LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

       

Il-Ġublew – It-Testment il-Ġdid

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

1. Għalkemm fit-Testment il-Qadim ma nsibu mkien li ġiet iċċelebrata din is-sena tal-ġublew, fit-Testment il-Ġdid għandna xi referenza wkoll fil-bidu tal-missjoni ta’ Ġesù fil-ħajja publika tiegħu. Ġesù daħal fis-sinagoga ta’ Nazaret fejn kien trabba, nhar ta’ Sibt, kif jagħmlu l-Lhud is-soltu, u mess lilu li jaqra l-Kotba Mqaddsa. Kienu jaqraw parti mill-profeti imbagħad jagħmlu kummentarju fuq dik il-parti li tkun inqrat. U Ġesù fetaħ il-ktieb tal-profeta Iżaija u qara l-biċċa mill-kap 61,1-2.

Ir-referenza għas-sena tal-ġublew hija fejn Ġesù jgħid “u nxandar sena ta’ grazzja tal-Mulej”. Din kienet is-sena tal-ġublew b’mod spiritwali. Mela l-Lhud kellhom sewwa f’qalbhom din iċ-ċelebrazzjoni tas-sena tal-ġublew, għalkemm biż-żmien bdiet tittieħed b’mod spiritwali. Ġesù jgħid li ġie magħżul, ikkonsagrat bl-Ispirtu tal-Mulej għal din il-missjoni tiegħu. Dan ġara meta fil-magħmudija tiegħu niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu u l-Missier instema’ jgħid, “Dan hu ibni l-maħbub, fih sibt il-għaxqa tiegħi”. U hemmhekk beda l-missjoni tiegħu li jxandar is-sena ta’ grazzja ta’ Alla l-Missier, sena preferenzjali tal-Mulej, żmien ta’ grazzja u ħniena mill-Mulej.

Bħalma fi żmien il-Levitiku is-sena tal-ġublew kienet titħabbar bid-daqq tat-tromba, hekk issa din is-sena spiritwali titnieda bil-ftuħ tal-missjoni ta’ Ġesù u bil-kliem tiegħu stess, “Din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu”. Għax Ġesu kien qiegħed jibda dan iż-żmien favorevoli għall-bnedmin ta’ rieda tajba, li riedu jaċċettaw il-grazzja tal-Mulej.

 

2. Kif fissirha din is-sena tal-ġublew Ġesù?

L-ewwelnett jibda bil-ħelsien tal-imjassrin. Hekk kif kellhom jiġu meħlusa dawk li kienu jkun mjassrin skont il-liġi tal-Levitiku, hekk ukoll Ġesù kellu jeħles lil dawk imjassrin bid-dnub u kull xorta ta’ tfixkil ieħor li ma jħallihomx ikunu ulied denji tal-Missier. Imbagħad isejjaħ lill-fqjrin. Dawn kienu dawk li minħabba l-faqar tagħhom kienu lesti li jiddependu għal kollox minn Alla. Għalhekk dawn kienu lesti jilqgħu iżjed il-bxara t-tajba li tixxandar lilhom mill-mibgħut ta’ Alla li kien Ġesù nnifsu. Il-fqajrin huma dejjem imqegħda fil-għoli f’għajnejn Alla għaliex ħajjithom jagħmluha tiddependi minnu, billi jafu li bil-qawwa tagħhom biss ma setgħu qatt jgħixu ħajja sħiħa. Din tal-bxara t-tajba lill-fqajrin taqbel ferm mal-ideal tas-sena tal-ġublew għaliex l-ideal tagħha kien li l-Lhud jagħrfu jiddependu dejjem iżjed mill-providenza ta’ Alla. U l-fqajrin li jsemmi Ġesù huma dawk li jgħarfu jilqgħu l-bxara t-tajba tal-ħelsien imxandra minn Ġesù nnifsu. Il-messija Ġesù iwiegħed d-dawl mill-ġdid lil għomja. L-għomja, naturalment, f’sens spiritwali. Dawn kienu dawk li ma jarawx bl-għajnejn tal-ġisem imma għajnejhom tar-ruħ huma miftuħa beraħ għal dak li jrid Alla. U Alla, permezz ta’ Ġesù kien qiegħed jagħtihom id-dawl veru biex jagħrfu lil Alla. Hekk għamel, biex nieħdu eżempju, mal-agħma mit-twelid meta bi ftit tajn fetaħlu għajnejh u bagħtu jinħasel fl-għadira ta’ Silwam u ġie jara. Imma hemmhekk il-veru miraklu kien li dak l-agħma sar jgħaraf lil Ġesù bħala l-Messija.  Mela s-sena tal-ġublew, iż-żmien tal-grazzja li ġie jniedi Ġesù huwa dak iż-żmien li fih min irid jilqa’ lil Ġesù bħala l-Messija ħellies tal-poplu l-ġdid ta’ Alla. Mhux għal-Lhud biss ġie Ġesù imma għal kulħadd, għal dawk li bil-fidi jridu jsiru parti mill-poplu l-ġdid ta’ Alla, li hi l-Knisja.

Ġesù ġie jrodd il-ħelsien lill-maħqurin. Dejjem hemm xi tip ta’ ħelsien li ġie jwassal Ġesù. Anke hawn. Lil dawk li huma maħqurin minħabba xi ċirkostanza fil-ħajja tagħhom, Ġesù ġie jwegħdhom it-tama ta’ ħelsien minn dik il-moħqrija. Għax l-idejal tas-sena tal-ġublew kien li l-Lhud jerġgħu isiru bnedmin sħaħ biex jerġgħu jgħixu ħajja sħiħa. U hekk l-idejal li ġie jwassal Ġesù għaż-żmien ta’ ġublew tiegħu, għaż-żmien ta’ grazzja, kien li l-bnedmin kollha, ibda minn dawk l-iktar fil-bżonn, jiksbu ħelsien sħiħ u jgħixu ħajja sħiħa fil-Mulej.

B’hekk fi kliem Ġesù stess din kienet is-sena tal-grazzja tal-Mulej, iż-żmien ta’ ħelsien li ġie jwassal. Fi kliemu, li din il-kitba seħħet illum intom u tisimgħu, Ġesù kien qiegħed jippreżenta lilu nnifsu bħala l-magħżul tal-Missier biex iwassal dawn il-grazzji lil kulħadd, ibda minn dawk l-aktar fil-bżonn tal-għajnuna tal-Mulej.

Mela jekk irridu ngħixu s-sena tal-ġublew kif iridna Alla, f’dan iż-żmien privileġġjat li qegħda toffrilna l-Knisja, irridu nagħrfu l-imħabba tal-Missier għalina, naċċettaw lil Ġesù bħala l-mibgħut tal-Missier u nagħmlu dak li jgħidilna hu. Għalhekk din is-sena wkoll għandha tkun sena ta’ penitenza, ta’ talb u ta’ ferħ fl-istess ħin, għax hija sena li fiha Alla se jżurna bil-grazzja tiegħu biex ngħixu ta’ nies aktar ħielsa u aktar sħaħ. Irridu nagħmlu kif għamlu għal-ewwel in-nies ta’ Nazaret u nsammru ħarsitna fuq Ġesù, li hu l-Mibgħut tal-Missier.