|
It-Terezjani u d-Devozzjoni Reliġjuża (II)
Minn David Rossi
Qabel ma nidħlu fil-Knisja ta` Santa Tereża f`Bormla niltaqgħu ma’ l-istatwa ewlenijja ta` San Elija. Il-konessjoni bejn il-Profeta Elija u l-patrijiet Terezjani hija evidenti fejn tinstab l-Ordni. Nsibuha fil - preżenza tal-komunita`tal-Karmelitani Skalzi fuq Monte Karmeli, eżatt f` El Muhraqa l-post fejn il-Profeta sfida lil-qaddejja ta` Baal sabiex juri l-qawwa t` Alla l-Ħaj. Narawha wkoll fl-immaġni mpittra fi Knisja ġewwa l-Polonja eżattament fi Czerna fejn il-Profeta jidher bl-ilbies tal-Ordni tal-mendikanti Marjani. F`Malta l-Isqof Ferdinando Mattei wera l-importanza tal-Profeta Bibliku u ta Indulġenza Parzjali ta` erbgħin jum għal dawk id-devoti nsara li jgħidu l-Missierna u Sliema quddiem l-Immagni mirakuluża ta` San Elija, Prottetur tal-Barklori.
Mir-reġistri misjuba fl-Arkivju ġewwa l-kunvent Terezjan ta` Bormla jidher li l-komunita’ reliġjuża kienet tħaddan magħha għaqda ddedikata lil dan il-Profeta qalbieni. Fil fatt naraw kif statuti jew kif kienu ukoll magħrufa stabilimenti tas-Sodalita’ di St Elia ġew approvati mill-Vigarju tal-Komunita` Reliġjuza, Patri Teodosio della Concezione fl-20 t` Ottubru 1812 flimkien ma’ l-aħwa l-oħra, Francesco Saverio u Gian Maria di S Anna kif; ukoll Salvatore di S Pietro, Carlo Giacinto di Gesu` Maria u Emmanuele Luigi di Santa Maria delle Neve.
Sabiex ikollha direzzjoni reliġjuża xierqa il-Vigarju laħħaq lil Patri Salvatore di S Pietro bħala Kappillan tas-Sodalita` għal tliet snin kif kien stipulat fl-Istatuti fejn il-kapillan kellu jiġi elett u nominat mis-Superjur lokali flimkien mal-consodali jew membri għaż-żmien imsemmi. Kien meħtieġ jagħmel ezortazzjoni morali għall-membri darba fix-xahar f`Ħadd partikolari u jqarar lill-affijati waqt li jqarbinhom mill-artal tal-Qaddis Prottetur tagħhom San Elija. Kien intitolat jirċievi s-somma ta` 8 tari` għall-quddiesa ċċelebrata u kien jirċievi 15 - il skud fis-sena bħala onorarja fil-jum tal-festa ta` San Elija.
Is-Sodalita` kienet torganiżża Panigirku fil-jum tal-festa ta` San Elija Protettur tal-Barklori għall -. pagament ta’ 30 tari ` mil - fond komuni tas-Sodalita`. Naraw kif dan sar fil-knisja ta` Santa Tereża fl-1809 u tħassar fl-1813 minħabba l-pesta li ħakmet lill-gżiritna. L-eżerċizzi xorta saru f` dik is-sena qalila u tmexxew minn Patri Salvatore di S Pietro u Patri Emmanuel di Santa Maria della Neve. Il-membri kienu wkoll mħegga jattendu għall- meditazzjoni fil-lejl tal-eżerċizzi u s-Sodalita` kienet tħallas 8 skud għal kull wieħed li jagħmel l-eżercizzi filwaqt li tagħti skud kuljum għall-konfessuri fl-aħħar tliet ijiem tal-eżerċizzi. Dawn kien ikunu mill-anqas tnejn kuljum. Il - Kappilan ma kienx jitħallas għas- servizz tal-qrar.
Kull sena, xahar qabel il-festa, kienet tiġi mlaqqa ’Konsulta Ġenerali l-Ħadd mis-Superjur biex tiġi organiżżata l-attivita`. L-ispejjes tal-festa kienu joħorgu mill-fond misjub f`kaxxa bi ċwievet miżmuma mis-Superjur u l- Protettore fl-Arkivju tal-kunvent. Il - Protettore kien permess li jieħu sa 10 skudi għal spejjes kurrenti waqt li l-prokoratur seta jonfoq 5 skudi u aktar bil-kunsens ta -Superjur Lokali, Prottetore u Rettore. Dak li kien Protettore kellu wkoll joqgħod ta` Segretarju biex jinnota d-deliberazzjonijiet. Bħala parti mix-xogħol tiegħu l-Prokuratur kien meħtieg jippreżenta d-dħul u l – ħrug finanzjarju nkluz dak imħallas għas-suffraġi lill - Kappilan flimkien ma` żewg kummissarji mqabbda mis-Sodalita`.
Is-Suffraġji kienu jikkonsistu fi tliet sieghat agunija quddiem ir-relikwa ta` San Gużepp għal kull membru f` agunija, kemm raġel kif ukoll mara. Kienu jsiru wkoll tliet quddisiet għal felice passagio u quddiesa kantata wara l-mewt flimkien ma` 8 quddisiet letti ċelebrati mit-Tereżjani. Wara l-mewt kien meħtieg li jintalab ir-rużarju mill-membri jew fid-dar jew f`post ieħor. Fl-anniversarju kienet issir Messa Cantata u kant tal-Uffiċċju tal-Mejtin il-Ħadd wara l-Ottava tal-Qaddisin kollha. Kienet issir ġabra xahar qabel għal-żewg torċi fuq it-tumolo, sitta għall-artal maġġur u sitta oħra għall-altar tal- Qaddis . Kienu jitpoġġew xemgħat madwar il-kadavru u fuq l-artal. Fl-isfond ta` dan kollu naraw kif fl-1811 Vincenzo Corso ġie onorat wara mewtu b`4 xemgħat jiżnu 10 once u 17 torċa flimkien mal -midalja ta` San Elija.
Jekk ma titħallasx il -miżata għal sentejn il-membru kien jitlef is-suffraġji u jiġi eskluzi mis-Sodalita`. F` kas ta` mewt ta` Reliġjuż dan kien jiġi akkumpanjat minn tnax-il membru bit-torċi mixgħula. Dawn kienu wkoll jassistu għall-quddies.
Fir-Reġistru tal-Introito ed Esito 1810 -1819 hemm notamenti nteressanti marbuta ma-mużika tal-Matutin u l-quddies b`suffraġju għall-mejtin fejn il-Maestro di Capella mexxa l-kant f` Novembru 1810 bil-parteċipazzjoni ta` diversi strumenti fosthom Contro basso, vjolin, tromba, obue, klarinett, orgni u vjolinċel Xi strumenti kienu wkoll msemmijja għat-tielet Ħadd tar-Randan u l-aħħar jum tal-eżerċizzi.
Il-Konfraternita` kienet tieħu sehem fil-purċissjoni ta` Corpus Christi u fil-Purċissjoni tar-Resurrezzjoni hekk kif għamlet fis-sena 1811.
Dan it-tagħrif dwar it-Tereżjani u l-Kunvent fis-Sekli ta` Qabel ( I ) ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Referenza: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua Malta Sezione: Confraternitas : Sodalita` di St.Elia Protettore dei Barcalori Cf 22 Sodalita` di St.Elia Protettore dei Barcalori 1810 – 1819: Statuti. Cf 23 Sodalita` del S. Profeta Elia Introito ed Esito 1810 – 1819. Cf 24 Sodalita` del Profeta S.Elia 1814 – 1819: Ascritti.