|
It-Tereżjani u l-Ordni Sovran ta` San Ġwann
Minn David Rossi
Il-manuskritti misjuba ġewwa l-arkivju tat-Tereżjani ġewwa Bormla jitfgħu dawl fuq il-ġrajjiet tal-imgħoddi. Jagħtu ħjiel dwar kif kienet il-ħajja tal-Maltin fiż-żmenijiet ta` qabel u juru kif missirijietna kienu jgħixu ta` kuljum. Ir-reġistri jagħtu tifsir għall-mod kif kienet tiġi attwata l-fidi permezz ta` talb u qima addatata għall-ħtiġijiet partikulari. Nsibu kif l-Ordni ta` San Gwann kien jesprimi l-benevolanza tiegħu lejn soċjeta ` li sabet sens ta` avventura ġdida permezz tal-wasla tal -kavalieri fostna.
Il-Preżenza tal-Ordni Sovran ġab mod ġdid ta` tmexxija li wasslet għat-tkabbir notevoli f` ħafna oqsma. Fil- fatt il-popolazzjoni żdiedet u l-attivita’ kummerċjali fil-qasam marittimu kien innutat minn bosta kittieba. L-Ordni ta spazju għat-twaqqif ta` istituzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet ta` kuljum. Bħalma ġara fi bliet oħra ewlenin fl-Ewropa, l-Ordni mexa fuq il-passi tiegħu stess ġewwa Rodi u fetaħ il-Monte di Pieta ` sabiex mid-depożiti li kienu jagħmlu l-konfraternitajiet u oħrajn jingħata self kontra sigurta` u hekk tiġi evitata l-prattika tant misħuta tal-użura. Kien hemm ukoll il-Monte della Redenzione għall-ħelsien tal-iskjavi minn idejn sidien barranin fuq il-kosta tal-Barbarija.
F` din is-sitwazzjoni ddominata mill – Ordni Gerosolmitana waslu f’ Malta, fi żmien il-Gran Mastru Fra Antoine de Paule (1623 - 1636), it- Tereżjani sabiex ixerrdu l-fidi f`postijiet imbiegħda; ftit taż-żmien wara li d-digriet tal-Papa Klement VIII fl-20 ta` Diċembru 1593 waqqaf l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi hekk kif ir-riforma ta` Santa Tereża u San Gwann tas-Salib bdiet tħalli frott spiritwali xieraq. L-Ordni tal-Karmelitani Skalzi kompla fuq il-passi ta` realtajiet oħra li kienu ġew Malta fiż-żmien ta` qabel bħad-Dumnikani, Franġiskani, Benedittini u Agostinjani fost oħrajn sabiex jara li t- tixrid tat-twemmin jilħaq lill-fidili b`mod awtentiku.
Minn dokumenti varjati misjuba fl-Arkivji tat- Tereżjani jidher li l-Ordni Sovran kien jagħti importanza lill- komunita` f` Bormla u approva għajnuna tul iż-żmien. L-Awtorita` tal-Ordni kienet qablet ma ` estensjoni ta` hlas lill-Monte di Pieta ` mit-Tereżjani ta` 2000 sc (elfejn skud) u l-pagament li kellu jsir bi 2% ( tnejn fil mija) ġie pospost minn nofs Ottubru tal-1774 għal sitt xhur wara.
L-Ordni Sovran kien ukoll jagħti lill-Kunvent Tereżjan ta` Bormla madwar 400 sc (erba’ mitt skud) f` Elemosina jew għajnuna annwali permezz ta` bzonnijiet meħtiega. It-Tereżjani kienu jircievu minn għand il-kavalieri, skont il-Prijur ta` dak iż-żmien Rev Carlo Giacinto ta` Gesu` Maria u l-Prijur ta` qabel Rev Teodorio tal-Kunċizzjoni, konsenja xemgħa u inbid abjad kull xahar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies. Ix-xemgħa kienet tingħata wkoll għall-festa ta` Santa Tereża u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Gandlora. L-Ordni kien ukoll jghaddi lill-kunvent f` Bormla silġ kuljum mill-ewwel ta` Ġunju sa` l-aħħar ta` Ottubru u ħut għal kulħadd fil-komunita’ għal jum solenni tas-Santa Madre flimkien ma ` tnax il-flixkun inbid ta` barra u żewġ platti ħelu, apparti oġġetti oħra għall- istess okkażżjoni.
Mir-Reġistru tas-Sagra Infermerija hemm indikazzjoni li l-Ordni Sovran kien jagħti 15 gr (ħmistax il-gran) kuljum għal kull reliġjuż li kien marid. Dan l-ammont beda jidher ftit wisq fl-1772 u Fra Francesco Zepeda, Prodomo della Sagra Infermerija, flimkien mal-Auditore, G Belli kienu mitluba li tingħata għajnuna aktar xierqa sabiex ikun jista’ jgħin lit-Tereżjani f` Bormla permezz ta`nofs artar laħam taċ-ċanga jew nofs tiġieġa għall-brodu.
L-Ordni Sovran kien jgħaddi wkoll il-mediċina u jagħmel tajjeb għall-bżonnijiet ta` kuljum tal-Missjunarji Karmelitani Skalzi nel passagio għal Ruma jew għall-Indie. L-injam meħtieg mit-Tereżjani kien ukoll mogħti mill-Kavalieri. Xi wħud minn dawn kienu jgħaddu lill-kunvent skud jew aktar kull xahar. Kien hemm okkażżjoni fejn spejjeż magħmula għall-kunvent ġew issuġġeruti li jiġu mgħoddija mis-Spoglio tal-Gran Mastru António Manoel de Vilhena (1663 – 1736) wara mewtu fuq talba tal- Padre Vicario tal-Ordni tal- Karmelitani Skalzi.
Insibu li fiż-żmien l-Ordni Gerosolmitana it-Tereżjani kienu jgħożżu relikwi fil-knisja u l-kunvent tagħhom. Nsibu fid-dokumenti konferma ta` fdal tas-Santi Martri kompanji ta` San Placito mghoddija mill-Kavalier u Rettur Fra Baldassaro Sollima. It-Tereżjani ghadhom iħaddnu relikwi tal- Martri San Innoċenz, San Albani u San Theodori flimkien ma` dawk ta` Santa Clara Verġni u Santa Rosa. Hemm ukoll fdal ta` San Ġwann Damascena bil-konferma li ġġib id-data tal-4 ta` Ottubru 1646.
It-Tereżjani sabu għajnuna xierqa mill – Kavalieri u kienu jitolbu għall-konservazzjoni tal- Ordni Sovran permezz tal-quddies li kien iseħħ fil-komunita`.
Dan it-tagħrif ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com.
Flus fiz-zmien l- Ordni Sovran f` Malta
Oncia = 2 scudi 6 tarì
Scudo = 12 tarì
Tareno = 20 grani
Carlino = 10 grani
Grano = 6 piccioli
Referenzi: Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua:
- Convento E 63 Box B Carte e Decreti spettanti all` Ordine Gerosolmitano
- 84. Relics: ex Carrne Joannis Damasceni anno 1647 Octobris.