LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Żmien

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Skont il-Bibbja, iż-żmien beda mal-ħolqien. Qabel il-ħolqien la kien hawn spazju u lanqas żmien. Kien hemm Alla biss, li ħalaq is-sema u l-art. Kontra dak li kienu jaħsbu l-popli  ġirien ta’ Iżrael bħal dawk tal-Mesopotamja, li kienu jemmnu fil-kaos primittiv li ġie mix-xejn u li minnu ħareġ kollox, allat u bnedmin, ir-rivelazzjoni biblika tgħallem li minn Alla ġej kollox u li hu mhu ġej minn ħadd. Hu jgħix fih innifsu, minn dejjem u jibqa’ għal dejjem, la għandu bidu u lanqas tmiem. Hu El-għolam, “Alla ta’ dejjem’’ (Ġen 21,33); “minn dejjem ta’ dejjem (Salm 90, 2-4; 102,12-13; 26-28); hu l-ewwel u l-aħħar, il-bidu u t- tmiem, l-Alfa u l-Omega (Is 41,2; Apok 1,8; Rum 16,26). Dan tgħallimna l-Bibbja fuq 1-eternita ta’ Alla. Għalhekk il-Bibbja tibda bil-kliem: “Fil-bidu Alla ħalaq . . . (Ġen 1,1). Jiġifieri, fil-bidu taż-żmien, għax hu kien qabel iż-żmien u ta l-bidu liż-żmien (Ġen 2,5). Il-Grieg juża l-kelma krόnos għaż-żmien tal-jiem, il-ġimgħat u s-snin.

Fl-aspett bibliku ż-żmien isir storja waħda, l-istorja tas-salvazzjoni. Hu l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem, irrevelat fiż-żmien u żviluppat matul iż- żmien mill-bidu sat-tmiem, mill-ewwel ħolqien tal-ewwel bniedem sat-tieni ħolqien tiegħu bl-opra ta’ Ġesù Kristu. Il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni nħadem u żviluppa fl-istorja ta’ Iżrael, il-poplu ta’ Alla fiż-żmien tal-Patt il-Qadim, bi preparazzjoni għaż-żmien il-ġdid li kellu jseħħ fil-Patt il-Ġdid. Il-profeti ta’ Iżrael, l-aktar dawk tal-aħħar żmien, ħabbru ż-żmien il-ġdid u ħarsu lejh b’qalbhom qawwija. Sejħulu “jum il-Mulej’’ (Għam 5,18; Sof 1,14-18; Mal 3,17. 19). Dan hu jum ir-rebħa tal-Mulej. Hu ż-żmien li fih Alla jindaħal fl-istorja tal-bniedem biex jagħmel il-ħaqq, biex jippremja t-tajbin u jikkastiga l-ħżiena (Is 2, 11-22). Hu ż-żmien tal-aħħar, “l-aħħar jiem” (Is 2,2). Mhuwiex il-jum tal-aħħar tad-dinja, iżda hu l-jum ta’ għeluq “1-ewwel żmien” u l-bidu ta “l-aħħar żmien’’ (Is 8,23). Dan ikun iż-żmien il-ġdid; fih jiġġedded il-hena tal-Għeden u jsaltnu 1-ġustizzja u s-sliem (Is 2,2-5; 11,1-10; Hos 2,20). Hu l-ħolqien ġdid ta’ “smewwiet ġodda u art ġdida (Is 65,17). Hu “ż-żmien tal-aħħar’’ (Dan 11,40). Fis-sens storiku dan il-kliem tal-profeti għandna nifhmuh, kif fehmuh huma, għaż-żmien il-ġdid tal-qawmien ta’ Iżrael, li fih il-Mulej jeħlishom mill-ħakma tal-għedewwa tagħhom u jerġa’ jqegħedhom fis-saltna tagħhom. Imma dan kliemhom fuq l-aħħar żmien nistgħu u għandna nifhmuh ukoll fis-sens messjaniku, kif setgħu fehmuh huma wkoll, b’riferenza għall-Messija li kellu jiġi biex iqajjem is-Saltna ta’ David u jwaqqaf il-poplu 1-ġdid ta’ Alla (Eżek 36,1 ss; 37, 1 ss; Ġer 31,31 ss). Hekk, f’dan is-sens messjaniku nifhmu kliem il-profeti dwar l-aħħar jum jew l-aħħar żmien fid-dawl tat-Testment il-Ġdid (TĠ). L-awturi tat-TĠ juru li bil-miġja ta’ Ġesù fid-dinja wasal u beda ż-żmien il-ġdid. “Meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat ’l Ibnu (Gal 4,4; Ef 1,10). Ġesù ġie fid-dinja fil-“jum li Alla għażel biex fih iseħħ il-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tal-bniedem. Bil-Grieg tintuża l-kelma kairòs, “Issa hu ż-żmien it-tajjeb; issa hu jum is-salvazzjoni” (2 Kor 6:2). Iż-żmien ta’ Ġesù hu “ż-żmien taż-żjara ta’ Alla (Lq 19,44; ara Lq 1,68). Din hi l-Bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet’’ (Mk 1,14-15; ara Lq 4,21). Iż-żmien ta’ Ġesù hu ż-żmien ta’ “issa (Rum 3,21; Kol 1,22) b’differenza miż-żmien ta’ qabel; iż-żmien tat-TĠ hu ż-żmien il-ġdid; hu l-aħħar taż-żmien u l-aħħar jum. Beda u ġie inawgurat bil-miġja ta’ Ġesù Kristu u għadu fil-mixja tiegħu “sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20). Dan hu issa ż-żmien tal-Knisja ta’ Ġesù Kristu, li hi Iżrael il-ġdid ta’ Alla (Gal 6,16). Kif il-poplu ta’ Alla tal-Patt il-qadim kien iħares ’il quddiem lejn iż-żmien il-ġdid, hekk il-poplu ta’ Alla, li hu issa f’dan iż-żmien il-ġdid, iħares ’il quddiem lejn it-tmiem glorjuż tiegħu. Il-Knisja hi issa fi “tmiem iż-żminijiet” (1 Kor 10,11). Imma sakemm hi fuq din l-art dejjem tistenna “l-glorja li għad trid tidher” (Rum 8,18). “Issa hu ż-żmien it-tajjeb, issa hu jum is-salvazzjoni” (2 Kor 6,2). Issa, “aħna salvi, imma għadna nittamaw”; “nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna” (Rum 8,23-24). Din hi l-aspirazzjoni tal-Knisja u ta’ wliedha f’dan iż-żmien ta’ issa fil-mixja tagħha lejn il-glorja fis-“sema ġdid u art ġdida” (Apok 21,1) li hemm jistennewha. “Ma nafux meta jintemmu l-art u l-umanità u lanqas nafu kif l-univers kollu se jinbidel. Tgħaddi l-bixra ta’ din id-dinja mħassra mid-dnub. Imma aħna nafu mir-rivelazzjoni li Alla jhejji għamara ġdida u art ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja u li l-hena tagħha jxabba’ u jisboq ix-xewqat kollha ta’ paċi li jinbtu fil-qlub tal-bnedmin” (Il-Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Gaudium et Spes, 39).