Laikos

Aktar fuq l-Ordni Tereżjan ...

It-Tereżjani f` Malta u l – Konfraternitajiet

Minn David Rossi

 

Għalkemm il-miġja tat-Tereżjani f`Malta fis-seklu sbatax ħarset lejn il-missjoni lil hinn minn pajjiżna, il- preżenza ta’ l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi f` Bormla kellha relevanza għas-soċjeta` Maltija li bdiet issib il-kenn tagħha fit-twaqqif tal-fratellanzi wara l-Konċilju ta` Trentu (1545 sal-1563 ) speċjalment mal-wasla ta` Mgr. Pietro Dusina bħala Delegat Appostoliku (1574 sal- 1575).  Naraw li hekk kif il-Konfraternitajiet tas-Santissmu Sagrament u tar-Rużarjanti twaqqfu fi ħdan l-Ordni Dumnikan il-Belt, il - Compagnia della Buona Morte nibdet fil-Knisja ta` Santa Tereża f` Bormla għal dawk kollha ġejjin mit-tliet ibliet. 

 

Il-fratellanza msemmijja twaqqfet fl-1780 taħt il-ħarsien ta` San Gużepp u wkoll tal-Beata Verġni Marija tal-Karmelu hekk kif il-ġemgħa issieħbet mal-Arciconfraternita` del Carmine ta` Roia għal beni spiritwali permezz tal-Indulġenzi mogħtija.   It-tmexxija tal-Compagnia kienet diretta minn Statut skont il-ħtiega tal-Knisja kif hemm mniżżel fil - Bulla Papali tal - 1604 Quaecumque ta` Klement VIII.  Kien hemm Konsulta Ġenerali li kull sena kienet taħtar Konsulta Privata komposta minn Prefett, żewġ Assistenti, Prokuratur, Depożitarju, tmien Konsultori, Amonitore, u uffiċjali oħra fosthom dak li jieħu ħsieb in-novizzi . Il-membri tal- Compagnia della Buona Morte kemm nisa kif ukoll rġiel kienu meħtieġa li jkunu kattoliċi prattikanti, ta` mġiba lodevoli u kriminali kif ukoll dawk ta` ħajja skandaluża kienu mċaħħda milli jissieħbu.

 

 

L-iskop aħħari tal-konfraternita` kien li twassal il-moribond għal ħajja ta` dejjem u permezz tar-ritwali tagħha kienet tagħmel parti attiva mill-Ars Moriendi kif insibu fi ktieb maħrug f` Malta fl-1757 taħt id-direzzjoni tal-Gran Mastru Pinto minn D. Antoni Gaffori Modus Juvandi Morientes.  Kien meħtieg li l-membri jagħmlu mewta tajba u għalhekk l-imsieħba kellhom id-dmir li jattendu kull nhar ta` Ħadd ghall-buona morte bi priedka, adorazzjoni lis-Santissmu Sagrament, talb tal-kurunella tal-ħames pjagi ta` Sidna Ġesu` Kristu kif ukoll Benedizzjoni.

 

Meta membru jkun agunija l-imsieħba l-oħra kienu meħtiega li jagħmlu tlett siegħat talb quddiem ir-relikwa ta` San Gużepp fuq l-artal tiegħu fil-knisja ta` Santa Tereża, Bormla, tre ore d` agonia .  Kienu ukoll jassistu għal quddies li kien jiġi iċċelebrat tlett darbiet bhala Messe Lette.  Wara l-mewt  kienu jipparteċipaw għall- Quddiesa Kantata Messa Cantata di Requiem.   Kull membru kien mistenni li jħallas tlett tari` fis-sena u erba’ tari mad-dħul.   Il- ħlas kien jintitolah ghas-suffraġji u talb kif ukoll għal difna fis-sepoltura mħaffra ġewwa il-knisja tal-Karmelitani Skalzi f` Bormla, bejn l-artal ta` San Gużepp u dak tal-Beata Verġni Marija.  Il- membri kienu jħallsu tari` 2 ta` darba għall-lapida tas-sepoltura.

 

Is-sħubija u l-parteċipazzjoni fir-riti stabiliti mill-Knisja Tridentina kienu ukoll jiġbdu d-devoti għall-indulġenzi kemm parzjali kif ukoll plenarji għat– tnaddif tar-ruħ mit- tebgħat tad-dnub.   Infatti, kull min kien jipparteċipa fl-espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament hekk organiżżata mill- Compagnia della Buona Morte  kien jieħu l-indulġenza mogħtija mill-Papa Piju VI fl-14 ta` Awwissu 1784 ta` seba` snin u seba` kwarantini.  L-Indulġenza Plenarja kienet tingħata kull tieni Ħadd ta` Novembru għal dawk li kienu jqerru,  jitqarbnu u jipparteċipaw fl-adorazzjoni tas-Santissmu Sagrament.

 

Il-konfraternita` kienet ġibdet diversi membri matul iż-żmien u ġie deċiz li s-suffraġi jiżdiedu sa tlett quddisiet kantati u tnax il-quddiesa letta mit - 2 ta` Marzu 1788 il quddiem.  Kienu saru parti mill- Compagnia il-Karmelitani Skalzi Emmanuele dell` Assunta kif ukoll Emmanuel Luigi u l-eremita Fr Piju Busuttil.  Dawn flimkien ma` oħrajn kienu intitolati għas-suffraġi u dfin fis-sepoltura.

 

 

Fir - reġistri tal- Konfratrenita’ għadna nsibu tagħrif meħtieg dwar ir-riti tal-agonija u suffraġi.   Naraw  kif Maria Rosso, it-tifla ta` Giuseppe Schembri, mietet fl-23 ta` Novembru 1792 ta` 22 sena.  Kienet daħlet membru bil-pagament ta` 4 tari fl-ewwel ta` Jannar 1790 u ħalset il-miżata  għas-sena 1791 u 1792 kif ukoll 2 tari` tal-lapida tas-sepoltura.   Waqt l-aġunija ta` din ix-xebba saru tre ore d` agonia kif ukoll it-tlett quddisiet għal Buon Passagio.  Saru s-suffraġi meħtiega wara mewtha u d-dfin sar fil-kappella tal - B.V. Maria del Carmine knisja ta` Santa Tereża, Bormla.   Fis-6 ta` Settembru 1791 Matteo Mamo ġie miġjub mill- Isptar wara mewtu u ndifen ukoll fis-sepoltura tal-Konfraternita` ta` San Gużepp kif kienet aktar magħrufa il- Compagnia della Buona Morte.

 

Kien hemm konfraternitajiet oħra bħas-Sodalita` di St Elia Prottetore dei Barcalori kif ukoll il-Confraternita` del S Bambino di Praga.  Nsibu notamenti fuq il-Pia Unione sotto il Patrocinio della B Vergine Maria di Pieta` u il - Pia Unione di S Teresa del Bambino Gesu`.

 

Dan it-tagħrif ġie miġbur mill-Arkivju u l-Librerija tat-Tereżjani f` Bormla. Nħeggu lil dawk kollha li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar l-Ordni tal-Karmelitani Skalzi sabiex jikkuntattjaw lil Fr. Karm Spiteri, Kunvent Santa Tereża Bormla BML 1271, fuq mob: 79930984 / tel: 21826111 jew jibgħatu email: fatherkarm62@gmail.com. 

 

Referenzi: Bibliotheca Collegii Melitensis Carmelitarum Discalceatorum Cospiquae:

 Modus Juvandi Morientes D. Antoni Gaffori accredit Instructio ad Sacerdotes Ministrantes Infirmis directa omnia jussu Emminentissimi, ac Serenissimi Domini F.D. Emmanuelis Pinto Ordinis Sancti Johannis Hierosol. Magni Magistri Melita in Palatio 1757.

 

Catalogo: Archivio dell'Ordine dei Carmelitani Scalzi – OCD Citta` Cospiqua: Sezione:  Confraternitas

Cf 1 Libro No: 2 Congregazione di S Giuseppe 1780 – 1796: Ingresso ed Annualita` dei Fratelli e Consorelle (T).

Cf 12 Statute della Confraternita` di S Giuseppe Introito e Suffragi.

Cf 13 Libro dei Morti Congregazione di S Giuseppe del 1780 – 1795.

Cf 14 Messe Cellebrata per Suffragio delli Fratelli e Sorelle detto Aggregazione del Patriarca S Giuseppe 1789 – 1796.