|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Paraklitu
Minn Dun Pawl Sciberras
Din il-kelma Griega (paràkletos) tinsab biss għal ħames darbiet fil-kitbiet ta’ San Ġwann. Ġejja mill-verb parà-kalèo, “issejjaħ ħdejn”; issejjaħ ’il xi ħadd ħdejk biex jgħinek, biex jidħol jew jaqbeż għalik, bħall-avukat jew xi ajjutant fil-bżonn li fih tista’ tkun. Mela paràklitu hu isem jew titlu li jfisser din il-ħidma - ta’ avukat, difensur, assistent, ajjutant, interċessur (iżda mhux dik ta’ “konsolatur”; din ma tidħolx fl-etimoloġija tal-kelma).
Ġesù Kristu fil-glorja tas-sema hu “Difensur” tagħna quddiem il-Missier. Hekk sejjaħlu San Ġwann (1 Ġw 2,1). Aħna ħatja quddiem Alla l-Missier u ħaqqna l-kundanna. Imma Ġesù Kristu, Ibnu u ħuna, li qiegħed ħdejh, jaqbeż għalina u jiddefendina. Hu l-Avukat jew aħjar, l-Interċessur tagħna. Skont San Ġwann ukoll, Ġesù kien jaf li hu Difensur tad-dixxipli tiegħu fuq din l-art ukoll; wegħedhom li kien se jitlob lill-Missier biex jagħtihom “Difensur ieħor” wara li jitlaqhom hu (Ġw 14,16). Ġesù kien Difensur tad-dixxipli meta kien magħhom fuq l-art, għax kien jiddefendihom mill-għedewwa u jħarishom mill-ħażen (Ġw 17,12).
Mill-istess Evanġelju ta’ San Ġwann nafu li Ġesù ta wkoll it-titlu ta’ paràkletos lill-Ispirtu s-Santu (Ġw 14,16.26; 15,26; 16,7). Ġesù wiegħed lid-dixxipli li wara li jħallihom u jmur għand il-Missier, kien se jibagħtilhom l-Ispirtu s-Santu jew jitlob lill-Missier jibgħathulhom f’ismu. Il-missjoni tal-Ispirtu s-Santu fuq l-art kellha tkun bħal dik ta’ Ġesù; li jgħallem il-verità ta’ Ġesù Kristu lid-dixxipli, jiddefendiha quddiem id-dinja, juri li Ġesù kien fis-sewwa u d-dinja, li kkundannatu, fl-iżball. L-Ispirtu hu d-Difensur ta’ Ġesù Kristu u tad-dixxipli tiegħu. Kif Ġesù Kristu hu d-Difensur tagħna quddiem il-Missier fis-sema, hekk l-Ispirtu s-Santu hu d-Difensur tagħna fuq l-art kontra l-ħażen tad-dinja.