LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Spirtu - It-Testment il-Ġdid

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma Griega tat-TĠ għall-kelma rύaħ (ruħ, spirtu) hi pneuma. Din il-kelma nsibuha mijiet ta’ drabi fil-kotba tat-TĠ; l-aktar b’riferenza għall-Ispirtu s-Santu (pneuma ħágion), imma wkoll f’sensi oħra kif insibuha fit-TQ. Fis-sens ta’ ‘riħ’ (Ġw 3:8; Lhud 1:7; ara Salm 104:4); fis-sens tar-ruħ jew tal-ispirtu tal-bniedem (Mt 27:30; Lq 8:55; 23:46; Atti 7:59; eċċ.); fis-sens tas-sentimenti u tal-ħsibijiet tal-bniedem (Lq 1:47; Mk 8:12; Ġw 11:33; 13:27; eċċ.); saħansitra b’riferenza għall-“ispirti ħziena” (Mk 1:23; 3:11; 5:2; Mt 10:1; eċċ.).

B’riferenza għall-Ispirtu Qaddis ta’ Alla għandna l-ewwel quddiem għajnejna n-numru kbir ta’ testi l-aktar fl-Evanġelji, li juru l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fuq Ġesù bħala l-Messija. L-evanġelisti juru li Ġesù, imnissel fil-ġuf ta’ Marija bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (Lq 1:35; Mt 1:18), kellu dejjem fuqu u miegħu l-Ispirtu s-Santu (Lq 4:18; Ġw 1:32). Hu l-Ispirtu s-Santu li kien imexxih f’kull ħidma tiegħu. Fuqu deher fil-magħmudija (Mt 3:16; Mk 1:10; Lq 3:21; Ġw 1:21; ara Atti 10:38). Hu ħadu fid-dezert (Mt 4:1; Mk 1:12; Lq 4:1). Bil-qawwa tiegħu Ġesù beda l-ministeru tiegħu fil-Galilija (Lq 4:14), kien ifejjaq mill-mard (Lq 5:17; 6:19; eċċ.) u jkeċċi x-xjaten (Lq 4:36; Mt 12:28). Hekk ukoll l-Ispirtu s-Santu, li kien imexxi lil Ġesù f’ħajtu, wasslu għar-rebħa tiegħu fuq id-dnub bil-mewt tas-salib (Lhud 9:14) u fuq il-mewt bil-qawmien tiegħu mill-imwiet; hu l-Ispirtu ta’ Alla li qajjem lil Ġesù mill-mewt (Rum 8:11; 1 Pt 3:18).

San Luqa fl-Atti tal-Appostli fehem juri li l-Ispirtu s-Santu, kif kien dejjem fuq Ġesù fuq l-art, hekk kien sa mill-bidu fuq il-Knisja tiegħu u baqa’ dejjem magħha. Il-Knisja tkompli l-missjoni ta’ Ġesù fuq l-art u tkompliha bil-qawwa tal-istess Spirtu Qaddis tiegħu, li hu bagħat fuqha. Qabel ma ħalla din l-art Ġesù wiegħed lid-dixxipli tiegħu li kellu jibagħtilhom l-Ispirtu s-Santu. San Luqa jagħlaq l-Evangelju b’din il-wegħda ta’ Ġesù (Lq 24:49) u jiftaħ il-Ktieb tal-Atti b’din l-istess wegħda (Atti 1:4.8). Hekk fehem juri l-kontinwità tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu l-ewwel fuq Ġesù, mbagħad fuq il-Knisja tiegħu. San Ġwann ukoll fir-raba’ Evanġelju jġib ħafna mill-kliem ta’ Ġesù li bih wiegħed lid-dixxipli li kien se jibgħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu, “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:15-17.26; 15:7-14). It-tnejn imbagħad, Luqa u Ġwanni, juru li Ġesù żamm il-wegħda tiegħu, meta tahom l-Ispirtu s-Santu wara li qam mill-mewt (Ġw 20:22; Atti 2:1-4). Ġwanni kiteb ukoll: “L-Ispirtu kien għadu ma ngħatalhomx, billi Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat” (Ġw 7:39). Meta mbagħad Ġesù ġie gglorifikat - u l-glorifikazzjoni tiegħu seħħet fil-mument tal-mewt tiegħu - “radd ruħu” jew “ta l-ispirtu” (parédoken to pneuma - Ġw 19:30). Bir-rakkonti tal-Atti Luqa jkompli juri li l-Knisja, li twieldet bl-Ispirtu s-Santu, kompliet tikber, tissaħħaħ u taħdem bil-qawwa tiegħu. L-Appostli xandru l-kelma bil-kuraġġ għax kienu mimlijin bl-Ispirtu s-Santu (4:8.31; 6:8; 7:55; 11:24; 15:28; 19:2; 20:28; eċċ.). Dan it-tieni ktieb ta’ Luqa hu tassew il-Ktieb ta’ “l-Atti tal-Ispirtu s-Santu”.

Imbagħad fl-Ittri ta’ San Pawl għandna teoloġija sħiħa tal-Ispirtu s-Santu. Kif hu r-ruħ tal-Knisja, li hi l-ġisem ta’ Kristu, l-Ispirtu s-Santu hu wkoll ir-ruħ ta’ kull wieħed mill-membri tiegħu. II-membri kollha tgħammdu “fi Spirtu wieħed” u lkoll xorbu “minn Spirtu wieħed” (1 Kor 12:13). Bil-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu, li hu l-Ispirtu ta’ Ġesù, ngħaqdu ma’ Ġesù Kristu u saru ħaġa waħda miegħu. Bis-saħħa ta’ din l-għaqda mistika l-insara għandhom fihom l-Ispirtu s-Santu; huma fl-Ispirtu u jgħixu bl-Ispirtu (Rum 8:9). In-nisrani veru, bħala membru tal-ġisem ta’ Kristu, hu tempju tal-Ispirtu s-Santu (1 Kor 3:16; 6:19; 8:11). Hu wkoll bl-Ispirtu s-Santu li jsir iben adottiv ta’ Alla u għalhekk jista’ jsejjaħ lil Alla, “Abba! Missier!” (Rum 8:16; Gal 4:4). Dan hu biss “l-ewwel frott tal-Ispirtu”; l-aqwa tiegħu għadu ġej fir-rivelazzjoni tal-adozzjoni sħiħa tagħna fil-glorja (Rum 8:23). L-ispirtu s-Santu hu mogħti fi qlubna b’rahan ta’ din il-glorja (2 Kor 1:22; 5:5). L-Ispirtu s-Santu hu kollox fina u hu kollox għalina. Minna nfusna m’għandna ħila nagħmlu xejn tajjeb, anqas ngħidu talba ċkejkna kif imiss. Imma l-Ispirtu, li hu fina, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna u jidħol għalina bit-talb tiegħu (Rum 8:15.26-27; 1 Kor 12:3). L-Ispirtu s-Santu hu l-prinċipju tal-ħajja tan-nisrani, hu l-forza li tagħti l-ħajja tassew lil kull ma jgħid u jagħmel. In-nisrani hu l-bniedem li jgħix fl-Ispirtu, bl-Ispirtu u skont l-Ispirtu. “Fl-Ispirtu”, jiġifieri, fl-għaqda miegħu, u permezz tiegħu f’għaqda waħda ma’ Ġesù Kristu; “tkun fl-Ispirtu” għal San Pawl hi l-istess bħal “tkun fi Kristu”. “Bl-Ispirtu”, jiġifieri, bil-qawwa u l-ħajja tiegħu. “Skont l-Ispirtu”, jiġifieri, skont ix-xewqat tiegħu. “Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu” (Gal 5:25; Rum 8:1ss). Imbagħad l-Ispirtu s-Santu, li jmexxina f’din il-ħajja ma’ Ġesù Kristu, iqajjimna wkoll għall-ħajja ta’ dejjem miegħu. “Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom” (Rum 8:11).

F’ħafna każijiet fejn jissemma l-Ispirtu s-Santu fit-TĠ is-sens hu bħal dak tal-ispirtu tal-Mulej fit-TQ, li hu dak tal-qawwa u s-setgħa ta’ Alla. Hu “s-saba’ ta’ Alla”, simbolu tas-saħħa tiegħu (Lq 11:20). Hu sinonimu għall-qawwa ta’ Alla (Lq 1:17.35; Atti 1:8).

F’ħafna każijiet oħra l-Ispirtu hu ppersonifikat; minnhom malajr naslu biex nagħrfu li hu persuna oħra f’Alla. L-Ispirtu s-Santu jitkellem bil-fomm tal-Appostli (Atti 8:20; 13:2); hu jibgħat id-dixxipli jxandru l-Evanġelju (Atti 13:4); hu jmexxi l-Knisja (Atti 20:28). Fejn jissemma ma’ Alla (il-Missier) jew ma’ Ġesù Kristu jidher li hu Persuna oħra magħhom. Hekk f’dan it-test: “II-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu” (2 Kor 13:14; ukoll, 1 Kor 12:4). Ħafna drabi l-Ispirtu jidher bħala Persuna jew Aġent ieħor distint mill-Missier u mill-Iben. L-eżempju l-aktar ċar hu dak tal-formola tal-magħmudija: “Għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” (Mt 28:19). Dan l-element hu wisq aktar ċar fil-kitbiet ta’ San Ġwann. Fid-diskors tal-aħħar lid-dixxipli tiegħu Ġesù juri li l-Ispirtu s-Santu ġej mill-Missier (Ġw 15:26), hu mibgħut minnu (14:26), biex jixhed għal Ġesù Kristu (15; 16:8-11); jgħid ukoll li hu jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex ikun magħhom floku u jkompli fosthom il-missjoni tiegħu (14:16; 16:7).

Imbagħad fil-Ktieb tal-Apokalissi Ġwanni juri l-Ispirtu preżenti fil-Knisja u jkellem lill-komunità nisranija (Apok 2:7; 3:6; eċċ.). L-Ispirtu tal-Mulej, li hu l-qawwa ta’ Alla, hu wkoll Persuna f’Alla wieħed mal-Missier u mal-Iben. Din hi r-rivelazzjoni sħiħa tal-Ispirtu (rύaħ, pneuma) fil-Kotba Mqaddsa.