LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Salvazzjoni: It-Testment il-Qadim

Minn Dun Pawl Sciberras

Il-kelma ‘salvazzjoni’ bil-kunċett u l-implikazzjonijiet kbar tagħha hi bażika fit-teoloġija tar- rivelazzjoni biblika. II-Bibbja hi l-ktieb tar-rivelazzjoni tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. It-Testment il-Qadim juri l-pjan ta’ Alla jinħadem fl-istorja ta’ poplu, ta’ Iżrael. It-Testment il-Ġdid juri li l-pjan tas-salvazzjoni seħħ fis-sens sħiħ tiegħu bl-opra ta’ Ġesů Kristu. Il-kelma Lhudija għas-salvazzjoni hi jexu‘ŕh, mill-verb jaxŕ. B’mod ġenerali tfisser kull xorta ta’ ħelsien. Każijiet partikulari jissejħu wkoll salvazzjoni: l-għajnuna kontra l-għedewwa u r-rebħa fuqhom (Ġoż 10:6; Salmi 44:8; 69:14; 80:4; eċċ.); ir-rebħa fil-gwerra (Salmi 20 u 21; 1 Samwel 14:45; 2 Samwel 23:10.12); fejqan mill-mard u ħelsien mill-mewt (Salmi 6 u 91; eċċ.).

Is-salvazzjoni hi biss opra ta’ Alla u don tiegħu lil Iżrael. L-aqwa xhieda ta’ dan hi l-istorja biblika ta’ dan il-poplu. Tibda bil-ħelsien ta’ Iżrael mill-jasar tal-Eġittu u tkompli bir-rebħiet tiegħu fil-mixja tal-Eżodu u fl-okkupazzjoni tal-art imwiegħda; bil-ħelsien mill-għedewwa fi żmien l-Imħallfin, bir-rebħiet ta’ Sawl u ta’ David, bil-ħelsien mill-eżilju tal-Babilonja u bil-qawmien mill-ġdid tal-poplu wara l-eżilju. L-istorja turi li Jaħwčh, Alla ta’ Iżrael, kien dejjem mal-poplu tiegħu biex isalvah, jeħilsu u jrebbħu. U dan skont il-wegħdiet li għamillu li jkun miegħu bħala Alla tiegħu. Għalhekk is-salvazzjoni toħroġ mill-patt bejn Alla u Iżrael u hi marbuta mal-kelma tal-fedeltŕ ta’ Alla u mal-wegħda tal-poplu tiegħu.

Għalhekk wieħed mill-aqwa titli ta’ Alla fil-Bibbja hu dak ta’ Salvatur, u dan għandu l-għeruq tiegħu fl-istorja. Mijiet ta’ drabi jingħad fil-kotba tat-Testment il-Qadim li Alla hu s-salvazzjoni tal-poplu tiegħu jew hu dak li jsalvah. Il-Kotba Mqaddsa juru li l-Iżraelin kienu jemmnu li Jaħwčh kien is-salvazzjoni tagħhom, u hu biss (Ġeremija 3:23; Hosegħa 13:4; 1 Makkabin 3:18; 4:11). Għalihom Jaħweh kien ‘is-salvazzjoni’ (2 Samwel 22:3; Salm 18:3; 27:1), “Alla tas-salvazzjoni” (Salmi 18:47; 24:5; 25:5), “blata tas-salvazzjoni” (Salmi 62:3; 89:27; 95:1). It-twajbin ta’ Iżrael kienu konvinti li Jaħwčh biss u xejn u ħadd iżjed ma jista’ jagħti s-salvazzjoni. Għalhekk fih biss il-bniedem għandu jqiegħed it-tama tiegħu - mhux fl-allat fiergħa (Isaija 45:20; Ġeremija 2:28; 11:12) jew fil-bnedmin u l-kbarat tagħhom (Salm 118:8-9; Ġeremija 17:5), fil-popli setgħana (Hosegħa 14:4) jew fil-qawwiet tagħhom (Salm 23:17; Isaija 26:18). Hekk ukoll lill-Mulej Alla kienu jitolbu, u lilu biss, biex isalvahom mill-qilla tal-għedewwa jew minn xi ħsara oħra. Dan jixhduhulna s-salmisti fit-talb u l-krib tagħhom lill-Mulej (Salm 18:20; 116:5; 118:14; eċċ.). Huma l-aktar il-fqajrin u l-imsejknin u l-imwarrbin li jistennew mill-Mulej is-salvazzjoni tagħhom (Salmi 34:7:19; 55:17; 109:31; 116:6; eċċ.).

Għall-profeti ta Iżrael it-tema tas-salvazzjoni kien għal qalbhom ħafna. Huma għexu fi żminijiet ibsin ta’ taqlib politiku, ta’ kriżi reliġjuża tal-poplu, ta’ inċertezza u qtigħ il-qalb. Ma kellhom xejn xi jfarraġgħom u jqawwilhom qalbhom ħlief it-tama tagħhom f’Alla, is-Salvatur ta Iżrael. Kliemhom jixhdilna kemm kellhom qalbhom qawwija fil-wegħdiet tal-Mulej għas-salvazzjoni tal-poplu tiegħu. Kienu jwiegħdu l-ħelsien mill-għedewwa u mill-eżilju u kienu jħabbru ż-żmien sabiħ tas-salvazzjoni messjanika (ara Isaija 33:22; 43:3; 60:16; Bar 4:22).

Għall-profeti ta’ żmien l-eżilju s-salvazzjoni kienet il-ħelsien tal-poplu minn dan l-itturufnament; il-Mulej kellu jreġġagħhom lura lejn arthom (Ġeremija 31:7; Eżekjel 34:22; Isaija 35:4; 63:1 ). Wegħedhom li kien se jibagħtilhom il-Qaddej tiegħu (Is 49:6.8) u s-Sultan, bin David li jwassalhom għas-salvazzjoni (Ġeremija 23:5; Eżekjel 34:23).

Wara l-eżilju l-viżjoni tas-salvazzjoni kotrot u ssaħħet fost il-fdal ta’ Iżrael li kienu reġgħu lura f’arthom. Dan kien għalihom żmien ta’ inċertezza u ta’ qtigħ il-qalb. Il-profeti ta’ dak iż- żmien qawwewlhom qalbhom bil-wegħda ta’ żmien aħjar, ta’ jum il-Mulej, li kellu jiġi biex ikun jum ir-rebħa u s-salvazzjoni tagħhom (Isaija 12:2; 25:9; Danjel 12:1; Ġoel 3:5). Is-salvazzjoni li lejha ħarsu l-profeti kienet tikkonsisti fil-qawmien ġdid ta’ Iżrael u fil-glorja ta’ Ġerusalemm il-ġdida (Salmi 14:7; 69:36). Għal Ġeremija ż-żmien il-ġdid ikun żmien il-qawmien ta’ poplu ġdid u t-twaqqif ta’ patt ġdid (Ġeremija 31:31-33). Għal Eżekjel is-salvazzjoni hi t-tisfija mit-tinġis kollu tal-poplu u l-ħelsien mid-dnubiet kollha tagħhom. Għal Isaija (it-Tieni Isaija 40-66) is-salvazzjoni tħeġġeġ bħal torċa minn Ġerusalemm u ddawwal il-ġnus kollha (Is 62:1). L-awtur tas-salvazzjoni hu l-Mulej; imma l-Mulej jinqeda bil-‘Qaddej tiegħu biex is-salvazzjoni tiegħu sa truf l-art tinfirex (Isaija 42:6-7; 49:6).

F’dan l-aħħar żmien is-salvazzjoni li lejha kienu jħarsu l-profeti libset il-karattru messjaniku, meta bdew iħarsu lejn il-Messija-Sultan li kellu jiġi biex permezz tiegħu jseħħu l-wegħdiet tas-salvazzjoni ta’ Alla. Dan setgħet tfisser il-figura tal-Qaddej tal-Mulej (Isaija 49:6) u tas-sultan bin David (Eżekjel 34:24). Il-viżjoni profetika tas-salvazzjoni bdiet tieħu wkoll il-karattru universali. Il-profeti bdew jitkellmu mis-salvazzjoni mhux għal Iżrael biss, iżda għall-popli kollha tal-art. Il-Qaddej tal-Mulej ikun dawl għall-ġnus, għax lilhom iwassal id-dawl tas-salvazzjoni (Isaija 49:6). U kull min jagħraf il-Mulej u jsejjah ismu jsalva (Ġoel 3:5). Din hi l-viżjoni eskatoloġika li l-profeti kellhom tas-salvazzjoni, li kellha tiġi u sseħħ fl-aħħar taż-żmien (Salm 67:3; 98:2; Isaija 43:3; 49:6; 52:10). Hekk ir-rivelazzjoni tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni fil-kotba tat-Testment il-Qadim u b’mod aktar perfett mal-mixja taż-żmien, laħqet il-quċċata tagħha, meta waslet fuq l-għatba tat-Testment il-Ġdid. It-Testment il-Qadim kien iż-żmien tal-preparazzjoni għar-rivelazzjoni sħiħa tas-salvazzjoni fit-Testment il-Ġdid bl-opra ta’ Ġesů Kristu.