|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Messija
Minn Dun Pawl Sciberras
Il-kelma Lhudija maxìaħ (mill-għerq maxàħ ‘dilek’ biż-żejt; għalhekk, ‘ikkonsagra’) tfisser midluk jew ikkonsagrat lill-Mulej. Bil-Grieg, Kristòs (mill-verb krìo, ‘tidlek’). Il-messija hu l-bniedem ikkonsagrat minn Alla u lil Alla bid-dlik taż-żejt. Dan kien it-titlu, l-ewwel u qabel kulħadd, tas-slaten ta’ Iżrael. Quddiem il-poplu s-sultan kien jidher bħala l-bniedem ta’ Alla u kien isaltan f’ismu. Dan ifisser ir-rit tal-konsagrazzjoni tas-slaten biż-żejt (1 Sam 9,16; 10,1-2; 2 Sam 2,4; 5,3; 1 Slat 1,39). Hekk is-sultan kien “il-Midluk tal-Mulej” (2 Sam 19,22; Salm 84,10; 132,10, u ħafna drabi fis-Salmi; ara Lq 2,26: “il-Messija tal-Mulej”).
F’sens aktar wiesa’, it-titlu ta’ Messija jingħata lill-bnedmin magħżulin minn Alla biex jaqdu l-missjoni skont ir-rieda tiegħu, bħal Ċiru, Sultan tal-Persja (Is 45,1); ma kienx ikkonsagrat biż-żejt, iżda bil-grazzja ta’ Alla li għażlu biex jeħles il-poplu tiegħu mill-eżilju tal-Babilonja. Il-qassisin ukoll kienu jiġu midlukin jew ikkonsagrati biż-żejt (Eż 28,41; 29,7; 30,30; ara Salm 133,2). Il-valur tal-konsagrazzjoni tal-qassisin, l-aktar tal-qassis il-kbir, kien akbar wara l-eżilju; f’dan iż-żmien, meta ma kienx hemm aktar is-sultan, il-qassis il-kbir kien il-kap tal-poplu, u hekk sar “l-ikkonsagrat” jew il-Messija tal-Mulej (ara Dan 9,25).
Billi s-slaten ta’ Iżrael u ta’ Ġuda kienu kważi kollha ħżiena, il-profeti kienu jħarsu ’l quddiem lejn żmien li fih jiġi sultan, bin David, li jmexxi l-poplu skont il-liġi ta’ Alla. Hekk ħarġu minn fommhom dawk li nsejħulhom ‘profeziji messjaniċi’, bħal Ġen 3,15; 49,8-12; Is 7,10ss; 9,5; Mik 5,1-5; eċċ. Għalkemm dawn l-orakli huma messjaniċi fis-sens tipiku jew ġeneriku, dejjem ifissru x-xewqa tal-profeti li jaraw sultan li jkun tassew ‘il-midluk tal-Mulej’. Dan wisq aktar fi żmien l-eżilju u warajh, meta s-saltna ta’ David kienet intemmet għal kollox. Il-profeti ta’ dan iż-żmien ħabbru jew fissru x-xewqa li jerġa’ jiġi David fil-persuna ta’ ibnu, li jkun sultan tajjeb bħalu (Ġer 23,5ss; 30,9; Eżek 34,23ss; 37,24; Żak 9,9s). Is-Salmi tas-Saltna, għalkemm ta’ żmien il-monarkija ta’ David, iħabbru li din is-saltna kellha tibqa’ għal dejjem, skont il-wegħda tal-Mulej lil David (Salm 2,89; 110; eċċ.; ara 1 Sam 25,25; 2 Sam 1,10). Minn dan il-kliem u profeziji oħrajn bħalu tnissel fost il-poplu l-Messjaniżmu - dak it-twemmin popolari li kellu jiġi l-Messija, bin David, li jqajjem is-saltna ta’ David missieru. II-konvinzjoni tagħhom li l-kelma ta’ Alla tibqa’ għal dejjem u l-wegħda tiegħu lil David ma setgħetx tisfa fix-xejn, kienet issaħħaħhom f’dan it-twemmin, li kull ma jmur kien joktor maż-żmien.
Fit-Testment il-Ġdid ix-xewqa tal-poplu għall-miġja tal-Messija kienet qawwija ħafna (ara Lq 3,15). Imma, kif jixhdulna l-paġni tal-Evanġelju, fost il-Lhud ta’ dak iż-żmien kien hemm opinjonijiet diversi dwar il-Messija: li jkun profeta (Ġw 4,25), li ħadd ma jkun jaf mnejn hu (7,27), li ma jkunx mill-Galilija, iżda minn Betlehem (7,41-42), li jibqa’ għal dejjem (12,34), li jiġi biex jifdi lil Izrael u jeħlishom minn idejn l-għedewwa tagħhom ( Lq 24,21; 1,74). Imbagħad, mill-kitbiet apokrifi, li nfluwenzaw ħafna l-Lhud ta’ dak iż-żmien, nafu li l-opinjoni komuni tagħhom kienet li l-Messija, li kellu jiġi, kien se jkun sultan qalbieni li jmexxi l-poplu għar-rebħa fuq l-għedewwa, jerġa’ jqajjem is-saltna ta’ David u jaħkem fuq il-popli kollha. Ħadd minnhom ma kien jaħseb li l-Messija kien se jbati. Ma ridux Messija mirbuħ, iżda Messija rebbieħ, li jirbaħ hu u jrebbaħ lilhom. Din kienet id-diffikultà li kellhom biex jaċċettaw ’il Ġesù ta’ Nazaret bħala l-Messija. Sakemm semgħuh jgħallem u jagħmel il-mirakli, ħafna aċċettawh; meta rawh f’idejn l-għedewwa, telquh, saħansitra l-istess ħbieb tiegħu.
Billi skont l-opinjoni popolari l-Messija kellu jkun is-sultan ta’ Izrael, Ġesù qagħad attent li ma jiddikjarax pubblikament ċar u tond li hu l-Messija. Dan ma għamlux fl-ewwel żmien tal-ministeru pubbliku tiegħu (barra mid-dikjarazzjoni indiretta lill-mara Samaritana, Ġw 4,25-26, li forsi hi wkoll espressjoni tal-fidi nisranija). Anzi lid-dixxipli kien jgħidilhom biex ma jgħidu lil ħadd li hu kien il-Messija (Mt 16,20). Dan hu dak li jsejħulu ‘is-sigriet messjaniku’. Ġesù ried iżomm dan is-sigriet għax kien jaqbel billi n-nies żgur kienu jifhmuh ħażin u jfixklulu l-pjan tiegħu qabel iż-żmien (ara Mt 6,15). Meta mbagħad wasal għalih iż-żmien ta’ tmiem ħajtu, stqarr ukoll li kien il-Messija bid-daħla tiegħu ta’ Sultan f’Ġerusalemm (Att 21,9 par) u bl-istqarrija li għamel quddiem is-Sinedriju (Mt 26,63ss par). Imma aċċetta t-titlu messjaniku ta’ bin David, kif kienu jsejħulu; sejjaħ lilu nnifsu Bin il-Bniedem, kif kien imħabbar minn Danjel (7,13ss), u xebbah lilu nnifsu mal-Qaddej tal-Mulej li jbati, kif inhu mfisser fil-Ktieb ta’ Isaija (40-55). Hu f’dan l-aħħar sens li Ġesù ppreżenta l-aspett ġdid tal-Messija. “Ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” (Lq 24,26). “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati ” (Lq 24,46). Kellu jkun rebbieħ ukoll, imma rebbieħ permezz tat-tbatija - u dan ukoll “skont il-Kotba Mqaddsa” (1 Kor 15,3-4; Lq 24,27).
Kien fid-dawl tal-fidi tagħhom fil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt li d-dixxipli tiegħu għarfu li hu l-Messija, imżejjen mhux biss bil-kobor tas-saltna ta’ din l-art, iżda wkoll b’dik tas-sema (Atti 2,36; Lhud 2,9). Sa mill-ewwel żmien il-Knisja, bil-fomm tal-ministri tal-kelma, xandret li Ġesù hu l-Messija mistenni mill-poplu ta’ Iżrael. Dan kien isir l-aktar fix-xandir tal-Evanġelju lil-Lhud, għax huma kienu qegħdin jistennewh, u meta ġie fosthom ma għarfuhx: “Lil dan Ġesù li intom sallabtuh Alla għamlu Mulej u Messija” (Atti 2,36; 9,22). Għall-ewwel il-kelma Messija (Kristòs) bdiet tingħata lil Ġesù bħala titlu (ħò Kristòs, bl-artiklu - Lq 25,26; Atti 9,22; Rum 9,4). Imbagħad malajr saret isem proprju tiegħu mehmuż mal-isem ta’ Ġesù jew għalih waħdu, mingħajr l-artiklu, kif insibuh ġeneralment fl-ittri ta’ San Pawl (1 Kor 15,12-23; eċċ .)