LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Żejt

Minn Dun Pawl Sciberras

Is-siġra taż-żebbuġ hi waħda li tissemma ħafna fil-Bibbja; kienet magħrufa ħafna fl-artijiet tal-Bibbja. Għalhekk iż-żejt taż-żebbuġ kien wieħed mill-prodotti l-aktar komuni tal-art. Hekk jissemma ma’ prodotti oħra magħrufa (Dewteronomju 7:13; Ġeremija 31:11, eċċ.). Mal-qamħ u mal-inbid, iż-żejt jissemma bħala barka ta’ Alla, għax hu wkoll meħtieġ għall-ħajja tal-poplu (Dewteronomju 11:14; 1 Slaten 17:14-16; 2 Slaten 4:1-7). Barra minn element tal-ikel iż-żejt kien jiswa wkoll bħala ingwent tal-fwieħa (Għamos 6:6; Est 2:12), bħala duwa li ssaħħaħ l-għadam (Ezekjel 16:9) u tfejjaq il-ġrieħi (Isaija 1:6; Luqa 10:34) u biex jagħti d-dawl fl-imsiebaħ (Eżodu 27:20-21; Mattew 25:3-8). Iż-żejt kien jidħol ukoll fl-offerta tas-sagrifiċċji, li fihom kien isir it-tiswib taż-żejt (Levitiku 2:lss; Numri 15:4). Bil-frott kienet xbieha tal-barka ta’ Alla fuq il-bniedem ġust, hekk ukoll iż-żejt taż-żebbuġa (Salm 52:10; 128:3; Sirak 50:10). Iż-żejt jittieħed bħala simbolu tal-imħabba (Għamos 1:3), tal-ħbiberija (Proverbji 27:9) u tal-imħabba tal-aħwa (Salm 133:2); hu simbolu tal-ferħ, għax id-dlik bih juri uċuħ ferrieħa (Salm 104:15; ara Mattew 6:17). It-tiswib taż-żejt ifuħ fuq ras xi ħadd ifisser xewqa tajba ta’ hena u ferħ jew hu sinjal ta’ ġieh u ħbiberija (Salm 23:5; 92:11; Luqa 7:46; Mattew 26:7).

Iż-żejt kien ukoll l-element ewlieni fir-rit tal-konsagrazzjoni ta’ oġġetti jew persuni, li kellhom ikunu għas-servizz ta’ Alla. L-artal u t-tagħmir l-ieħor tas-santwarju kellu jindilek biż-żejt (Eżodu 29:36; 30:25-29). Hekk ukoll is-Slaten (1 Samwel 10:1; 16:13; 2 Slaten 9:6), u l-qassisin (Levitiku 8:12; Eżodu 28:41; 40:15). Għalhekk kienu ‘l-midlukin jew l-ikkonsagrati biż-żejt (maxiàħ > messija, midluk; bil-Grieg Christòs). Il-Messija hu l-bniedem ikkonsagrat lil Alla (Isaija 61:1; ara Luqa 4:18). Fit-tradizzjoni nisranija ż-żejt sar ifisser simbolu tal-Ispirtu s-Santu, li hu l-awtur tal-konsagrazzjoni (Luqa 4:18; Atti 10:18). Għalhekk fis-sagramenti tal-konsagrazzjoni - il-magħmudija, il-konfermazzjoni u l-ordni sagri - jidħol iż-żejt imqaddes li jfisser il-qawwa u l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. L-istess spirtu, li kkonsagra lil Ġesù bħala l-Messija, jikkonsgra lil dawk li jingħaqdu miegħu u jsiru tiegħu.