilhom it-triq permezz tad-donazzjoni tiegħu, hekk kif hemm mniżżel ġol kuntratt tal-11 ta` Diċembru 1625 minn Nutar Pietru Pawl Vincella. Insibu fost oħrajn Atti Capitolari ta` bejn is-sena 1634 u 1661 u ta` l-1661 sal-1796. Għalkemm dawn ta` l-ewwel qegħdin fi stat prekarju, id- dettal ġie mniżżel ġewwa ktieb ieħor bħala kopja biex tinżamm l- informazzjoni mingħajr ma tintilef.
Huwa fatt interessanti li fit-tieni reġistru, jiġifieri Acta Capitolarum Conv SM Theresiae Melitae ab anno 1661 ad 1796 Vol II, hemm partijiet mill-Atti Capitolari tal-1626 u l-1631 jiġifieri l-perjodu ta` wara l-wasla f` Malta fl-1625. Reġistru ta` dawk is-snin ma nstabx u n-notamenti huma tagħrif fundamentali ta` dak iż-żmien . Dawn jinkludu dettalji dwar il-ħajja ta` kuljum kif insibu mniżżel fil-laqgħa tat- 13 ta` Mejju 1626 fejn il-Patrijiet qablu li jinbiegħ id-damask mibghut minn Giacomo Marchesi għall-ħtieġa tal-kunvent il-ġdid. Aktar tard naraw kif ħadd ma seta jiddisponi minn dan il materjal u allura kellu jiġi rritornat lill-benefattur. Fil-laqgħa tal-20 ta` Mejju 1626 kien hemm deċiżjoni unanima dwar ix-xiri ta` sit biswit il-ġnien konventwali, propjeta` ta` Mariano Testaferrata. Il-knisja kellha l-bżonnijiet tagħha u fl-10 ta` Lulju 1626 ġie maqbul li jinxtara bi spiża ta` bejn ħamsin jew sittin skud kalċi, pissidi u gandlieri għal skopijiet liturġiċi. Jidher li l-ewwel funzjoni pubblika saret fil-lejl ta l-Epifanija.
Dak iż-żmien t-Tereżjani kienu qegħdin imexxu Kulleġġ Internazzjonali Missjunarju u l-għajnuna lil dawk msejjħa sabiex ixerrdu l-Kelma t`Alla barra minn xtutna kienet f`posta. Infatti fil-5 ta` Mejju 1628 il-Patrijiet qablu li jingħata 20 skud lil Fra Dominico biex imur il-Persja, illum maghrufa bhala r-Repubblika Islamika tal-Iran.
Jissemmew diversi membri tal-Ordni ta` dak iż-żmien bħal l-Prijur Fra Carlo di Gesu` Maria u Fra Bernardo di St Theresa. Sa issa ftit nafu dwarhom imma fil-ħarga tiegħu biex jikkommemora l-350 sena mill-wasla tat-Tereżjani f`Malta, Fr Leone jsemmi xi wħud bid-dettal fosthom il-Franċiż Karmelitan Skalz Isidor ta San Ġużepp, Prijur, li beda jgħallem f` Louvain imbagħad San Pankrazju, Ruma. Wara ħmistax-il sena esperjenza fit-tagħlim ġie hawn Malta sabiex jipprepara studenti Tereżjani għall-missjoni. Patri Isidor kien jaf b ħames lingwi li kienu il-Latin, Grieg, Franċiż, Taljan u Spanjol. Telaq minn Malta wara li laħaq Prokuratur Ġenerali tal-Ordni u dam tlett snin f`din il-kariga sakemm sar Assistent Ġenerali għall-istess perjodu. Kien ukoll Ġeneral għal xi żmien. Il-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu Bouque Sacre de la Bienheureuse Vierge Marie de Mont Carmel, Privilegia Carmelitarum Excalceatorum u Annalia Congregationis Italicae fost oħrajn.
Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel ( I ) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Convento C 1 Liber Actuum Capitolarium Collegii Melitensis S Teresa ab Anno 1634 usque AD 1661. C 2 Liber Actuum Capitolarium Collegii Melitensis S Teresa ab Anno 1634 usque AD 1661 Copiae. C 3 Acta Capitolarum Conv SM Theresiae Melitae ab anno 1661 ad 1796 Vol II. C 4 Atti Capitolari del Convento di S Theresa Malta dal 1796 al 1849 Vol III. Secondary Sources: St Teresa` s at Cospicua in retrospect upon the occasion of the 350th anniversary of the arrival of the Discalced Carmelites in Malta: A Short Historical Survey by John Leone ODC.