LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ministeru

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma “ministeru”, mil-Latin ministràre, ‘taqdi’, ‘isservi’, tittraduċi l-kelma Griega tat-Testment il-Ġdid diakonìa, ‘qadi’, ‘servizz’. L-uffiċċji, ħidmiet jew kariżmi fil-Knsija huma diakonìai, ‘ministeri’ (1 Kor 12,4-6). U dawk li huma mogħnija bihom huma diàkonoi, ‘qaddejja’, qaddejja tal-aħwa fil-komunità. Id-doni spiritwali jingħataw mill-Ispirtu s-Santu għall-ġid tal-oħrajn, “għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu” (Ef 4,12). Min għandu d-doni fil-Knisja għandu jħaddimhom bl-ispirtu ta’ Ġesù Kristu, li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10,43-45; Ġw 13,12-15).

L-Appostli ta’ Ġesu fehmu sewwa l-kliem tal-Imgħallem. Kif jixhdilna kliemhom, sa mill-bidu għarfu li d-don tal-appostolat tagħhom kien diakonìa (Atti 1,17; 6,4; 12,25; 2 Kor 4,1; 1 Tim 1,12). Għal Pawlu din il-ħidma kienet ministeru tal-Evanġelju (Atti 20,24; Kol 1,23; Ef 3,7), tar-rikonċiljazzjoni (2 Kor 5,18); hu, għalhekk, kien ministru ta’ Kristu (2 Kor 11,23) u ministru tal-Knisja (Kol 1,25).

“Hemm diversi ministeri” (1 Kor 12,5). Wara l-appostolat, il-ministeru tal-Appostli, jissemma l-ewwel il-ministeru tal-mejda jew tat-tqassim tal-ikel (Atti 6,1-2) u tal-għoti tal-karità (Atti 11,29; 12,25; Rum 15,31; 2 Kor 8,4).

Imbagħad il-ministeri l-oħra kollha li jissemmew fil-listi tal-kariżmi (Rum 12,7-8; 1 Kor 12,4-11; Ef 4,11-12; 1 Pt 4,10-11). Ninnutaw li f’dawn il-listi jissemmew l-ewwel il-kariżmi li għandhom x’jaqsmu mal-ministeru tal-kelma (l-appostli, il-profeti, l-għalliema, l-evanġelisti u r-rgħajja). Din hi l-ħidma l-aktar meħtieġa fil-Knsija; l-ewwel u l-aqwa ministeru (Atti 6,4).