|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Xbieha
Minn Dun Pawl Sciberras
Alla ta’ Iżrael hu Alla inviżibbli. La ħadd qatt rah u ħadd qatt ma jista’ jarah. Kontra l-allat tal-pagani, li kienu jidhru fix-xbihat tagħhom, Alla ta’ Iżrael ma kienx maħdum bi xbihat ta’ idejn il-bnedmin. Imma Alla, li ħalaq kollox, jidher ukoll fil-ħlejjaq tiegħu li b’xi mod huma wkoll xbihat tas-setgħa u l-għerf tiegħu. L-aktar fil-bniedem, li Alla ħalqu “fuq is-sura u x-xbieha” tiegħu - “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu” (Ġen 1,26-27; 9,6). Żgur li ma nifhmux li l-bniedem hu xbieha ta’ Alla f’sens materjali u antropomorfiku, bħallikieku Alla kien bħall-bniedem b’wiċċu u b’ġismu. Lanqas ma hu biżżejjed naħsbu li Alla għamel il-bniedem xbieha tiegħu, għax tah is-setgħa li jnissel u joktor (Ġen 1,27 ), jiġifieri, li jkompli jagħti l-ħajja li bdiet minnu. Din is-setgħa Alla taha lill-ħlejjaq oħra ħajjin ukoll (Ġen 1,22). Imma lill-ebda ħliqa oħra ma għamilha Alla fuq xbihietu; dan jingħad għall-bniedem biss. Jingħad fis-sens li Alla ta lill-bniedem is-setgħa li jaħkem u jsaltan fuq il-ħlejjaq l-oħra kollha (Ġen 1,28). Alla waħdu hu s-Sultan tal-ħolqien kollu. Lill-bniedem għoġbu jsieħbu miegħu f’din is-setgħa biex isaltan fuq il-ħolqien kollu f’ismu. Din hi r-riflessjoni li jagħmel l-awtur tas-Salm 8: il- bniedem hu fuq il-ħlejjaq kollha; “ftit inqas mill-allat”; fuqu għandu biss ’l Alla l-Ħallieq (versi 5-9). Din hi d-dinjità tal-bniedem. F’dan is-sens hu xbieha ta’ Alla. Il-bniedem ried iżjed minn hekk, ried ikun alla bħal Alla. Dan kien id-dnub tal-kburija tiegħu. Għalhekk tilef il-ħbiberija ta’ Alla u waqa’ mill-għoli tad-dinjità tiegħu (Ġen 3,5ss).
It-Testment il-Ġdid jgħarraf li Ġesu, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem biex il-bniedem jerġa’ jikseb ix-xbieha ta’ Alla li fih kien maħluq fil-bidu. San Ġwann bi kliem Ġesù jgħidilna li hu u l-Missier ħaġa waħda (Ġw 10,30); għalhekk min ra lilu, ra lill-Missier (Ġw 14,9). Hu x-xbieha ta’ Alla l-Missier.
Imma hu l-aktar San Pawl li jippreżenta lil Ġesù bħala x-xbieha (eikon) ta’ Alla: “Hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1,15). Alla li ma jidhirx jidher f’lbnu li hu x-xbieha perfetta tiegħu. San Ġwann ukoll jaqbel ma’ dan il-ħsieb meta jgħid: “Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier” (Ġw 1,18). San Pawl juri lil Ġesu bħala xbieħa ta’ Alla wkoll fis-sens ta’ Ġen 1,26s, il-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla. Ġesù hu Adam il-ġdid, il-bniedem il-ġdid (Rum 5,12ss; 1 Kor 15,45ss). Hu x-xbieha ta’ Alla (2 Kor 4,4). In-nisrani, il-bniedem li jemmen fih, fl-għaqda miegħu jiġġedded fl-ispirtu, isir bniedem ġdid, “skont ix-xbieha ta’ min ħalqu” (Kol 3,10; Ef 4,22-24). Issa n-nisrani jsir xbieha ta’ Alla tassew għax jieħu “s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8,29). Fl-Iben ta’ Alla jsir bin Alla, u hekk isir hu wkoll xbieha tal-Missier (Rum 8,15; Gal 4,5-6).